Jista' l-Ministru jagħti breakdown tan-nefqa għaż-żewġ serer speċjalizzati li nbnew fil-Plant Biotechnology Centre?
Meta fil-fatt bdew jinbnew dawn is-serer u meta tlesta x-xogħol fuq l-infastruttura tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ispejjeż li saru kienu dawn:
Is-serra speċjalizzata (maqsuma fi tnejn) ġiet tiswa' Lm190,251.05.
L-ispejjeż kienu maqsumin hekk:
Skavar Lm5,619.09
Kostruzzjoni strutturali, pedamenti u servizzi Lm45,451.15
Materjal tas-serra,twaqqif u assistenza teknika Lm 139,180.81
Ix-xogħol beda fis-16 ta' Dicembru 1997 u s-serra ġiet kummissjonata fis-6 ta' Ottubru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir sabiex tiġi rimedjata l-backlog ta' appuntamenti pendenti li għandhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fl-isptarijiet ta' l-istat f'Malta u Għawdex
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Mistoqsija hija ftit jew wisq ġenerika. Jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema Dipartiment jew Dipartimenti qiegħed jalludi, nkun nista` nagħti d-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru sabiex il-persuna li isimha qed jintbgħat separatament tuża r-raba tal-Farm tal-Għammieri?
Meta saru dawn l-arranġamenti u meta ħarġet is-sejħa mid-dipartiment?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dan it-tagħrif u l-arranġamenti li ntlaħqu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-persuna li għaliha qed jirriferi l-Onor Interpellant m'hix qed tagħmel użu minn xi raba' fil-Farm tal-Għammieri.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti tar-residenti ta' Triq Konti Ruġġieru r-Rabat dwar is-sitwazjoni tat-traffiku f'din it-Triq, minħabba li żdied il-volum tat-traffiku f'din it-Triq fejn illum hemm ħafna residenti anzjani?
Peress li dawn l-anzjani qed jiffaċċjaw diversi problema fosthom dawk ta' l-istorbju u nkonvenjenti oħra, jista' l-Ministru jara li s-sitwazzjoni terġa tiġi għan-normal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-direttorat kkonċernat qed jinvestiga lmenti li rċieva mingħand residenti f'dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx il-ħlas lura tal-VAT fuq l-ewwel propjeta tagħhom, jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa ħalli li ħlasijiet dovuti jsiru bl-aktar dewmien?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull talba għar-rifużjoni tal-VAT inħallsa fuq ix-xiri ta' l-ewwel propjeta għandha ssir lill-Awtorita' tad-Djar li tħaddem din l-iskema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' testijiet tad-demm, stress ECG, u ex-ray li saru matul ix-xahar ta' Jannar 2002?
X'kienet is-sitwazzjoni għall-istess xahar għas-snin 2001, 2000, u 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal tabella fi Triq il-Mejjiesa l-Manikata, liema triq ma tinfitx peress li jidħlu regolarment il-karozzi u jispiċċaw jiffaċjaw dan l-inkonvenjent?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa hemm tabella li turi li t-triq imsemmija ma tinfidtx.
Jista' l-Ministru jara li jsiru arranġament addizjonali fix-xogħlijiet ta' Triq il-Prinjol, St Luċia sabiex l-ilma tax-xita li minn din it-triq jinżel f'Wied Garnaw jkun hemm ilquħ għalieh bil-għan li l-karatteristika ta' dan il-wied ma tintilifx anzi jiġi krejat l-iżvilupp sostenibbli meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jaqa' fl-ambitu ta' titjieb ta' toroq rurali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa tal-materjal li tqassam fiċ-ċeremonja ta' 6 ta' Ottubru, ta' l-inawgurazjoni tal-Plant Bio technology Centre?
Kemm swew ir-riċevimenti u min kienu l-mistiedna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li għall-okkażjoni tal-ftuh uffiċjali taċ-ċentru msemmi kienu stampati brochures u posters li swew Lm1,498.45. Dawn ma ntużawx kollha għall-ftuħ uffiċjali u għadhom jintużaw sal-lum.
Ir-riċeviment sewa Lm488.58 u l-mistiedna kienu jinkludu l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, uffiċjali tal-Ministeru, rappreżentanti ta' ditti u Dipartimenti li ħadmu fuq il-proġett, il-President tac-CIHEAM, id-Direttur ta' l-Istitut Agronomiku ta' Bari u uffiċjali ta'l-istess istitut u l-ambaxxatur Taljan għal Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għal-ħsarat li seħħew fiċ-Ċentru ta' San Luċjan matul l-2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-nefqa totali għall-materjal u servizzi, għall-manutenzjoni, riparazzjoni u xogħlijet ġenerali matul is-sena 2001 fiċ-Ċentru Malti għat-Taħriġ fix-Xjenzi tal-Ħut, kienet ta' Lm 15,799.78c. Dan jinkludi l-vot kapitali kollu u kull manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien hemm koluzzjonijiet tat-traffiku rapportati fit-toroq Konti Ruġġieru, St Mary, St Publius, Kola Xara, Ferris u College Str, ir-Rabat matul Novembru 2001, Diċembru 2001 u Jannar 2002? Jista' jinvestiga x'qed jikkawża dawn il-kolluzzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar in-numru ta` kolliżżjonijiet fit-toroq li rrefera għalihom fil-Mistoqsija li seħħew f`Novembru 2001, Diċembru 2001, u Jannar 2002 kien ta` xejn, 7 u 4 rispettivament. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmilha lill-Ministru responsabbli mit-Traffic Planning.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija għamlet il-processed product price comparison li għamel id-dipartiment tas-servizz veterinarju?
Meta sar dan ir-rapport?
Meta tlesta u kemm sewgħa?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-mejda tal-kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sar studju dwar is-Sectorial Analysis of the Maltese Beef and Pork Industry li tlesta fis-7 ta' Settembru 2000 mill-EMCS (Economic and Management Consultancy Services Ltd). Dan l-istudju sewa Lm7,475. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' għar-rigward l-informazzjoni li taw dawk konċernati ma nħossx li hu moralment ġustifikat li nippubblikaw ir-rapport.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk ġiex analizzat l-impatt ta' kif il-processed products price comparison li għamel id-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju se jaffettwa l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet ta' l-ikel peress li jirriżulta min dan ir-rapport li se togħla kemm-il materja prima ta' l-għalf tat-tjur u l-bhejjem u l-prodotti ta' l-ikel iproċessati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li kull studju li jsir hu relatat man-negozjati li se jsiru u nassiguraħ li qiegħed isir minn kollox biex il-ħajja mhux togħla izda torħos.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet f'Jannar u Frar ta' din is-sena fejn persuni li qed jissokktaw sentenza ta' ħabs talbu għas-servizz tat-tabib u /jew għall-assistenza medika u ngħatalhom u kemm ma ngħatalhomx? Fil-każ li ma ngħatilhomx, x'kienu r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xhur ta` Jannar u Frar tas-sena 2002 kien hemm sebgħa mija u erbgħa u erbgħin (744) talba minn priġunieri biex jaraw tabib. It-talbiet kollha ġew milqugħa. Minn dawn kien hemm tmienja u sebgħin (78) li wara li inkitbu għat-tabib, meta issejħu biex jiġu eżaminati mit-tobba irrifjutaw.
Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu kien hemm ukoll mija u tnejn u għoxrin (122) talba ta` urġenza wara l-ħin normali tal-Clinic. Dawn kollha ġew milqugħa.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fuq l-art li ftit tal-ġimgħat ilu inżergħa l-qamħ fil-farm tal-għammieri issa saru arranġament sabiex persuna partikolari li mhux impjegata mad-Dipartiment titħalla tiżra ż-żriegħ tal-patata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-informazzjoni li ngħata l-Onor. Interpellant hi żbaljata għax l-ebda persuna privata ma żergħet patata f'xi art tal-Gvern fl-Għammieri u wisq anqas f'xi art miżrugħa bil-qamħ.
Jista' l-Ministru jara li jkunu kordinati aħjar ix-xogħolijiet fi Triq il-Prinjoli Santa Lucia sabiex l-immaniġjar ta' l-ilma li jinżel f'Wied Garnaw ikun rijabilitat bl-aktar mod sostennibbli u li jsebbaħ dawn l-inħawi tal-pajsaġġ tal-gżejjer tagħha?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-industrijalisti li jimportaw il-materja prima ta' l-ikel ma ġewx infurmati li s-supply measure l-Gvern qed jinnegozja ma' l-UE tkopri biss kalkolu ta' kwantita' ta' l-importazzjoni attwali ta' tali prodott biss?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-kuntest tan-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-kapitlu ta' l-agrikultura, il-Gvern Malti fetaħ diskussjoni dwar special supply measures fuq numru ta' prodotti speċifiċi. Fil-fatt, tagħrif dwar dawn il-prodotti u dwar il-pożizzjoni ta' Malta fuq dan is-suġġett kienet ġiet ikkomunikata kemm lill-federazzjoni ta' l-Industriji kif ukoll lill-Kamra tal-Kummerċ żmien ilu.
Tajjeb jingħad ukoll li saru diskussjonijiet ma' l-iSpecial Interest Members Meeting (SIMS) kif ukoll fil-MUSEC fejn l-industrijalisti kienu preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onorevoli Interpellant jippreċiżali x'tip ta' rapport għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta' tliet snin sħaħ, inkun nista' niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid min se jħallas l-50ċ għad-dwieli li ttieħdu mill-istaff tal-Ministeru mill-farm, billi dawn jammontaw fuq 1,000 waħda?
Lil min fil-fatt ingħataw dawn id-dwieli?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kull sena jitqassmu xi dwieli b’xejn. Dan sar ukoll fi żmien li l-Onor Interpellant kien il-Ministru responsabbli mill-biedja.
Filwaqt li l-għadd ta’ dwieli u żraġen mhux imlaqqma li tqassmu b’xejn din is-sena kien ta’ madwar 2,000, fl-1998 kienu tqassmu b’xejn aktar minn 3,300 bejn dwieli u żraġen mhux imlaqqma.
Dawn iċ-ċifri jitkellmu weħidhom u persważ li jifhimhom kulħadd.