Jista' l-Ministru jinfurmani bl-azzjonijiet li qed jissoktaw sabiex fil-portijiet tal-gzejjer tagħna jkunu seguiti miżuri ta' kontrolli ħalli ma tidhierx f'pajjiżna l-marda t' l-ilsien u d-dwiefer?
Jista' jgħid port port x'miżuri qed jittieħdu u meta saru l-ispezzjonijiet matul dawn l-aħħar tlett xhur sabiex ikun assigurat dan il-kontroll?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-miżuri li qegħdin jittieħdu bħalissa huma dawk normali jiġifieri kontrolli fuq prodotti, filwaqt li d-Dwana tikkoopera billi tassigura li l-ebda prodott ta' l-annimali ma jiddaħħal mill-passiġġieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime għamlet il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament minn Jannar ta' din is-sena 'l hawn?
Kemm fil-fatt ilha mal-Ministeru u jew mad-dipartiment din il-persuna?
Kemm-il siegħa overtime għamlet din il-persuna matul l-1999, 2000 u l-2001?
X'inhuwa r-rwol ta' din il-persuna fil-Ministeru jew fid-dipartiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-persuna li għaliha qed jirriferi l-Onor. Interpellant, għandha rwol ta' Security Officer, ilha mal-Ministeru mit-18 ta' Jannar 2000.
Din il-persuna għamlet 31 siegħa sahra bejn Jannar u Frar ta' din is-sena. Fis-snin 2001 u 2000 is-sahra li ħadem kienet ta' 485 siegħa u 363.5 siegħa rispettivament.
B'referenza għall-urġenza tal-każ li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jara li din il-persuna tingħata l-għajnuna meħtieġa?
Jekk fl-affermattiv?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jara li jitħallas il-pagament dovut lill-persuna li n-numru ta' l-ID tagħha qed jidher separatament, peress li l-pagament tal-bonus ma sarx mal-ħlas tal-pensjoni li rreferenza tagħha qed ukoll tintbagħat separatement?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ġiet infurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettal tagħha qed jintbagħat separatament tingħata bowzer ilma?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li peress li ma ngħatax l-isem tal-persuna u peress li l-indirizz lanqas ma jidher fir-Reġistru Elettorali, ma kienx possibbli li jsir kuntatt bit-telefon mal-persuna konċernata biex ikun jista' jintbagħtilha bowser ilma, kif talab l-Onor. Interepllant.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu r-raġunijiet li l-gvern ma żammx il-wegħda mas-sajjieda cioe li jirraġa s-slip way il-kbira ta' Marsaxlokk matul dawn l-aħħar 40 xahar?
Jista' jara li din is-sena jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ħalli s-sajjieda jkunu jistgħu jtellgħu l-opri tas-sajd tagħhom għaliex fil-preżent ma jistgħux?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kuntrarjament għal dak li qed jallega l-Onor. Interpellant, jien infurmat li s-slipways kollha ta' Marsaxlokk ġew irranġati f'dawn l-aħħar 40 xahar inkluż s-slipway il-kbira li anki twaħħlulha kaxxi tad-dawl. Jien infurmat li jsir xi jsir fuq is-slipway il-kbira qatt ma jista' jkun hemm spazju għal madwar 400 dgħajsa u għalhekk hemm il-ħsieb u qed titħejja applikazzjoni għal sistema biex issolvi din il-problema. Meta jkunu approvati dawn il-pjani dan il-proġett jiġi attwat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammont ta' pjanti u xtieli li tkabbru sabiex id-dipartiment tal-biedja jiprovdihom lid-dipartimenti tal-gvern, skejjel, mużewijiet sabiex jissebbħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' pjanti u xtieli li tkabbru mit-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali biex tipprovdihom lid-Dipartimenti tal-Gvern, skejjel, u mużewijiet is-sena li għaddiet ammonta għal 2,588.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru ppermetta s-second report ta' l-SMPPMA ntbagħat lill-EU bla ma ġie diskuss u jew approvat minn naħa tal-bdiewa, raħħala, sajjieda u l-Agro Industrija?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tieni rapport ta' l-SMPPMA kien diskuss b'mod estensiv mas-setturi kollha konċernati fil-laqgħat tal-MUSEAC kif ukoll fil-laqgħat ma' għaqdiet li jirrappreżentaw lill-bdiewa u lir-raħħala kif ukoll l-agro industrija. Dawn il-konsultazzjonijiet servew biex isir tibdil fir-rapport kif suġġerit mill-għaqdiet infushom. L-Unjoni Ewropea ġiet magħrfa b'dan it-tibdil.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Gvern bgħat lill-UE it-tieni rapport tal-SMPPMA bla ma ġie diskuss u jew approvat mill-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala, sajjieda u l-agro industrija lokali?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-SMPPMA kien is-suġġett ta' konsultazzjonijiet estensivi ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u l-agroindustrija lokali.
Fil-fatt, saru numu ta' bidliet sinjifikanti fl-SMPPMA bħala riżultat ta' dawn il-konsultazzjonijiet.
Inżid illi, kif għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32440, fl-aħħar laqgħa tal-MEUSAC ġiet approvata il-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-agrikoltura b'numru ta' riżervi li għaqdiet differenti għamlu fuq ċerti elementi tal-pakkett.
Ma hemm l-ebda rabta bejn l-SMPPMA u s-sajd.
B'referenza għall-istat ħażin li jinsabu fih il-ġonna tal-buskett, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru matul l-1999, 2000, 2001 u l-l2002 dwar din is-sitwazzjoni?
X'kienu r-raġunijiet li minkejja li skond il-ministru kellhom isiru x-xogħlijiet fir-Razzett tal-Bagħal matul dawn l-aħħar tlett snin, il-bini tar-razzett kompla ġġarraf aktar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li qegħdin isiru diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar xogħlijiet meħtieġa fil-Buskett. Meta dawn id-diskussjonijiet jiġu ffinalizzati, jitħejja pjan ta' ħidma biex ix-xogħlijiet, inklużi dawk fuq ir-Razzett tal-Bagħal, jitwettqu skond il-fondi u riżorsi disponibbli.
Fil-frattemp qegħdin isiru xi xogħlijiet minuri mill-fondi u riżorsi umani disponibbli għat-Taqsima ta' l-Urban and Rural Landscaping fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kollużżjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul l-ewwel tliet xhur tas-sena u kemm dawk bumper to bumper?
Kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali f'dan il-perjodu?
Jista' jwieġeb il-mistoqsija għas-snin 2001, 2000, 1999, 1998 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar in-numru ta' kolliżżjonijiet tat-traffiku u inċidenti tat-traffiku fatali għax-xhur minn Jannar sa Marzu fis-snin speċifikati hu kif ġej:-
Sena Total ta' kollużżjonijiet Dawk minnhom fatali
1998 2,550 2
1999 2,498 2
2000 3,034 3
2001 3,049 5
2002 3,307 2
Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar inċidenti bumber to bumper ma' tinżammx mid-Dipartiment tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel importati qabel u wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li fuq l-importazzjoni tagħhom se jiddaħħlu kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi?
Jikkonferma jew jiċħad il-Prim Ministru li dawn il-kontrolli li l-Unjoni Ewropea sa timponi fuq pajjiżna sa jinvolvu spejjes akbar lin-negozjanti u prezzijiet ta' l-ikel ogħla għall-konsumaturi lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad il-Ministru li l-Unjoni Ewropea żiedet is-sussidji (export refunds) fuq prodotti magħmula mill-ħalib frisk, bħall-butir, il-ġobon, it-trab tal-ħalib, eċċ., li hija tesporta lejn il-pajjiżi li mhumiex membri tagħha bħal fil-każ ta' Malta fil-mument?
Jikkonferma jew jiċħad il-Ministru li l-prezzijiet interni ta' l-Unjoni Ewropea għal dawn il-prodotti fil-mument huma ferm ogħla minn dawk li nsibu f'Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-sistema ta' export refunds applikata mill-Unjoni Ewropea fuq ċerti prodotti agrikoli tvarja skond id-differenza fil-prezz bejn il-produzzjoni ta' dawk il-prodotti fil-pajjiżi membri u s-suq internazzjonali. Għalhekk, fejn dan l-export refund jiżdied, wieħed jista' jieħdu bħala indikazzjoni ta' roħs fil-prezz internazzjonali meta mqabbel ma' dak fl-Unjoni Ewropea.
Madanakollu dan il-paragun ma jistax jiġi estiż bl-istess mod għall-każ ta' Malta, għaliex l-importazzjoni f'pajjiżna ta' ħalib u ċerti prodotti derivati minnu hija soġġetta għal levies sinifikattivi.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li kawża tat-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies tal-biedja, il-Banek lokali sa jkunu kostretti li japplikaw miżuri aktar stringenti fuq l-investmenti li sa jagħmlu l-bdiewa, raħħala, l-agro-industrija, l-industriji ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-aħħar pożizzjoni uffiċjali ta' l-UE dwar it-talba tal-Gvern Malti sabiex pajjiżna jibqa' jgawdi d-dritt li jikkundizzjona huwa skond il-kontinġenza ta' pajjiżna l-ibħra tal-kosta tas-Sajd Maltija?
Jikkonferma li s'issa l-UE mhix tilqa' t-talba tal-Gvern Malti f'dan ir-rigward?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fin-negozzjati ma' l-Unjoni Ewropea Malta talbet li żona ta' 25 mil nawtiku madwar il-gżejjer Maltin ikunu mmaniġġjati bħala żona ta' konservazzjoni.
M'hux għaqli li f'dan l-istadju wieħed jikkummenta iżjed fuq din il-materja peress li n-negozjati fuq dan il-kapitolu għadhom ma ngħalqux.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 30937 u cioe, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-mobile phones tal-Ministeru u tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm kienet l-istess spiża għas-snin 1997, 1998, 1999 u 2000 sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li dokument tal-veterinary and phytosanitary li kien approvat fil-MEUSAC bil-kundizzjoni li jkun approvat wkoll il-horizontal Issues, Common Market Organisations and Rural Development (HICMROD) intabagħat lill-UE meta fil-laqgħat tal-MEUSAC ma' ġiex approvat (l- HICMROD)
Għaliex ladarba l-bdiewa u r-raħħala u s-settur ta' l-Agro-Industrija ma qablux u m'approvawx id-dokumenti; li ma kienx hemm aktar diskussjoni qabel saret din il-preżentazzjoni lill-UE?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar laqgħa tal-MEUSAC ġçt approvata il-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-agrikoltura, b'numru ta' riżervi li għaqdiet differenti għamlu fuq ċerti elementi tal-pakkett.
Il-Gvern qed jaħdem bi sħiħ sabiex l-agrikoltura Maltija ssir iktar kompetittiva u b'saħħita. Ikun ferm aħjar kieku l-Oppożizzjoni taġġorna l-politika agrikola tagħha għaż-żminijiet ta' llum, minnflok ma tadotta posizijoni maqtugħa mir-rejaltajiet preżenti, kif qed tinsisti li tagħmel.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-prezzijiet ta' l-ikel sa jgħolew għall-poplu u għall-industrija tat-turiżmu - X'inhija r-raġuni li meta l-Unjoni Ewropa tapplika bħala miżuri ta' kontingenza s-sistemi magħrufa bħala TARIC , Special Safeguards, Tariff Quotas, Export Refunds sabiex tipprotegi l-biedja tagħha, il-Gvern Nazzjonalista se jneħħi l-ftit protezzjoni ta' kontingenza li fil-mument igawdu l-bdiewa, ir-raħħala u l-agro-industrija lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjoni għamel il-Ministeru wara l-aħħar dikjarazzjonijiet
tas-sajjieda sidien tat-
trawlers
tas-sajd fejn ġie allegat li filwaqt li tirriżulta waqgħa fil-
prezzijiet tal-ispeċi tal-ħut li jqabdu u jbiegħu, il-konsumaturi lokali xorta baqgħu jħallsu
prezzijiet għoljin għall-ħut frisk?
Peress li lili jirriżultali li d-dipartiment tal-fair competition ma ltaqgħax mas-sidien tat-
trawlers li pprotestaw dwar din is-sitwazzjoni, jista' l-Ministeru jintervjeni sabiex dawn
is-sajjieda jsibu min jagħti każ tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta qiegħed jinvestiga ilment li rċieva dwar bejgħ ta' ċertu tip ta' ħut frisk fis-suq lokali.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-prezz ta' l-iskalora kważi rdoppja din is-sena?
X'kienet ir-raġuni li l-iskalora għoliet daqstant?
Kemm ġiet importata skalora matul l-1998, 1999, 2000 u 2001 u kemm kien il-prezz tagħha fis-suq f'dawn is-snin separatament?
Kemm, fil-fatt, huwa l-prezz ta' l-iskalora din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn informazzjoni li kisbet id-Diviżjoni għall-Kummerċ, jidher li l-prezz ta' l-iskalora għola b'mod konsiderevoli minħabba skarsezza fis-suq internazzjonali wara li l-produzzjoni dinjija naqset bin-nofs. Dan it-tnaqqis fil-produzzjoni kien dovut prinċipalment għal ħsara li seħħet minħabba urugan (hurricane) li laqat diversi pajjiżi li jipproduċu l-iskalora.
Skond ċifri miżmuma mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, il-kwantita' ta' skalora importata u l-prezz medju, skond id-Diviżjoni għall-Kummerċ, għal kull sena bejn l-1998 u l-2001 kien hekk:
SENA KWANTITA' PREZZ MEDJU
F'KILOGRAMMI TA' KULL KILOGRAMM
1998 1,664,569 32c
1999 1,534,051 32c
2000 1,382,821 32c
2001 1,673,521 35c
Din is-sena il-prezz medju ta' kilogramm skalora huwa bejn wieħed u ieħor ħamsin ċenteżmu.