Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-container scanners? Kemm ilu jitħaddem? Kemm tħarġu u qed jitħarġu ħaddiema sabiex iħaddmu dan l-apparat? Xi ħlas qed jitħallas għal dan is-servizz?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-container scanner li għandu jingħata mill-Gvern Amerikan għadu ma' wasalx Malta. Għalhekk l-arranġamenti meħtieġa, nkluż taħriġ għall-ħaddiema, għad iridu jsiru.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-FAO li sar fl-1997? Jista' jgħati rendikont separatament ta' kif twettaq il-programm li kien jinvolvi dan il-ftehim?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li mill-files fil-Ministeru ma jirriżultax li fl-1997 kien sar xi ftehim bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-FAO. Għaldaqstant, peress li l-Onor. Interpellant kien il-Ministru responsabbli mill-biedja u s-sajd fl-1997, nitolbu jindika għal-liema ftehim qed jirriferi, u jekk sar xi ftehim minn min kien iffirmat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' rikomandazzjonijiet li għamlu esperti fil-qasam tal-Biedja u s-Sajd lokali matul l-1997?
Jista' jgħid x'ġie implimentat minn dawn ir-rikomandazzjonijiet matul l-1999, 2000 u 2001? X'se jiġi implimentat matul din is-sena minn dawn ir-rikomandazzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirriferi għar-rapport tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-Biedja u Sajd li kien finalizzat fi Frar ta' l-1998.
Dan ir-rapport kien ġie pubblikat u tqassam f'Marzu ta' l-istess sena, jiġifieri f’Marzu ta’ l-1998, meta l-Onor. Interpellant kien responsabbli minn dan il-qasam.
Għar-rigward ta' dak li ġie mplimentat minn dan ir-rapport fis-snin 1999, 2000, u 2001 nirriferi lill-Onor Interpellant għar-rapporti ta' ħidma tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd fejn isib dettaljat ix-xogħol kollu li wettaq il-Ministeru fis-snin imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel importati mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE li se jkollu jiżdidielhom id-dazju sabiex pajjiżna jkompli jaġġorna mas-sistemi ta' l-UE u ċioe mar-regolari tal-CAP? Liema kienu s'issa l-prodotti ta' l-ikel, preserves, eċċ li fuqhom żdied id-dazju u kemm fil-fatt żdied?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija wieħed ma jistax ikun ġeneriku minħabba li r-rati li jidhru fit-Tariffa ta' l-U.E. ikunu suġġetti ħafna drabi għal diversi parametri bħal 'Tariff Quotas, Tariff ceilings, intervention or support prices, entry prices and entry dates' u wkoll xi komponenti agrikoli f'xi prodotti u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba komprensiva. Għalhekk ikun aħjar jekk jiġu speċifikati xi prodotti.
Barra min hekk ir-rati tac-CET ta' l-Unjoni Ewropeja jinbidlu minn żmien għal żmien.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, din hi nformazzjoni pubblika li l-Onorevoli Membru jista' jikseb għal kull prodott li jidhirlu hu. Jista' jara wkoll kemm raħsu d-dazji fuq ħafna prodotti wara li dan il-Gvern gradwalment qiegħed ineħħi s-soprataxxa li l-Gvern soċjalista kien imġiegħel jagħmel meta ħarbat is-sistema tat-taxxi ndiretti f'pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numri ta' koperattivi ġodda li ġew reġistrati matul l-1999, 2000 u 2001? X'inhija l-politika tal-Gvern f'dan il-qasam u kemm hemm dipartiment li l-ħaddiema tagħhom qed jikkunsidraw dan il-pass sabiex jassiguraw l-impjiegi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' koperattivi ġodda li ġew reġistrati kienu:
fl-1999 - ħamsa
fl-2000 - ħamsa
fl-2001 - erbgħa
Il-politika tal-Gvern, fejn għandhom x'jaqsmu l-koperattivi, hija waħda ta' appoġġ kontinwu. Dan jista' jintwera bl-investiment li qed isir minn sena għall-oħra fil-Proġett Scoops. Barra minn dan, permezz tal-liġi l-ġdida, il-Moviment Koperattiv ser ikollu liġi moderna li tagħti spazju sabiex il-koperattivi jitmexxew fuq sisien sodi.
Fil-każ ta' koperattivi f'dipartimenti tal-Gvern, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda dipartiment li l-ħaddiema tiegħu kkunsidraw jiffurmaw koperattiva sabiex jassiguraw l-impjieg tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li l-protezzjoni tal-Biedja trid tispiċċa, f'pajjiżna matul dawn l-aħħar sentejn għola d-dazju fuq it-tonn taż-żejt ġej mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE minn 15% għal 18% u fuq il-corned beef minn 02% għal 14%?
X'inhija r-raġuni li l-Gvern ma jridx jagħti garanziji li dawn id-dazji/tariffi fuq il-prodotti ta' l-ikel tal-Maltin u Għawdxin mhux se jiżdiedu fuq firxa akbar tal-prodotti ta' l-ikel li nikkunsmaw f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas ta' l-overtime għal-ħaddiema tal-bowsers ta' l-ilma matul is-sena li għaddiet? Kemm kien id-dħul li d-Dipartiment għamel mill-istess ġar ta' l-ilma bil-bowsers matul l-istess perjodu? Jista' jgħati l-istess informazzjoni għal-aħħar 5 snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-dħul mill-ġarr ta' l-ilma bil-bowsers u ħlas ta' sahra għall-ħaddçma tal-bowsers fl-aħħar ħames snin kçn hekk:
Sena Dħul (Lm) Sahra (Lm)
2001 4,716 5,014.32
2000 3,929 6,646.66
1999 4,509 2,535.00
1998 4,438 9,764.15
1997 4,938 2,100.06
B'referenza għall-kumpaniji sussidjarji ta' l-Air Malta, jista' jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni tal-ħaddiema tas-Selmun Hotel fil-Mellieħa? Kemm fil-fatt huwa s-sehem u s-shares li l-Air Malta għandha f'din il-lukanda fil-preżent u kemm kien dan s-sehem matul l-aħħar 5 snin sena b'sena rispettivament? Minn fil-fatt kienu l-partners l-oħra li flimkien ma' l-Air Malta għandhom l-investiment f'din il-lukanda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-pożizzjoni tal-ħadiema tal-lukanda Selmun Palace hija l-istess bħal dik ta' ħaddiema oħra ta' lukandi oħra f'Malta.
L-Air Malta għandha disgħin fil-mija mill-miljun u mija u tmenin elf sehem fil-lukanda msemmija. Dan ix-shareholding ma nbidilx matul dawn l-aħħar ħames snin. Il-partner ta' l-Air Malta hija l-kumpanija reġistrata fi Franza Accor S.A.
Peress li sena ilu tneħħiet bożża fi Triq l-Isqof Pace il-Mellieħa li tinsab bejn New Mill Street u Parish Str u ħdejn ir-residenza li qed tintbgħat separatament, jista' l-Ministru jara li din il-bozza titwaħħal issa li xogħlijiet tlestew? Jekk fl-affermativ meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex wara li ssir l-investigazzjoni meħtieġa tittieħed l-azzjoni relattiva.
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għadha ma tħallsitx lura l-VAT fuq l-ewwel propjeta li xtrat, jista' l-Ministru jara li jsir il-ħlas dovut bla aktar telf ta' żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull talba għar-rifużjoni tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta' l-ewwel propjeta għandha issir lill-Awtorita' tad-Djar li tħaddem din l-iskema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' kuntrabandu li interċettat il-pulizija matul is-sena li għaddiet? X'irriżulta? X'tip ta' kuntradandu nqabad u kemm tresqu nies il-qorti u weħlu l-piena? X'kienet is-sitwazzjoni għall-aħħar 5 snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001, il-Pulizija investigat 36 każ li jinvolvi xi tip ta` kuntrabandu, li kienu jinkludu fost l-oħrajn apparat elettroniku, sigaretti, xorb, arloġġi, ħwejjeġ, mediċina, fidda u oġġetti ta` l-ikel. Minn dawn, 8 każi ġew konklużi u tressqu 12-il persuna quddiem il-Qorti. Kien hemm 3 każi oħra li ġew konklużi amministrattivament skond l-artikolu 63 ta` l-Ordinanza tad-Dwana. Hemm ukoll 6 każi fejn il-Pulizija ikkonkludiet l-investigazzjoni u ser jinbdew proċeduri quddiem il-Qorti hekk kif il-Pulizija jkollha l-awtorita` sabiex tipproċedi mingħand il-Kontrollur. Infurmat ukoll li 15-il każ irriżultaw fin-negattiv, filwaqt li l-4 każi l-oħra għadhom qed jiġu nvestigati.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub, ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 30676 u cioe jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu
siġar matul is-sena 2001, f'Malta u Għawdex separatament mid-Dipartiment ta'
l-Agrikoltura u x'tip u x'etajiet u daqs kellhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li matul is-sena 2001, f’ċirkustanzi ta’ xita limitata, f’Għawdex tħawlu madwar 1070 siġar u arbuxelli mill-Fergħa ta’ l-Agrikoltura tad-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp. It-tipi li tħawlu kienu:
Palm
Oleander
Ficus
Tamarix
Populus alba
Quercus Ilex
Eucalyptus
Pine carobs
Auricaria
Cupressus
Casuarina
Laurus Nobilis (rand)
Pittosporum
Hibiscus
Caprosma
Bianca
Widnet-il-Baħar
Evonymous
Dawn kienu ta’ bejn tlieta u sitt snin u bejn sittin ċentimetru u żewġ metri għoli.
Jista' l-Ministru jara li jinvestiga kif l-ispieri ta' l-ilma tal-bdiewa fil-Qammieħ il-Mellieħa spiċċaw kontaminati?
Jista' l-Ministru jara li jirrimedja u jekk iva, meta l-bdiewa se jkun possibli għalihom li mill-ġdid jibdew isaqqu tar-raba' tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura qiegħed kontinwalment f'konsultazzjoni mad-Dipartiment tad-Drenaġġ biex tissewwa l-ħsara li żviluppat fil-main tad-drenaġġ.
Il-bdiewa jkunu jistgħu jsaqqu meta d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika japprova li l-ilma jkun ta' kwalita' tajba biżżejjed li jkun jista' jintuża fuq ħxejjex għall-ikel.
Peress li żied is-serq tal-karozzi fir-Rabat Malta u stabilimenti kummerċjali tant illi s-serq tal-karozzi tela' minn 64 serqa ta' karozza fir-Rabat għal 107 fl-2000 u 103 fl-2001, jista' l-Ministru jara li jiżdiedu l-pulizija fir-Rabat u jingħataw aktar support fosthom karozzi u faċilitajiet oħra?
Jista' l-Ministru jara li tinfetaħ mill-ġdid l-għassa ta' l-Imdina u l-għassa ġdida fl-Imtarfa ħalli l-pulizija jkollha sorveljanza aħjar f'dawn l-inħawi?
Jekk fl-affermattiv metta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-Diviżjoni tal-Pulizija tar-Rabat hemm assenjata vettura bħal ma` hemm f`Diviżjonijiet oħra. Barra minn hekk l-Iskwadra Mobbli ukoll tagħmel ir-ronda. Ninsab infurmat ukoll illi l-Għassa tal-Pulizija ta` l-Imdina qed tkun miftuħa, filwaqt li għal dik ta` l-Imtarfa, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30278.
B'referenza għall-PQ 30677 u 30581 jista' l-Ministru jinfurmani liema huma l-ħaddiema li se jkunu involuti f'dawn il-proġetti ta' landscaping?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li għadhom qed ikunu kunsidrati l-proposti li daħlu lill-Gvern għas-sejħa li saret għal tisħib mill-privat f'ħidma ta' landscaping u embellishment, għadu prematur li tingħata l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-dak li ġie ppublikat fil-ġurnal it-Torca u l-Orizzont siegħa dwar il-ħlas lura ta' Lm 200 f'dipożiti li jridu jitħallsu mid-Dipartiment lis-sajjieda li kellhom il-liċenzji tal-lampuki u dwar il-konsulent li ismu qed jintbgħat separatament, jista' jgħid x'investigazzjoni saret u x'passi ttieħdu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-depożiti tal-liċenżji tal-lampuki nġabru kollha. Kull min kellu xi depożitu kien avżat biex imur jiġbru.
Jien infurmat li ma kien hemm ebda raġuni għalfejn issir l-investigazzjoni u allura ma ttieħdu l-ebda passi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-laqgħat li kellhom isiru mal-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda f'nofs Diċembru li għadda għadhom ma sarux?
Meta se jsiru u x'se tkun l-aġenda tal-Ministeru tal-Biedja għal dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Laqgħat mar-rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda jsiru kull meta jkun hemm bżonn u skond l-aġenda li jkollu quddiemu l-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq il-Waqqafa l-Mosta li r-road contibution għaliha ilha mħallsa mir-residenti għall-aktar minn 10 snin, la fiha bankina, la asfalt, jew tarmac u lanqas dawl adegwat?
Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bil-kordinament tax-xogħolijiet meħtieġa mmedjatament u dan b'rispett lejn ir-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31238 li tapplika wkoll f'dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq l-Antinni l-Mosta li r-road contibution għaliha ilha mħallsa mir-residenti għall-aktar minn 10 snin, la fiha bankina, la asfalt, jew tarmac u lanqas dawl adegwat?
Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bil-kordinament tax-xogħolijiet meħtieġa mmedjatament u dan b'rispett lejn ir-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 25945.
Jista` l-Ministru jinfurmani bir-raġuni għaliex it-Traffic Control Board ma` żammx kuntatt mal-familja li tagħha qed nibgħat kopja tal-korrispondenza li ġiet ikkomunikata separatament?
Jista` l-Ministru jara li jintervjeni sabiex isir investigazzjoni meħtieġa qabel issir xi traġedja fi Triq Konti Ruġġieru fir-Rabat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.