Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-kwota tal-produzzjoni lokali tal-ħalib frisk li talab il-Gvern lill-UE fil-proċess tan-negozjati? Fejn waslet din il-proposta u kemm hija ż-żieda tal-kwota li ntalbet meta ipparagunata ma' dik attwali? Meta fil-fatt l-UE se tirtira s-sistema tal-kwoti tagħha tal-ħalib frisk għall-pajjiżi membri fis-sena 2006 u/jew fl-2008?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-kwota tal-ħalib żejda mitluba mill-Gvern Malti fin-negozjati se tirrifletti ż-żieda ta' 25% fl-effiċjenza tal-merħla preżenti. L-UE għad trid tagħmel review tal-kwota tal-ħalib fis-sena 2003.
Jista' il-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li filwaqt li qed iħeġġeġ lill-produtturi tal-laħam tal-majjal sabiex iżidu l-produzzjoni qed jinnegozja ma' l-UE sabiex dawn ma jaċċedux il-kwota attwali lokali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma' l-Unjoni Ewropea qed ikun negozjat id-dritt li Malta żżomm sistema ta' kwota tal-majjal fuq bażi ta' miżuri ambjentali. Ma jfissirx li l-kwota ma tistax tiżdied jekk is-sistema ta' Waste Management fl-irziezet titjieb b'mod li ma jkunx hemm ħsara għall-ambjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fil-prezz tal-ħobż lokali matul dawn l-aħħar 4 snin, sena b'sena? X'taħlita ġdida se jibda jkun fih il-ħobż tagħna skond kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir? Jista' jpoġġi kopji tar-rakkomandazzjonijiet li saru u ntbgħatu lill-furnara sabiex josservaw u jatwaw din it-taħlita ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezz ta' ħobża kbira tal-Malti matul dawn l-aħħar snin żdied kif jidher hawn taħt:
DATA TAŻ-ŻIEDA PREZZ
Marzu 1990 11ċ
Jannar 2000 15ċ
Awissu 2002 16ċ
It-taħlita ġdida tad-dqiq ser tkun ippreparata mill-mitħna li titħan il-qamħ u li fiha ser ikun hemm addittivi li permezz tagħhom għandhom jitjiebu il-konsistenza u l-kwalita' tad-dqiq li jintuża għall-ħobża tal-Malti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiswa x-xogħol tal-blokki tal-konkos li saru u qed isiru fiż-żewġ naħat tal-by-pass ta' l-Imtarfa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koppja tal-permessi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar li nħarġu għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi x-xogħol tal-blokki tal-konkos li qed jitpoġġew bħala cladding fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll it-tqegħid tagħhom huwa stmat i jiswa Lm24,492.00
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi li nħarġu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dawn ix-xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid iħossx li l-by-pass ta' San Pawl il-Baħar għandhiex tiġi irranġata sabiex ma tkompliex tikkawża aktar inkonvenjent u periklu lis-sewwieqa u r-residenti? Jista' jinfurmani meta fil-fatt se jsiru x-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li ingħatat Letter of Acceptance għax-xogħolijiet ta' tiswija (patching works) f'partijiet tal-bypass ta' San Pawl biex jitnaqqas kemm l-inkonvenjent kif ukoll il-periklu għas-sewwieqa.
Jista' il-Ministru jinfurmani minn se jkun responsabbli mill-periklu li ġie ikkawżat fil-mina li se tinbena f'Tigne mill-MIDI? Jista' il-Ministru jinfurmani kif qed jippermetti li tiġi żviluppata l-mina li skond l-atkins report li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, m'hijiex konformi mar-regoli tas-safety tat-tunnels tal-UE?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Nru. 34774.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-pulizija ma irrikomandatx li Triq Kola Xara fir-Rabat Malta ssir one way meta tikkawża daqstant periklu lir-residenti ta' l-istess triq u toroq oħra fil-madwar u l-pedestrians li jiffrekwentaw din it-triq? Jista' jara li jsiru dawn ir-rakkomandazjonijiet lill-awtoritajiet konċernati ħalli jiġi rimedjat il-periklu li jinsabu fih ir-residenti ta' Triq Kola Xara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`laqgħa straordinarja dwar is-sistema tat-traffiku fir-Rabat, li nżammet mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, il-Pulizija irrakomandat bil-miktub illi Triq Kola Xara ssir one way.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-kwantita' ta' ħxejjex frisk u frott frisk iddaħħal mill-bdiewa Maltin u Għawdxin fil-Pitkalija ċentrali ta' Malta bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena u ma nbiegħux? Jista' jwieġeb l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000 u 2001 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma jinżammux rekords ta' ħxejjex u frott li jiddaħħlu fil-Pitkalija ma jinbigħux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa Maltin u Għawdxin li matul l-istaġun tas-sajf ta' din is-sena irrapurtaw li kellhom nuqqas ta' l-ilma u/jew l-ispejjer tagħhom ikontaminati bid-drenaġġ? F'liema raħal ta' Malta u Għawdex irriżultaw dawn il-problemi u x'passi ittieħdu? X'servizzi ingħataw, u/jew kumpens finanzjarju, il-bdiewa inkwistjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li 26 bidwi fil-Marfa rrappurtaw li kellhom nuqqas ta' ilma fl-ispejjer tagħhom dan is-sajf, filwaqt li tmien bdiewa jingħad li ntlaqtu meta spejjer fil-Qammiegħ ġew kontaminati bid-drenaġġ. Kien hemm każ ieħor riċenti ta' kontaminazzjoni ta' sors ta' ilma fil-Ġnien tax-Xadba, kollha fil-limiti tal-Mellieha. Id-Dipartiment żamm kuntatt, sew mad-Dipartiment tad-Drenaġġ, u sew mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex ikunu solvuti dawn il-problemi u fejn kien il-każ, qiegħed jinħadem kumpens għal dawk il-bdiewa li nvolantarjament ġew milquta mill-kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Nuqqas ta' ilma kien irrappurtat minn bdiewa f'diversi lokalitajiet inklużi l-ispejjer tal-Qasam tal-Gvern tal-Ghammieri, il-Marsa, minn liema ilma kienet tieħu l-Kooperattiva tal-Majjali (KIM) għall-ħasil tar-razzett tagħhom. Ta' min ifakkar li l-bdiewa kollha konxji li n-nixfa ta' l-ispejjer hija kawża tan-nuqqas ta' xita li kellna fl-aħħar sentejn.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol li ġew rapurtati bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa, rġiel u żgħażagħ taħt il-35 sena? Kemm minnhom kienu Maltin u Għawdxin u kemm barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba, minbarra dik mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba f'din il-parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema barranin li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-bini tal-lukanda Verdala huma barranin? Kemm minnhom huma, Għarab, Afrikani u Ewropej? X'tip ta' sena għandhom?
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin li bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena ingħataw il-benefiċċju taċ-children's allowance u ta' waqt it-tqala? Kemm kien in-numru ta' familji li bejn l-istess perjodu ma ngħatawx dawn il-benefiċċji minkejja li kienu applikaw? Jista' jwieġeb l-istess mistoqsija għas-snin 1997, 1998, 1999, 2000 u 2001 separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fir-rigward ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-Allowance tat-Tfal, peress li d-dritt għal benefiċċju jkopri perjodu minn Lulju sa Ġunju tas-sena ta' wara, kif ukoll li l-pagamenti tal-benefiċċju jsiru kull tlett xhur (Jannar, April, Lulju u Ottubru), fit-Tabella B qed tingħata l-istatistika ta' l-Allowance tat-Tfal mħallsa f'April għas-snin indikati.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li jgħid li jiltaqa' ma' l-għaqdiet tal-bdiewa regolarment imbagħad fil-Parlament iddikjara li ma kienx jaf li fil-Pitkalija mit-Tnejn, 15 ta' Lulju 2002 bdew jinżammu ħinijiet ġodda għad-dħul tal-biegħa?
X'ilmenti tqajmu mill-bdiewa dwar din il-bidla tal-ħin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien qatt ma għidt li ma naf xejn dwar il-proposti magħmula mill-kumitat imwaqqaf minni u li jirrigwardaw tibdil fil-ħinijiet bi prova fil-Pitkalija. Fir-rigward ta' ilmenti li tqajmu mill-bdiewa jien infurmat li l-Ministeru mill-ewwel ħa passi biex f'każ ta' ilment ġustifikat dan jiġi indirizzat minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li ltaqa' magħhom l-Ministru u ddiskuta dawn l-arranġamenti tal-ħinijiet ġodda għall-biegħa li daħlu fil-Pitkalija?
Liema kienu dawk l-għaqdiet li qablu ma' dawn il-ħinijiet il-ġodda u liema għaqdiet tal-bdiewa ma qablux?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd waqqaf kumitat biex jeżamina u jagħti pariri dwar it-tibdil meħtieġ fil-Pitkalija. Dan il-Kumitat huwa magħmul kif ġej:
Chairperson: Segretarju Permanenti Agrikultura u Sajd
Deputati Chairperson: Direttur Ġenerali (Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali)
Membri: Management Efficiency Unit
MITTS
Director of Review (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Information Management Officer (Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd)
Rappreżentant tal-Pitkala
Rappreżentant tal-Kooperattiva tal-Bdiewa (FCCS)
Rappreżentant ta' l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa
Rappreżentant tal-GRTU
Rappreżentant ta' l-Għaqdiet tal-Konsumaturi
Membru Indipendenti
Wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-kumitat hu li jkun hemm qbil ġenerali dwar it-tibdiliet proposti. Fil-każ ta' tibdil fil-ħinijiet, nista' nikkonferma li ma kienx hemm qbil unanimu iżda kulħadd fehem u qed jifhem il-bżonn ta' bidla fl-operat tal-Pitkalija inkluż fil-ħinijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-inħawi fejn se jiġu mħawla s-siġar fil-kampanja u partikolarment il-pjanti li jinkludu l-parti ta' l-Mtaħleb l/o Rabat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kien jeżisti pjan biex jitħawlu siġar fl-Imtaħleb limiti tar-Rabat iżda minħabba nuqqas ta' xita kellu jkun pospost. B'dan il-programm ta' taħwil kien infurmat il-Kunsill tar-Rabat peress li d-Dipartiment ta' l-Agrikultura m'għandux kuntratt ma' dan il-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rappurtati lill-Enemalta u WSC għall-abbużi fuq is-sistema tal-provvista tad-dawl u l-ilma matul din is-sena u fl-aħħar 5 snin, sena b'sena? Kemm minnhom tressqu l-qorti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma żżomx statistika ta' kemm isiru rapporti dwar allegat serq ta' kurrent elettriku. Dan għaliex tali rapporti jidħlu f'diversi uffiċini tal-Korporazzjoni. In-numru ta' każijiet li l-Korporazzjoni irreferiet lill-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kienu dawn:
1997 168
1998 184
1999 167
2000 176
2001 152
2002 122 (sa Ġunju)
Matul l-aħħar ħames snin, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irċeviet mija u għaxar rapport dwar allegat abbuż fuq is-sistema ta' l-ilma. Dawn kienu mqassmin hekk:
1997 14
1998 20
1999 33
2000 24
2001 9
2002 10 (sa Ġunju)
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34706, jista' jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkollu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li rigward is-salinita' ta' l-ilma prodott minn Sant'Antnin, dan ġej mill-fatt li d-drenaġġ li jasal Sant'Antnin ikollu livell għoli ta' salinita' minħabba infiltrazzjoni ta' ilma baħar fil-Pumping Stations u mains li hemm madwar il-kosta, u minn sorsi oħra. Għalkemm id-drenaġġ li jasal il-Marsa Pumping Station (minn fejn imbagħad jiġi ppumpjat Sant'Antnin) jinqasam f'żewġ sentini, waħda għad-drenaġġ b'salinita' baxxa (li jinġabar min-nofs ta' Malta) u l-oħra għal dak b'salinita' għolja (li jinġabar min-naħiet tal-kosta), dak ta' l-ewwel mhux biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' l-impjant. Għaldaqstant dan ikollu jiġi miżjud bid-drenaġġ mis-sentina ta' l-aħħar u li jgħolli l-livell ta' salinita' fid-drenaġġ li jmur Sant'Antnin.
Huwa mportanti li wieħed jifhem l-ammont ta' drenaġġ li jidħol fl-impjant ikun dejjem kostanti għax varjazzjoni fil-kwalita' tikkawża problemi kbar fil-proċessi ta' l-impjant. Għaldaqstant mhux possibli jittieħed drenaġġ minn sentina waħda biss fil-Marsa, speċjalment bil-lejl meta l-volum ta' drenaġġ dieħel fil-Marsa Pumping Station jonqos drastikament, iktar u iktar fis-sentina li tiġbor drenaġġ min-nofs ta' Malta.
Rigward il-fatt li jintrema l-ilma, dan isir biss meta d-domanda fil-ġibjuni tonqos jew il-ġibjuni kollha jkunu mimlija u l-ilma ma jintremiex minħabba s-salinita' għolja.
Għar-raġuni msemmija hawn fuq, jiġifieri li l-volum dieħel fl-impjant irid ikun kostanti, l-ilma żejjed, meta l-ġibjuni jkunu mimlija, jkollu jintrema.
Każi oħra rari meta l-ilma jintrema, huma meta jkun hemm xi problema fl-impjant, ġeneralment kawżati minn varjazzjoni fil-volum fid-dħul meta l-Pumping Station tal-Marsa ma taħdimx sew jew problemi oħra li jistgħu jinqalgħu minħabba xi sustanzi li jintefgħu fid-drenaġġ illegalment (eż. ħmieġ konċentrat ta' l-annimali minn irziezet, eċċ) u allura l-ilma ma jkunx ta' kwalita' tajba għat-tisqija. Dawn iżda huma każi rari.
Rigward il-problemi tas-salinita', dawn ma jistgħux jiġu riżolti ġewwa l-impjant u sa fejn hu magħruf ma jeżistu l-ebda metodi ta' trattament biex nirriżolvu din il-problema, ħlief Reserve Osmosis li iżda tfisser li l-ilma jiġi jiswa ħafna flus biex ikun trattat u ma jkunx vijabbli għall-bejgħ b'rati aċċettabbli.
Il-problema fl-Impjant ta' Sant'Antnin ġiet aċċentweta bit-tkabbir ta' l-impjant fl-1996/97.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il serqa fid-djar privati, stabilimenti kummerċjali u ta' karozzi ġiet rapurtata lill-pulizija li saret fir-Rabat Malta bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Jista' jwieġeb l-istess mistoqsija għall-istess perjodu għas-snin 1998, 1999, 2000 u 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif ġej:-
Kategorija ta` serq
1998
1999
2000
2001
2002
Serq minn djar residenzjali
9
5
9
8
13
Serq minn stabbilimenti kummerċjali
1
4
6
5
13
Serq ta` vetturi
27
7
21
17
18
Serq minn vetturi
60
41
76
73
88
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 34391 u cioe jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija 32678 (Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ittieħdu? Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) għall-ewwel 6 xhur tas-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn April u Ġunju ta' din is-sena ġew rappurtati dawn is-serqiet mill-Pixxina Nazzjonali:
18 ta' April Mobile phone miċ-changing room tan-nisa - valur
mhux magħruf
24 ta' April * Arloġġ, Bangles tal-fidda u Mobile Phone mil-
Lockers tan-nisa - valur mhux magħruf
25 ta' April Wallet miċ-changing room tan-nisa - valur mhux magħruf
27 ta' April Wallet miċ-changing room tan-nisa - valur mhux magħruf
28 ta' April Flus u ċwievet minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
*Mobile phone mil-lockers ta' l-irġiel - valur mhux magħruf
1 ta' Mejju Mobile phone miċ-changing room tan-nisa - valur mhux magħruf
5 ta' Mejju Basket tal-marka Speedo minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
8 ta' Mejju Mobile phone minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
23 ta' Mejju Basket b'oġġetti personali mill-Gym - valur mhux magħruf
26 ta' Mejju Mobile phone minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
5 ta' Ġunju Mobile phone minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
6 ta' Ġunju Mobile phone u Wallet minn fuq id-deck - valur mhux magħruf
7 ta' Ġunju Mobile phone mill-iSquash Courts - valur mhux magħruf
29 ta' Ġunju Mobile phone u flus mil-lockers ta' l-irġiel - valur mhux magħruf
* Intalab l-intervent tal-Pulizija f'dawn iż-żewġ każijiet biss minħabba li min naqsulu l-oġġetti ma riedx li jittieħdu passi ulterjuri. F'każ partikolari s-serq ġie rappurtat tlett ijiem wara.
Informat ukoll li fil-perjodu msemmi, ma ġiet rappurtata ebda serqa li kienet tinvolvi proprjeta` ta' l-Universita`, pero` f'dan l-istess żmien, kien hemm rrapurtati serqa minn karozza u serqa ta' mutur li kienu pparkjati fil-Campus ta' l-Universita` (vetturi jistgħu jipparkjaw għar-riskju tas-sidien kif jidher mit-tabelli li hemm fid-dħul ta' l-Universita`). F'kull każ ġiet informata l-Pulizija fl-Għassa ta' l-Imsida.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 34328 b'referenza għall-estensjoni tas-servizz ta' l-ilma f'Wied il-Bużbież l/o Rabat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa' ħadet ħsieb li ssewwi l-ħsara li kien hemm fil-mejn ta' l-ilma tar-residenza msemmija.