Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mis-Sur Ranier Fsadni
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tas-Sur Ranier Fsadni fil-Greċja, li skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tiswa 'l fuq minn Lm400, u għal liema raġuni li s-sur Fsadni li mhux impjegat tal-Foreign Office isiefer a spejjeż ta' dan il-ministeru?
Response (BORG, JOE)
Is-Sur Ranier Fsadni siefer biex jattendi l-laqgħa tal-Forum Mediterranju f'Delos, il-Greċja. Din kienet laqgħa fejn kull pajjiż membru tal-Forum kien mistieden li jinnomina żewġ intellettwali sabiex jattendu flimkien mad-delegazzjoni ministerjali. L-intellettwali ta' kull pajjiż kellhom jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar l-iskambji interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċiviltajiet. Il-Gvern Malti nnomina lill-E.T. Dr Ugo Mifsud Bonnici u lis-Sur Ranier Fsadni, lil dan ta' l-aħħar peress li jgħallem l-antropoloġija kulturali tal-Mediterran fl-Universita ta' Malta, b'riferenza partikolari għall-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani. Fil-laqgħa tal-Greċja, is-Sur Ranier Fsadni għamel proposta għall-proġett kulturali li jista' jkun organiżżat mill-membri tal-Forum.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Willie Spiteri
Question
Billi l-ambaxxatur Willie Spiteri hu akkredit għall-Ġermanja, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tal-ambaxxatur Spiteri u l-mara tiegħu f'Palermo fi Sqallija li ġiet tqum mas-Lm600 skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031
Response (BORG, JOE)
Waqt iż-żjara tal-President ta' Malta fil-Ġermanja f'Novembru tal-2001, l-Ambaxxatur Spiteri, flimkien miegħi, ġie mistieden mill-Viċi President ta' Daimler-Chrysler, is-Sur Mathias Kleinert, sabiex jattendi għall-laqgħa tad-diriġenti tal-kumpanija u konferenza Mediterranja f'Palermo fejn jien kont mistieden bħala wieħed mill-kelliema priċipali.
Sussegwentement apparti il-laqgħa tad-diriġenti, sar kunċert sinfoniku minnflok il-konferenza li tħassret. Daimler-Chrysler xorta waħda ħarġu l-inviti għall-okkażżjoni. L-ispejjeż tal-lukandi tħallsu mill-kumpanija Ġermaniża.
Waqt din l-okkaażjoni ttieħdet l-opportunita li jitkattru l-kuntatti ma' din il-kumpanija kbira Ġermaniża, fosthom mal-President tal-kumpanija Dr Jurgen Schrempf. Riżultat ta' dawn il-kuntatti, il-Kumitat Olimpiku Malti ġie rregalat van mill-kumpanija Daimler-Chrysler. Din il-preżentazzjoni saret f'Ottubru li għadda mill-Viċi President tal-kumpanija li ġie Malta apposta.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Salvinu Busuttil
Question
X'kienet ir-raġuni tas-safra ta' l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil f'St Tropez li skond ir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tqum Lm1259 u x'kienet preċiżament l-ispiża ta' Lm232 f'others li mhijiex speċifikata?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur Salvino Busuttil ħtieġlu jmur Monaco u San Tropez sabiex jiltaqa' mal-Ministru ta' l-Istat għall-Monaco u sabiex jieħu ħsieb il-preparamenti meħtieġa għat-tiġrija tal-'yachts' bejn San Tropez u Malta magħrufa bħala "Trophée Bailli de Suffran". Huwa ukoll attenda għall-esebizzjoni ta' kultura u arti Maltija, liema esebizzjoni saret bħala parti mill-avvenimenti marbuta mat-tiġrija msemmija.
Rigward l-ispejjeż oħra ta' LM232, dawn kienu għal-kiri ta' karozza f'San Tropez (LM140) u l-bqija żewġ ikliet mgħotija ad unur tas-Sindku ta' San Tropez u d-Direttur ta' l-Affarijiet Barranin tal-Yacht Marina f'San Tropez.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar - Bonus Miles
Question
Minħabba r-riskju li uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn isir ħafna safar, jistgħu jevitaw l-Air Malta u jaqbdu kumpaniji oħra fejn is-safra tiġi tqum aktar lil gvern biex jieħdu l-bonus miles, jista' l-Ministru jagħmel bħal postijiet oħra biex il-bonus miles jibda jeħodhom il-ministeru u mhux igawdi minnhom l-individwu privatament?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-Ministeru tçgħi, l-ibbukkjar tal-bijetti ta' l-ajru għal safar uffiċċjali huwa ċentralizzat f'taqsima partikolari, fejn l-uffiċċjali inkarigati jçħdu ħsçb li jidentifikaw l-aħjar rotot u jiksbu l-orħos pezzijiet għall-vjaġġi indikati lilhom. Għal din ir-raġuni, mhux il-każ illi dawn l-uffiċċjali jeżerċitaw xi soġġettivita' billi jippreferu linja ta' l-ajru minn oħra għar-raġuni li semma' l-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid, f'dan il-kuntest, illi l-Air Malta tħaddem skema simili ta' bonus miles hija wkoll, għaldaqstant ma jreġix l-argument illi xi ħadd qed iwarrab lill-linja ta' l-ajru Maltija minħabba li ma jiggwadanjax punti mingħandha.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Rapporti mibgħuta minn uffiċjal fi Brussels
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li wara kull vjaġġ li tagħmel minn Brussels għal Strasbourg biex issegwi s-seduti tal-Parlament Ewropew l-uffiċjal ta' l-ambaxxata fi Brussels li isimha qed jintbagħat separatament, tibgħat rapporti ikkuppjati kelma b'kelma minn dawk li jidhru minn fuq il-website ta' l-istess Parlament?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol prinċipali ta' l-Ambaxxata fi Brussels fil-qasam tal-Parlament Ewropew huwa li jsegwi dawk l-inizjattivi li l-aktar għandhom rilevanza għal Malta, u li jieħu ħsieb li jippromwovi l-interessi ta' Malta b'kull mod possibbli. L-uffiċċjal fl-Ambaxxata li għandu risponsabbiltajiet li jinkludu l-Parlament Ewropew jirraporta fuq dawn l-aspetti lill-Ambaxxatur skond il-bżonn, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. Barra min hekk dan l-uffiċċjal ilesti żewġ rapporti ġenerali fix-xahar li jkopru l-iżviluppi fil-Parlament Ewropew, wieħed minn dawn ir-rapporti jittratta biss fuq is-sessjoni plenarja ta' kull xahar, l-ieħor jifforma parti mir-rapport ġenerali ta' l-Ambaxxata ta' kull xahar.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Konvenzjoni Ewropea - Safar
Question
Kif jispjega il-Ministru li għal żewġ safriet bejn Malta u Brussels bejn l-20 u t-23 ta' Marzu, Mr John Inguanez għat-travel nefaq Lm629 u l-Profs Serracino Inglott nefaq Lm363.90 meta mr Inguanez huwa s-sostitut ta' Profs Serracino Inglott fil-European Convention, u kif għal safra oħra fi Brussels mill istess żewġ persuni f'April Mr John Inguanez nefaq Lm452.30 u Profs Serracino Inglott nefaq Lm237.40?
Response (BORG, JOE)
Meta rrispondejt għall-Mistoqsija numru 34031, il-figuri ta' l-ivvjaġġar ma' kienux jinkludu l-50% tnaqqis li soltu tagħti l-Air Malta lill-impjegati tal-Gvern li jużaw ir-rotot tagħha.
Fir-rigward tal-vjaġġ ta' bejn l-20 u t-23 ta' Marzu 2002, is-Sur John Inguanez ħtieġlu jbiddel il-biljett ta' l-ajru mit-23 ta' Marzu għat-22 ta' Marzu. Għalhekk kellu jitħallas addizzjonalment l-spejjeż ta' biljett 'one way'. Waqt li sa issa għadu ma wasalx ir-refund dovut għar-return mhux utiliżżat.
Fir-rigward tal-vjaġġ li sar bejn l-14 u t-18 t'April 2002. Il-figura ta' LM452.30 li ġiet indikata bħala ħlas tal-vjaġġ, kienet waħda proviżorja. Anke hawn dan l-ammont ma kienx imnaqqas bir-riduzzjoni li tagħti l-Air Malta. Fil-fatt, dan it-tnaqqis issa wasal, u jammonta għal LM195.30 u allura l-ispejjeż tal-vjaġġ iridu juru LM257.00 minnflok LM452.30.
Jista' il-Ministru jara li l-bozza ħdejn residenza 23 triq il-Pluviera l-Mellieħa tinxtegħel peress li ilha diġa rappurtata x-xhur u l-ħsarat għadhom ma ġewx rimedjati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-lampa msemmija diġa' daret.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 36549 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopji ta' l-analiżi li saru fuq l-spejjer ta' l-ilma fl-inħawi? Jista' ukoll il-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda analiżi fuq spejjer ta' l-ilma fl-inħawi tal-fossa tal-Baħrija mid-Dipartiment tad-Drenaġġ għaliex id-Dipartiment ma rriżultalux illi far xi kwantita' ta' drenaġġ u li dan ikkontamina xi spejjer.
Id-Dipartiment lanqas ma kellu xi rapporti illi nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu minħabba xi fawran ta' drenaġġ.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari numru 36548 jista' il-ministru jaġġornani dwar il-kuntatti li saru mal-FAO kif oriġinarjament tirreferi l-ittra? Jista' ukoll il-Ministru jinfurmani x'inumha l-inizjattivi li rrefera għalihom sabiex is-sajjieda lokali jiġu megħjuna jakbbru l-ħbiberija mas-sajjieda Tuneżini?
Response (BORG, JOE)
B'riferenza għall-ewwel parti tad-domanda, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru ebda kuntatti speċifiċi mal-FAO dwar dan il-każ, peress li din il-materja qed tiġi trattata direttament fuq livell bilaterali, u fil-fatt ittieħdu l-passi neċessarji u ngħataw il-garanziji relevanti mill-awtoritajiet Tuneżini.
In kwantu għal inizjattivi f'dan il-kuntest, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bl-għan li s-sajjieda Maltin u Tuneżini jkunu megħjuna jkabbru l-ħbiberija ta' bejniethom, l-awtoritajiet Maltin u dawk Tuneżini qed jinkoraġixxu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn iċ-ċentru għax-Xjenzi fis-Sajd ta' Malta, f'Marsaxlokk, u Ċentri jew Istituzzjonijiet ta' Riċerka tas-Sajd fit-Tuneżija.
L-awtoritajiet Maltin u Tuneżini qed ukoll iħeġġu lill-mexxejja lokali ta' irħula tas-sajjieda f'Malta u fit-Tuneżija jilħqu ftehim ta' ġemellaġġ. Permezz ta' ftehim simili, l-awtoritajiet lokali u n-nies tagħhom, bl-għajnuna tal-Gvernijiet ċentrali, jkunu jistgħu jsiru jafu aktar lil xulxin. Huwa ttamat li, permezz ta' dawn l-inizjattivi, inċidenti bejn is-sajjieda Maltin u dawk Tuneżini jiġu evitati.
Kemm kienet in-nefqa totali tax-xogħlijiet li saru sabiex ġiet introdotta s-sistema tal-bar coding fil-pitkaljia ċentrali f' Ta' Qali sena b'sena matul l-1999, 2000, 2001 u 2002?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-sistema tal-Bar Coding fil-Pitkalija Ċentrali għadha ma ġietx introdotta u dan minħabba tibdil fl-operat li jrid isir fil-Pitkalija.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Nefqa fuq safar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru ta'din is-sena?
Response (BORG, JOE)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru għall-Affarijiet Barraninr — Safar mill-ambaxxatur Richard Muscat
Question
Fil-każ tas-safra tal-ambaxxatur Richard Muscat fl-Irlanda bejn is-7 u l-14 ta' April 2002 jista' il-Ministru jispjega d-diskrepanza bejn l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 tiegħi fejn qal li din ġiet tqum Lm228 travel, Lm1052 accomodation/subsistence allowance u Lm378 others, u l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34612 ta' l-Onor. Geroge Vella fejn qal li l-istess safra ġiet tqum Lm228 travel, Lm1026.61 hotel and subsistence allowance u Lm404.72 others?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment id-differenza hija ta' LM1.33 bejn ir-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numri 34031 u dik 34612.
Nixtieq nispjega illi l-figura ta' LM1.052 taħt akkomodazzjoni u "subsistence allowance" mogħtija fil-Mistoqsija numru 34031 kienet tinkludi "hospitality" ta' madwar LM26.90. Sakemm ġejt biex nirrispondi l-Mistoqsija numru 34612, dan l-iżball ġie rranġat għalhekk issa qed jidher fil-figura ta' LM404.72 taħt
"others" minnflok is-somma ta' LM378. Id-differenza żgħira fit-total kollu tirriżulta minħabba "rounding off" tal-figuri u r-rata ta' kambju.
B'referenza mistoqsija parlamentari numru 36535 jista' il-Ministru għallinqas jinfurmani liema huma dawk l-ispecial safeguards li Malta qed toġġezzjona li taċċetta li tkun konformi magħhom wara s-sħubija ta' pajjiżna fl-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nifhimx għaliex l-Onor. Interpellant qed jitlob din l-informazzjoni meta ilu tant żmien jipprova jagħti l-impressjoni li jaf b'dak kollu li qed ikun negozjat ma' l-UE. M'Għandi xejn xi nzid ma dak kollu li għidt diversi drabi f'risposti simili.
B'referenza għall-pagi pendenti li għandhom jieħdu l-ħaddiema ta' l-ex-lukanda Verdala, li dwarhom ressaqt diversi mistoqsijiet, jista' il-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi u cioe' meta se jsiru l-ħlasijiet dovuti mill-MDC skond l-arranġamenti li kienu saru u li jmorru lura għall-1983?
Response (BONNICI, JOSEF)
F'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 30755.
B'referenza għall-ilmenti tiegħi f' isem ir-residenti ta' Triq il-Kbira l-Mosta fil-parti tan-naħa ta' Ta' Qali , jista' il-Ministru jinfurmani x' kienu r-raġunijiet li l-culverts ta' l-ilma tax-xita f'din it-Triq ma sarux matul dawn l-aħħar 4 snin? Inħarġet tender tax-xogħlijiet u jekk le, jista' jara li toħroġ immedjatament ħalli dawn ir-residenti ma jkomplux joħorġu kull meta tagħmel ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-proġett biex tiġi eliminata l-problema ta' l-ilma tax-xita fi Triq il-Kbira hu pjanat li jitwettaq mill-Kunsill. Minn naħa tiegħu d-Direttorat għat-Toroq ħa ħsieb li jara li l-easements li jridu jsiru biex il-culvert tkun tista tinbeda fil-fatt isiru. Minbarra hekk naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li Triq il-Kbira l-Mosta ilha Mibnija ferm iktar minn erba' snin.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ħofra li żvilluppat f'nofs it-triq fejn Wied Tal-Fiddien limiti tar-Rabat peress li tindika li hemm xi mina żgħira għall-aċċess ta' l-ilma li xpakkat? Jista' il-Ministru jinfurmani fid-dettal u forsi anke jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li jindikaw minn fejn jinsab għaddej l-kanal li nkixef minħabba din it-toqba fit-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalkemm il-ħofra li żviluppat fit-triq imsemmija hija fil-konfini tal-Kunsilli Lokali, saret spezzjoni fuq il-post u tqiegħdu road barriers bil-flushers biex ma jkunx hemm periklu.
Sadanittant, ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet marru fuq is-sit imsemmi u għamlu x-xogħol neċessarju.
B'referenza għall-mistoqsija numru 34638 jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-kwestjoni tal-livelli aċċettabbli ta' Acrylamide? It-tfal huma safe jew hemm xi etajiet li jridu jiġu osservati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni dwar is-Sigurta` fl-Ikel qed tkompli ssegwi l-iżviluppi f'dan il-każ, b'mod partikolari l-istudji li qed isiru fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Awtorita` Ewropea dwar is-Sigurta` fl-Ikel (EFSA).
Bl-informazzjoni li teżisti bħalissa, wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni dwar livelli aċċettabbli ta` acrylamide.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana x'ġara mill-ġnien pubbliku li kellu jsir fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat fejn il-parti tal-housing kienu lestew il-pjanti matul l-1997 u l-1998? Hemm ħsieb li jsir fix-xhur li ġejjin u għaliex ma kien hemm ebda żviluppi matul dawn l-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li ma kienu saru ebda pjanti mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fl-1997 u fl-1998 iżda kellhom isiru pjanti mit-Taqsima tax-Xogħolijiet. Dawn il-pjanti kellhom jinkludu bidliet fit-tqassim tat-toroq fl-inħawi. Billi d-Dipartiment tat-Toroq issa jifforma parti mill-Ministeru għat-Trasport u Telekomunikazzjoni nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Misoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' watchmen/security officers fid-dipartiment ta' l-agrikoltura u sajd matul l-1996, 1997 u 1998? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?