Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35264, ix-xogħol jinkludu wkoll il-parti tal-bypass li ġġarfet? Jekk le, għaliex u meta sa jsiru x-xogħlijiet f'din il-parti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li hemm referenza għaliħ fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35264 ma japplikax ma' din il-parti tat-triq.
Leg 9 PQ #35859 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

UE

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex qed jinjora l-fatt li l-UE kkonfermat fir-rapporti tagħha li l-Gvern Nazzjonalista la għandu pjan għall-iżvilupp rurali tal-gżejjer u lanqas il-kapaċita' amministrattiva tant li jirriżulta li qed jitwettqu xogħlijiet ta' qerda tal-karatteristika rurali tal-ħitan tas-sejjieħ li nsibu fil-gżejjer tagħna, kif ġara u qed jiġri fil-bypass ta' l-Imtarfa kif ukoll f'dawk tan-Naxxar, ta' Burmarrad u tas-Salini, fost oħrajn? Għaliex qiegħda ssir din il-qerda tal-karatteristiċi rurali tal-gżejjer tagħna minkejja l-kritika ta' l-oppożizzjoni Laburista?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nissuggerixxi li l-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #35860 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li għall-estimi tal-budget li ġej jinkludi li jsir studju dwar il-possibilita' li l-iskejjel ta' l-Istat f'Malta u Għawdex kif ukoll il-bini li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu jiżviluppaw sors ta' l-enerġijia solari sabiex tissostitwixxi dik eżistenti? Kemm, fil-fatt, kienet in-nefqa globali għall-kontijiet ta' l-ilma u tad-dawl ta' l-iskejjel kollha u tad-dipartiment w entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'Għawdex matul is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għadu qed jiġi konsidrat kemm hi vijabbli l-istallazzjoni ta' sistemi li jutilizzaw l-enerġija solari. Rigward it-tieni parti tad-domanda nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 9 PQ #35861 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Kuntrabandu

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35037, kif jispjega l-fatt il-Ministru li ma jafx b'ilmenti ta' kuntrabandu meta saħansitra jidhru avviżi fil-ġurnali lokali sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar oġġetti li jinsabu għall-bejgħ bil-kuntrabandu fil-gżejjer tagħna?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm il-mistoqsija nru. 35037 kienet tirreferi għall-kuntrabandu ta' xorb alkoħoliku, qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant issa qed jirreferi għall-avviżi li dehru fil-gazzetti dwar kuntrabandu ta' sigaretti kontrafatti. Bħal ma jsir dejjem id-Dwana qiegħda attenta għal dan it-tip ta' kuntrabandu u taħdem mill-qrib mal-partijiet kollha konċernati biex dan il-fenomenu jitrażżan kemm jista jkun.
Leg 9 PQ #35862 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Kuntrabandu

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35038 u jinkludi n-numru ta' persuni u/jew kumpanniji li tressqu l-qorti matul l-istess perjodu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammonti ta' dazju nvolut huma - 1999 Lm 2,235.42 2000 Lm 19,884.70 2001 Lm 15,124.10 2002 Nil filwaqt li : - Numru ta' persuni li tressqu l-Qorti 107 - Numru ta' kumpaniji li tressqu l-Qorti 4 - Numru ta' persuni li qegħdin jiġu nvestigati 4 - Numru ta' persuni li ssetiljaw il-każ barra 'l Qorti 4
Leg 9 PQ #35863 Sitting 802 2002-10-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Vat Refunds

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani separatament kemm hija ċ-ċifra ta' flus f'refunds tal-VAT u tat-taxxa li l-Gvern għandu jagħti lit-taxpayers u li għandu jiġbor sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont f'refunds tal-VAT li għandu jagħti d-Dipartiment tal-Vat lit-taxpayers sas-7 t'Ottubru 2002 huwa ta' Lm6,386,519. Bħalma diġa għidt fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, din il-figura tista' tinbidel skond id-dikjarazzjoni li persuni reġistrati jagħmlu fid-denunzja tat-taxxa li jibgħatu u skond jekk isirux xi aġġustamenti fit-talbiet wara l-verifikazzjoni li tista' issir mid-Dipartiment. Is-somma li għandu jiġbor id-Dipartiment sas- 7 t'Ottubru 2002 hija ta' Lm13,179,640 li ma tinkludix ammont ta' stimi ta' taxxa maħruġa mid-Dipartiment meta persuna tonqos li tibgħat id-denunzja tat-taxxa fil-ħin stabbilit.
Leg 9 PQ #35627 Sitting 801 2002-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex fil-Baħrija matul dawn l-aħħar ħmistax kien hemm qtugħ fil-provista tad-dawl regolari matul is-2.00 a.m. sa l-għada fil-għodu? Jista' jikkunsidra li jingħata skont fil-kontijiet tad-dawl tar-residenti tal-Baħrija minħabba li dan il-qtugħ ikkawża spejjes lill-familji kollha li saħansitra kellhom jarmu prodotti tal-ħalib, laħam u oġġetti oħra li jiġu kkunsmati kuljum inkluż mediċini?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul iż-żmien imsemmi kien hemm erba' interuzzjonijiet fis-sistema ta' l-elettriku fil-post indikat. Fi tlitt okkażżjonijiet, is-sospensjoni kienet dovuta għal ħsarat fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli waqt li fl-okkażjoni l-oħra kienet minħabba xogħol li kien ippjanat li jsir. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija it-tweġiba hija fin-negattiv peress li l-Att dwar l-Enemalta ma jipprovdix għal kumpens f'każ ta' interruzzjoni fil-provvista ta' l-elettriku ikkaġunata minn ħsarat ta' natura bħal dawk imsemmija fuq.

Dar ta' l-Anzjani

Question

B'riferenza għall-każ, ref. no: ECSD/H/297/2002 li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament jista' il-Ministru jestendi l-għajnuna tiegħu sabiex jiġi rremedjat il-bżonn in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament sarilha l-assessment mediku fl-10 ta' Awissu li għadda. Il-każ issa qed jiġi kkunsidrat skond il-priorita' tiegħu flimkien ma' każi oħra.
Leg 9 PQ #35640 Sitting 801 2002-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Peress illi fl-inħawi tal-Mosta magħrufa bħala Triq il-Ġdida fi Triq il-Foss qed ikun hemm ħsarat fil-provvista tad-dawl regolarment u cioe, kuljum għall-matul dawn il-15-il ġurnata għad-detriment ta' l-industriji ż-żgħar ta' l-inħawi li qed jitilfu produzzjoni tagħhom, jista' il-Ministru jinvestiga u jara li jiġu rranġati l-ħsarat immedjatament ħalli ma jkomplux jitilfu x-xogħol u flus dawn l-industrijalisti żgħar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-interruzzjonijiet li kien hemm fl-inħawi msemmija kienu fil-parti l-kbira tagħhom kaġun ta' intermittent fault. Wara li saret investigazzjoni, sar xogħol ta' prevenzjoni minħabba n-natura tal-ħsara.

Trasport Pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li minkejja l-wegħdiet li saru lir-residenti ta' Għar Barka, is-servizz tat-trasport pubbliku għadu qatt ma ġie estiż għal dawn l-inħawi tar-Rabat, Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li wara ftehim li sar bejn id-Direttorat għat-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, ġie mifthiem li dawk it-toroq li jridu jintużaw mir-rotta ta' Għar Barka ġew irranġati mid-Direttorat tat-Toroq, filwaqt li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ukoll ħa ħsieb ix-xogħol tat-tarmak. Ser issir site visit finali il-ġimgħa d-dieħla sabiex jiġi spezzjonat ix-xogħol u skond ma' jirriżulta, r-rotta l-ġdida ta' Għar Barka tkun tista' tibda topera mill-aktar fis.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li f'toroq rurali fejn qed isiru xogħlijiet fuq it-toroq bħal dawk ta' l-Imtarfa bypass, it-triq ta' Burmarrad, it-triq tas-Salina u t-triq tan-Naxxar saru xogħlijet ta' bini ta' ħitan bi blokki tal-konkrit jew tal-ġebel tal-franka minflok il-ħitan tas-sejjieħ? Għaliex qed isir dan l-abbuż ta' nfieq żejjed ta' flus u ta' qerda tal-karatteristiċi rurali tal-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi fejn f'toroq rurali qed isir xogħol b'panewwijiet tal-konkos li għandhom wiċċ b'ġebel rustiku, dan qed isir b'esperiment sabiex ikun jista' jiġi deċiż jekk dan it-tip ta' kostruzzjoni tkunx adattata għal żoni rurali. Minn naħa l-oħra ħitan tal-franka qed ikollhom jibqgħu jinbnew f'toroq rurali peress illi ma hawnx biżżejjed ħaddiema li jibnu ħitan tas-sejjieħ, biex ilaħħqu max-xogħol kollu li hemm bżonn isir. Minbarra hekk dawn il-ħitan qed jinbnew bħala għajnuna lill-bdiewa li ħafna drabi kienu ser jispiċċaw bl-għelieqi tagħhom esposti.
Leg 9 PQ #35857 Sitting 801 2002-10-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

UE

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li, meta pajjiżna qed jonfoq madwar Lm 20 miljun fis-sena sabiex ikun konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea, jirriżulta li qed jitwettqu xogħlijiet li jinvolvu l-qerda tal-karatteristiċi tal-ħitan tas-sejjieħ, liema qerda ta' ħitan tmur kontra kull kunċett u kull etika tal-ħarsien ta' l-ambjent rurali kif ipprattikati fil-pajjiżi kollha Stati ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nissuggerixxi li l-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lil Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #35538 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li vjaġġ tal-persuna li isimha qed jintbgħat separatament, sewa Lm923?

Response (BORG, JOE)

Jien infurmat illi l-figura illi kienet ġiet indikata fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34031 bħala li ntefqet sabiex is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi jmur fuq xogħol Ruma hija skorretta. Jidher illi l-uffiċċjal inkarigat mill-ġbir ta' din l-informazzjoni, bi żball, ikkwota l-figura ta' LM923 li kienet tirrigwarda żjara kompletament differenti tas-Segretarju Permanenti flimkien ma uffiċċjal ieħor. L-ispejjeż tal-vjaġġ tas-Segretarju Permanenti Ruma fl-ewwel ġimgħa ta' April 2002 fil-fatt kienu LM155.20.
Leg 9 PQ #35541 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga x'inhija r-raġuni li l-vjaġġ tal-persuna li isimha qed jintbgħat separatament, kif indikat f'risposta tal-mistoqsija 34031 sewa Lm1081 meta tal-persuna l-oħra li marret Brussells fl-istess żmien sewa Lm600?

Response (BORG, JOE)

Jista l-Onorevoli Interpellant jindikali kif wasal għall-figuri ta' LM1081 u ta' LM629 rigwardanti l-persuni li rrefera għalihom fil-Mistoqsija, peress illi dawn il-figuri ma jirriżultawx mir-risposta mogħtija minni għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34031, sabiex inkun f'pożizzjoni li nirrispondih.
Leg 9 PQ #35542 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jinvestiga x'kienet ir-raġuni li f'Mejju Ambaxxatur partikolari mar minn Madrid għall-Copenhagen u darba nefaq Lm537, darba Lm741 u darb'oħra Lm1200?

Response (BORG, JOE)

L-ispiża indikata għall-ivvjaġġar minn Madrid għal Copenhagen varjat minn darba għal oħra għal dawn ir-raġunijiet: 02 - 05 ta' Mejju 2002 L-Ambaxxatur ġie awtoriżżat biex, flimkien mal-mara tiegħu, jitilgħu Copenhagen sabiex ifittex propjetajiet addattati kemm għal residenza uffiċċjali, kif ukoll għal ambaxxata Maltija f'dik il-belt. It-tnejn ivvjaġġaw fi Klassi Economy u l-ispiża għal dan kienet ta' LM741.10. 12 - 17 ta' Mejju 2002 L-Ambaxxatur tela' biex jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lir-Re tad-Danimarka. Hu kien akkumpanjat, skond il-prassi protokollari, mill-mara tiegħu, u t-tnejn li huma ivvjaġġaw fi Klassi Business, li hija l-klassi uffiċċjali tal-livell ta' ambaxxatur li huma awtoriżżati jivvjaġġaw fiha. L-ispiża għal dan kienet ta' LM1,200.20. 21 - 25 ta' Kejju 2002 L-Ambaxxatur ivvjaġġa waħdu. Minkejja li kellu d-dritt jivvjaġġa fi klassi ogħla, iddeċieda li jivvjaġġa fi Klassi Economy dakinhar. L-ispiża għal dan kienet ta' LM537.29.
Leg 9 PQ #35545 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' il-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-persuna li hija indikata separatament, qiegħda tmur minn Brussells għall-Strassburg kull xahar bi spiża ta' madwar Lm400 kull darba? X'kariga fil-fatt għandha l-persuna msemmija?

Response (BORG, JOE)

Il-persuna ndikata fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Brussell, hija nkarigata, fost affarijiet oħra, mix-xogħol konness mal-Parlament Ewropew. Għalhekk din il-persuna għandha d-dover li tattendi l-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew li jsiru kull xahar ġewwa Strasburgu sabiex tkun tista' tirraporta lill-Ministeru dwar dawn il-laqgħat.

Tiswija ta' Zebra Crossings

Question

Jista' il-Ministru jara li urġentement jissewwew u jinxtegħlu iż-zebra crossings tal-parti t'isfel ta' Vjal il-Ħaddiem (li hemm fejn il-knisja tan-Nigret ) u dik li hemm fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed (quddiem dar 13) peress li ilhom ix-xhur mitfija tant li aktar qed ikunu ta' periklu milli għajnuna għall-pedestrians? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir ix-xogħol meħtieġ u għaliex tħallew daqstant żmien fid-dlam?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-crossings li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma installations ġodda u filwaqt li x-xogħol fuq il-pelican light (ta' ħdejn il-Knisja) qed isirlu l-wiring u jitwaħħlu l-lanterni, fil-każ taż-zebra crossing (ta' quddiem dar 13) id-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol tac-civil engineering u waħħal l-arbli sabiex ix-xogħol ta' wiring ikun jista' jsir mill-Enemalta.
Leg 9 PQ #35589 Sitting 800 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34031, jista' l-Ministru jinvestiga x'inhija r-raġuni li l-vjaġġ tas-segretarju permanenti għall-Australja sewa daqs iż-żewġ vjaġġi li għamel il-Ministru u s-segretarju tiegħu għall-istess destinazzjoni?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċifra murija bħala minfuqa mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi, li kien jifforma parti mid-delegazzjoni Maltija għas-Summit tal-Commonwealth fl-Awstralja hija korretta. Bi żvista, l-uffiċċjal inkarigat mill-ġbir ta' l-informazzjoni għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34031 indika s-somma għat-traġitt bl-ajru tiegħi u tas-Segretarju Personali tiegħi għal dan l-istess Summit bħala LM4023 meta suppost wera l-figura bħala LM8046.
Leg 9 PQ #35470 Sitting 799 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Benefiċċji

Question

Jista` il-Ministru jwieġeb PQ 34996? Jista` jgħid kemm swew dawn il-bordijiet lill-Kaxxa ta’ Malta preferibilment sena b’sena matul dawn l-aħħar 3 snin cioe` 1999, 2000 u 2001?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #35479 Sitting 799 2002-10-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tat-talba tal-kumitat tan-nar tal-Mellieħa sabiex ikollhom sit/post fejn jistgħu jaħdmu n-nar ta' matul il-festa ta' Maria Bambina? Huwa possibli li tiġi milqugħa din it-talba u jekk fl-affermattiv jista' jara li t-talba tiġi milqugħa immedjatament?

Response (BORG, TONIO)

Minn riċerka li saret fit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma jirriżultax li l-Kumitat tan-Nar tal-Mellieħa għamel xi talba għal xi post jew sit partikolari minn fejn ikunu jistgħu jaħdmu n-nar ta` matul il-festa ta` Marija Bambina.