Jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari 32677 (Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ttieħdu? Jista' jinformana wkoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) u jinformana x'inhi s-sitwazzjoni wara l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn April u Ġunju ta' din is-sena kienet rappurtata serqa waħda. Din kienet ta' 7 balal tiben mill-mixtla ta' San Vinċenz de Paul b'valur totali ta' Lm14.00.
Rigward is-sitt palmiet misruqa aktar kmieni din is-sena, ġie deċiż li ssir talba skond ir-Regolamenti Finanzjarji Avviż Legali 83/1999, biex dawn il-palmiet jiġu written off.
Jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari 32683 (Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ttieħdu? Jista' jinformana wkoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) - u jinformana x'inhija s-sitwazzjoni wara l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar mistoqsija 32392, jista' jgħid x'investigazzjoni għamel il-
Ministeru wara l-aħħar dikjarazzjonijiet tas-sajjieda sidien tat-
trawlers
tas-sajd fejn ġie allegat
li filwaqt li tirriżulta waqgħa fil-prezzijiet tal-ispeċi tal-ħut li jaqbdu u jbiegħu, il-konsumaturi
lokali xorta baqgħu jħallsu prezzijiet għoljin għall-ħut frisk? Peress li lili jirriżultali li d-
dipartiment tal-fair competition ma ltaqgħax mas-sidien tat-trawlers li pprotestaw dwar din is-
sitwazzjoni, jista' jintervjeni sabiex dawn is-sajjieda jsibu min jagħti każ tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta iltaqa' mal-kooperattivi rappreżentanti tas-sajjieda u l-partijiet konċernati f'dan l-ilment. Wara li ngħatat deċiżjoni preliminari, il-partijiet ġew mitluba jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom. L-Uffiċċju mistenni jagħti d-deċiżjoni finali tiegħu fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tneħħew siġar fl-Imdina b'konsegwenza tal-proġett ta' riabilitazzjoni? X'tip ta' siġar kienu? Kemm kellhom snin u meta tneħħew? Għaliex f'kull każ ma kienx hemm l-ispetturi/uffiċjali tad-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-numru tas-siġar li tneħħew fl-Imdina b'konsegwenza tal-proġett kienu erba' Oleander Nerum. Tlieta minn dawn is-siġar kellhom 10 snin, u waħda 5 snin. Dawn is-siġar tneħħew fil-bidu ta' Ġunju bil-parir ta' uffiċjali mat-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali wara li saret spezzjoni.
Peress li l-bdiewa fl-inħawi ta' fuq il-Ġnejna, Imġarr fil-parti magħrufa ta' l-iskorvit qed isibu diffikultajiet kbar sabiex jaħdmu l-pompi ta' l-ilma għat-tisqija tar-raba' minħabba d-dawl baxx li jirriżulta fl-inħawi bejn l-4.00 p.m. u l-11.30 p.m., jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment u jara l-jirrimedja b'soluzzjoni sabiex ma jkomplux jinqerdu bil-għatx l-uċuħ tar-raba' in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jispeċifika liema parti mill-inħawi magħrufa bħala "Ta' l-Iskorvit" qed jirreferi għaliha sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tkun tista' tagħmel l-investigazzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li kawża tat-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies tal-biedja, il-Banek lokali sa jkunu kostretti li japplikaw miżuri aktar strinġenti fuq l-investmenti li sa jagħmlu l-bdiewa, raħħala, l-agro-industrija, l-industriji ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li ma hemm l-ebda rabta bejn it-tneħħija tal-levies u l-operat tal-banek lokali f'dak li għandu x'jaqsam ma' self lill-bdiewa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32399 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel importati qabel u wara sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li fuq l-importazzjoni tagħhom se jiddaħħlu kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi?
Jikkonferma jew jiċħad li dawn il-kontrolli li l-Unjoni Ewropea sa timponi fuq pajjiżna se jinvolvu spejjeż akbar lin-negozjanti u prezzijiet ta' l-ikel ogħla għall-konsumaturi lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-preżent, Malta għadha qed tiddiskuti ma' l-Unjoni Ewropea il-kapitlu dwar l-Agrikoltura. Għaldaqstant dan is-suġġett għadu miftuħ għan-negozjati. Il-pożizzjoni adottata minn Malta ġiet diskussa fi ħdan il-MUESAC u anke ġiet spjegata f'aktar dettal matul diversi laqgħat mal-bosta organizzazzjonijiegħt u gruppi varji li jirrappreżentaw l-interessi tal-bdiewa fid-diversi oqsma tas-settur agrikolu f'Malta u f'Għawdex.
L-istampa aħħarija ser tiddependi mir-riżultati finali tan-negozjati. Madanakollu, fuq linji ġenerali, wieħed diġa' jista' jikkonkludi li ladarba is-sħubija ta' Malta ser eventwalment twassal ukoll għat-tneħħija tal-levies u ladarba Malta qed titlob special supply arrangements numru ta' prodotti agrikoli impurtati, għaldaqstant huwa maħsub li, kuntrarjament għal dak li jrid jimplika l-Onorevoli Interpellant, fil-maġġoranza tal-każi s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser twassal għal prezzijiet orħos u mhux ogħla għall-prodotti ta' l-ikel.
Peress li fl-inħawi ta' l-Mtaħleb fejn residenza F/HSE Wied il-Bużbież tal-familja li n-numru tat-telefon tagħha qed jintbagħat separatament u nħawi oħra f'Landrijiet L/o Rabat ilhom aktar minn sitt xhur jilmentaw li qed jitħallew bla ilma, jista' l-Ministru jirrimedja għall-ilmenti mmedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-jiem li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tagħmel xogħolijiet biex tissaħħaħ is-sistema tal-provvista ta' l-ilma fl-inħawi tal-Landrijiet fil-limiti tar-Rabat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-numru ta' xoghlijiet li saru u qed isiru wara sejha ghal tenders dipartimentali huwa 9. Sallum sar hlas ta' Lm16,043.93 fir-rigward ta' dawn ix-xoghlijiet filwaqt li l-hlas pendenti huwa ta' Lm34,423.94.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal ħruġ ta' sejħa għall-offerti (tenders) b'mod ġenerali u mhux għal ħruġ ta' sejħa għall-offerti limitata għal xogħolijiet (tender for works).
L-informazzjoni kif mitluba fil-mistoqsija hija kif tidher hawn taħt:
Ministeru/Entita' Numru ta' Ammont Ammont
Tenders Pendenti Imħallas
Lm Lm
Ministeru 3 775,752 150,584
M.D.C 40 707,000 1,800,000
I.P.S.E. 9 22,226 177,350
M.S.A. 1 6,018 -
Tajjeb jingħad li fil-każ tal-Ministeru, is-sejħa għall-offerti ħarġet mid-Dipartiment tat-Toroq, filwaqt li l-fondi ittieħdu mill-vot tal-Ministeru. Dawn l-offerti jinvolvu titjib infrastrutturali ta' toroq f'zoni industrijali li mhumiex fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-bdiewa fl-inħawi ta' l-Aħrax fil-Mellieħa qed isofru nixfa fir-raba' tagħhom minħabba li l-ispejjer ta' l-ilma nixfu kompletament, xi ħaġa li mhux soltu tiġri?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ispejjer u l-ilma ta' taħt l-art (aquifer) huma responsabbilta' ta' l-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li nixef l-ilma f'ħafna mill-ispejjer ta' l-ilma li hemm fl-inħawi ta' l-Aħrax tal-Mellieħa, in-naħa tal-Marfa? Peress li dan mhux soltu jiġri jista' /ser jara li tiġi nvestigata din in-nixfa ta' l-ispejjer?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din il-materja taqa' fir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.
Madankollu, ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tista' tgħid li n-nixfa li qed issir riferenza għaliha hi x'aktarx ikkawżata minn żewġ fatturi ewlenin u cioe'
1. in-nuqqas ta' xita fl-aħħar tlitt snin, paragunat ma' l-ammont ta' xita fil-passat.
2. estrazzjoni esaġerata ta' ilma minn boreholes illegali ta' bdiewa u bejjiegħa ta' l-ilma bil-bowser.
Jista' d-dipartiment ta' l-ambjent jinvestiga x'ikkawża n-nixfa fl-ispejjer ta' l-ilma fl-inħawi ta' l-aħrax tal-Mellieħa peress li dan mhux soltu li jiġri?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jaqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Awtorita` ta` Malta dwar ir-Riżorsi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tinvolvi lill-Maltin u l-Għawdxin fi ħlasijiet fuq l-importazzjoni lejn pajjiżna s-sistema tal-GATT licence li pajjiżna jrid jibda jħallas fuq l-importazzjoni ġejja minn non-EU countries sabiex ikun konformi magħha skond ir-regoli ta' l-UE? Kemm se jkun il-ħlas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din il-mistoqsija tirrigwarda dazji doganali. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern mill-ħlas tal-VAT mill-istabbilimenti turistiċi, separatament matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena, Jannar, Frar, Marzu u April? X'kienet is-sitwazzjoni għas-sena 2001 u 2002 għall-istess perjodu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-Gvern mill-ħlas tal-VAT mill-istabbilimenti turistiċi kien :
2001 - Jannar sa' April - Lm1,344,117.76
2002 - Jannar sa' April - Lm1,326,534.95
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern mill-ħlas tal-VAT mis-servizzi, separatament matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena, Jannar, Frar, Marzu u April? X'kienet is-sitwazzjoni għas-sena 2001 u 2002 għall-istess perjodu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-Gvern mill-VAT mis-servizzi kien :
2001 - Jannar sa' April - Lm13,102,045.53
2002 - Jannar sa' April - Lm14,557,479.70
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru tal-varjetajiet ta' annimali u tjur li hemm għall-użu tal-programm edukattiv ngħożżu l-biedja fil-farm esperimentali? Kemm kien in-numru ta' studenti li matul l-ewwel xhur tas-sena attendew għal dan il-programm? Kemm minnhom fil-livell primarju u kemm fil-livell sekondarju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-varjetajiet ta' annimali li jintużaw fil-programm ta' żjarat edukattivi li jsiru fiċ-Ċentru tar-Riċerka u Żvilupp fl-Għammieri huma papri, tiġieġ, dundjani, ponijiet, il-gendus Malti, baqar tal-ħalib, ċriev, llama, nagħma (ostrich), mogħoż, xadin, nagħaġ, mogħoż nani, rhea u diversi tipi ta' għasafar u ħamiem.
Tajjeb li l-Onor Interpellant ikun jaf li dawn iż-żjarat, li jsiru b'kooperazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, ma jittrattawx dwar annimali biss, iżda jinkludu wkoll lecture ta' madwar siegħa dwar diversi aspetti ta' l-agrikoltura, xogħol prattiku fis-serra, u għall-istudenti l-kbar, żjara edukattiva fil-laboratorji tax-xjenza agrikola.
In-numru ta' studenti li attendew għal dawn iż-żjarat matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien:
Primarji : 3,126
Sekondarji : 424
Total : 3,550
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' tenders li għadhom ma tħallsux kompletament jammonta għal 388.
L-ammont li tħallas minn dawn it-tenders huwa ta' Lm11,919,422 u l-ammont li għad fadal biex jitħallas peress li x-xogħol għadu qed isir huwa ta' Lm5,283,592.