Bdiewa u raħħala — Reġistrazzjoni ta' l-art u rziezet
Question
Għaliex matul din is-sena reġa ma ġie reġistrat l-ebda progress vis-a-vis it-talbiet tal-bdiewa, raħħala eċċ, sabiex jirreġistraw taħt isimhom ir-raba' u l-irziezet li jokkupaw illum? Kemm-il applikazzjoni kien hemm fil-fatt u kemm kien id-dħul tal-Gvern minn dawn il-formalitajiet li ġew introdotti sentejn ilu?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċess biex dawn l-applikazzjonijiet jiġu iċċekjati u vverifikati huwa wieħed kemmxejn ikkumplikat u jieħu ż-żmien. Sal-lum it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħadet ħsieb iddaħħal l-informazzjoni ta` kull applikant ġo sistema kkomputerizzata u imbagħad, b`mod gradwali ħarġet l-applikazzjonijiet li saru f`kull lokalita` għall-iskrutinju tal-pubbliku biex kull min ried jagħmel oġġezzjoni seta` jagħmel dan. Fil-fatt nista` nikkonferma li l-aħħar stadju tal-proċess ta` skrutinju għall-lokalitajiet kollha ta` Malta u Għawdex tlesta fl-aħħar ta` Ottubru li għadda. Sadanittant it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, wara li kkonfermat li l-art mitluba ma kinitx fuq proprjeta` privata ħadet ħsieb biex l-art li fuqha saru l-applikazzjonijiet tiġi kollha kemm hi rreġistrata f`isem il-Gvern ta` Malta taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta` Artijiet. Dan il-proċess ta` reġistrazzjoni, li tlesta f`Settembru li għadda, kien proċess neċessarju għall-iskop tal-Iskema. Sadanittant ukoll id-dipartiment ried jieħu ħsieb jibda jiftaħ il-files relattivi li fihom jiddaħħlu l-applikazzjonijiet għal skop ta` pproċċessar u fil-fatt sal-aħħar tas-sena ser ikunu infetħu mal-ħamest elef file. Fis-sajf li għadda beda b`mod gradwali l-ipproċessar innifsu ta` l-applikazzjonijiet fil-lokalitajiet ta` Marsaxlokk, Wied il-Għajn, B`Bugia, Mosta, Swieqi, Żurrieq u Siġġiewi. F`dawn il-lokalitajiet kien hemm 1,068 applikazzjonijiet. Dan l-ipproċessar jinkorpora ġo fih is-soluzzjoni ta` numru ta` kwistjonijiet, inklużi applikazzjonijiet fuq xulxin, oġġezzjonijiet li saru, applikazzjonijiet fuq raba` mikrija lill-terzi, verifikazzjoni jekk l-applikazzjoni taqax fuq art li tkun tajba għall-bini jew li l-Gvern għandu bżonnha għal xi proġett u spezzjonijiet fuq il-post biex wieħed jikkonferma li l-art qed tinħadem. Wara li jiġu solvuti dawn il-materji, jiġi deċiż x`art tkun tista` tinkera, issir il-pjanta uffiċjali, jiġi ffirmat il-kuntratt ta` kiri u imbagħad jiġu updated r-records tal-proprjeta`. Fil-fatt sa issa kien hemm 59 applikazzjoni li ġew irrifjutati, u mat-290 każ fejn l-applikanti intalbu jiċċaraw il-pożizzjoni għaliex jew l-art kienet diġa` mikrija jew inkella fuqha kien hemm iżjed minn applikazzjoni waħda. Imbagħad hemm 20 każ fejn il-kuntratt tal-kiri ser ikun iffinalizzat il-ġimgħa d-dieħla. Dwar l-oħrajn għad irid isiru investigazzjonijiet mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jirriżultalu l-Ministru jekk fid-dawl tan-negozjati ta' Malta ma l-Unjoni Ewropea humiex se jkunu mposti tariffi prottettivi (levies) fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli anke wara s-sena 2010? Jista il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tariffi ġodda (levies) li trid ddaħħal malta sabiex tipproteġi l-biedja ta' l-UE?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-Mistoqsija tirrigwarda materja teknika dwar prodotti agrikoli nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar mistoqsija parlamentari 19838 li tikkonċerna l-lokalita` tal-Mosta
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal numru ta' mistoqsijiet parlamentari li saru minn diversi membri tal-kamra minn żmien għal żmien fuq dan il-proġett u għalhekk ma hemmx xejn aktar xi nżid fuq informazzjoni li diġa ngħatat.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 30872 dwar in-nursery ta' Wied Inċita
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-1 ta' Novembru 2002, in-nursery ta' Wied Inċita bdiet titmexxa mill-Environment Landscapes Consortium Ltd.
Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma dawk miftehma bejn il-Gvern u l-unions li ffirmaw il-ftehim.
Dawn il-kundizzjonijiet ġew negozjati mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u saru fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 29505 dwar il-produzzjoni agrikola organika fil-kulleġġ tal-biedja.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura waqqaf serra għat-tkabbir tal-ħxejjex u fjuri bis-sistema organika. It-tagħlim dwar is-sistema organika ġie ntrodott fil-kulleġġ is-sena skolastika li għaddiet.
L-istudenti qegħdin jieħdu sehem fi proġett dwar is-sistema flimkien ma' studenti u għalliema mill-Awstrija u mill-Italja permezz tal-Programm Leonardo da Vinci ta' l-Unjoni Ewropeja.
Il-Kulleġġ daħal bi sħab ma' NGO Franco S1 u mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex jipprovdi tagħlim u taħriġ fuq din is-sistema għaż-żgħażagħ ta' bżonnijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien s-serqiet rapportati bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena. Kemm ġew rapportati li nsterqu flus u deheb? Kemm fil-fatt ġew rapportati serqiet mid-djar residenzjali?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` każi irrappurtati lill-Pulizija ta` serq u ta` serq minn residenzi bejn Jannar u Ottubru 2002, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 31608, 33274, 32899, 33173, 34977, 34979, 35392, 35394, 36655 u 36657.
Dwar kemm ġew irrappurtati li insterqu flus u deheb fl-istess perijodu ninsab infurmat kif ġej:-
Flus Maltin - Lm514,854
Flus Barranin - Lm 39,038
Ġojjelli - Lm168,819
L-informazzjoni rigward il-valur ta` oġġetti misruqa huwa kif ġie irrappurtat lill-Pulizija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 36921, meta fil-fatt inbeda l-proġett tal-bar coding? Kemm sewa flus sa issa u x'jinvolvi dan f'infieq ta' flus?
X'kienet ir-raġuni li dan il-bar coding ma tlestiex matul dawn l-aħħar erba' snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 36921 li s-sistema tal-Bar Coding fil-Pitkalija għadha ma ġietx introdotta. S'issa ma kien hemm l-ebda nfieq ta' flus fuq din is-sistema. Ir-raġuni li dan il-Bar Coding għadu ma sarx hu minħabba tibdil fl-operat li jrid issir fil-Pitkalija.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-evalwazzjoni li għamlu l-awtoritajiet tat-traffiku dwar l-ilmenti tar-residenti ta' Triq il-Kulleġġ tar-Rabat minħabba l-volum tat-traffiku li żdied riċentament u qed jikkawża perikolu lill-pedestrians minħabba ċ-ċokon tal-bankini u l-ispazju limitat tat-triq?
Minn fil-fatt huwa responsabbli mill-evalwazzjoni ta' dawn l-ilmenti tar-residenti tat-triq imsemmija
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li kien hemm numru ta' lmenti dwar il-volum ta' traffiku mir-residenti ta' Triq Konti Ruġġieru u toroq oħra fl-inħawi fir-Rabat, kien ġie deciż li Triq Nikola Sawra ssir one way (lejn il-Pjazza ta' San Duminku) bħal Triq Ġorġ Borġ Olivier.
Qed jidher iżda li din il-miżura ma naqqsitx il-volum tat-traffiku mit-toroq imsemmija daqs kemm kien mixtieq. Għaldaqstant, l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tar-Rabat qed jikkonsidraw x'miżuri oħra jistgħu jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta. Fil-fatt saru diskussjonijiet bejn l-Awtorita' u l-Kunsill fl-aħħar ġimgħat biex flimkien tinstab soluzzjoni. Fil-frattemp saru traffic counts mill-Awtorita' biex jgħinu f'dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 29931 dwar il-venda l-ġdida f'San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi d-diskussjonijiet dwar il-
location
tal-
Bus Terminus
ta' Bugibba għadhom għaddejjin u wieħed irid jistenna l-esitu u l-konkluzjonijiet li finalment ser jirriżultaw minn
North/West Local Plan.
X'kienet ir-raġuni li matul dawn l-aħħar erba' snin ma ġietx milqugħa t-talba tiegħi sabiex issir bozza/lampa fejn ir-residenza li tinsab fi sqaq 2A/1 San Franġisk ir-Rabat Malta? Jista' il-Ministru jinvestiga u jirrimedja għal dan il-bżonn qabel ma jkun tard wisq? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret fuq il-post mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li hemm dawl adekwat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx il-kumpens dovut lilhom għat-taxxa tal-VAT li ħalset fuq l-ewwel propjeta` tagħhom
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jidhirx li l-Awtorita' għandha applikazzjoni għall-ħlas Lura ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud Imħallsa Fuq l-Ewwel Dar ta' Abitazzjoni mis-Sinjuri ndikat.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex id-dipartiment tal-VAT qatt ma ħallas ir-refunds tal-VAT dovuti lill-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament.
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema tip ta' refund qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 29899 dwar is-shooting range fil-Mellieħa.
Response (BORG, TONIO)
L-appell mir-rifjut tal-applikazzjoni PA 4430/98, dwar is-shooting range fil-Mellieħa ġie aġġornat għas-27 ta` Novembru 2002 biex tingħata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru tat-Turiżmu jgħid għal kull belt fl-Ewropa fejn għandu uffiċju tal-NTOM, kemm jaqla' fis-sena (2002) id-direttur ta' kull uffiċċju f'salarju u allowances b'kollox?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-NTOM ġiet xolta b’effett mill-31 ta’ Awissu, 1999, nippreżumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-uffiċini u d-diretturi ta’ l-MTA. Għalhekk, qed nagħti l-informazzjoni kif mogħtija lili mill-MTA.
Is-salarju u l-allowances, tad-diretturi ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta tat-Turiżmu huma dawn:
LM
Russja
36,341
Italja
26,759
Ingilterra
34,676
Olanda
28,240
Ġermanja
30,909
Franza
29,876
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li isimha qiegħed jintbgħat separatament tingħata post alternattiv, meta jikkonsidra l-fatt li minbarra li tgħix f'kamra waħda mat-tliet uliedha kif ukoll, issa, t-tifla tagħha li għandha tifla ta' sentejn ukoll u qed tistenna tarbija u dan fl-istess post, jigifieri (dettalji wkoll qiegħdin jintbgħhatu separatament), fejn, fuq kollox, hemm is-saqaf tal-unika kamra li qiegħed fi stat ta' periklu li jaqa'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat l-każ qed ikun ikkunsidrat, pero d-dar fejn toqgħod il-persuna la hi b'kamra waħda u lanqas m'hi bil-periklu.
Jista' l-Ministru jara li l-bozza li hemm fi Triq San Bartilmew, ir-Rabat (Malta), kantuniera ma' Triq Zondadari, li ilha għal dawn l-aħħar tliet xhur u nofs bil-ħsara, tissewwa?
Jista' l-Ministru japprova li jsir arblu bil-bozza fil-parti traffikuza fejn il-bus shelter ta' bejn il-limiti ta' Tabja u Blokk D tal-Qasam tad-Djar, Għajn Qajjet, ir-Rabat (Malta)?
Jista' l-Ministru japprova li jsiru arbli bid-dawl fil-parti mudlama li hemm fi Triq Nigret sa sub-station li hemm f'Għar Barka, ir-Rabat (Malta)?
Jista' l-Ministru jgħin li xoghol fuq traffic lights li hemm f'zebra-crossing quddiem id-dar Numru 13 fil-Qasam tad-Djar, Għhajn Qajjet, ir-Rabat (Malta), li ilu wieqaf għal dawn l-aħħar tliet xhur, jitlesta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-diversi talbiet magħmula mill-Onorevoli Interpellant ġew riferuti lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġu kkunsidrati flimkien ma' talbiet oħra simili.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 36532, jista' il-Ministru jivverifika t-tweġiba mill-ġdid peress li aċċidentalment sajjieda li kienu preżenti fil-Pixkerija ħdejn il-pitkal li ismu qed jintbagħat separatament irrapurtaw huma stess lid-Dipartiment tas-Saħħa l-daħal it-tonn mejjet fil-pixkerija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma t-tweġiba mogħtija minni fis-seduta numru 810 tal-5 ta' Novembru 2002.
X'investigazzjoni saret dwar ix-xibka tat-tonn li ddaħħlet Malta kontra l-liġi u cioe' kienet dikjarata bħala xibka għall-gaġġa tat-tonn li nġabet mit-Tuneżija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi informazzjoni f'dan ir-rigward jgħaddih lit-Taqsima għall-Kontroll u l-Konservazzjoni tas-Sajd. Dak kollu li semma fil-mistoqsija tiegħu jinstema' kollu bħala għajdut iżda ma teżisti l-ebda biċċa evidenza konkreta bi prova ta' dan.
Fil-kontest tal-konservazzjoni tal-ħut fil-Mediterran iħoxx il-Ministru li fil-każ li tinħareġ liċenzja tal-purse seining lokali, pajjiżna jkun qed jikkontribwixxi għall-qirda ta' l-ispeċi tal-ħuta tat-tonn b'konsegwenza ta' qbid indiskriminatorju ta' speċi oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-kuntest ta' konservazzjoni, m'hux l-irkaptu li jiġi wżat biex taqbad il-ħut konċernat, iżda l-kwantita' li tinqabad. Fil-każ tat-tonn, il-qbid bis-sunnara, bix-xibka u kwalsiasi irkaptu ieħor hu marbut mal-kwantita` ta' qabda li tiġi ikkalkulata mill-ICCAT fuq bażi ta' konservazzjoni ta' din l-ispeċi ta' ħuta. Biex wieħed jikkonserva t-tonn irid iżomm mal-qbid allokat lilu. Is-sajd tat-tonn bix-xibka hu waħda mis-sajdiet selettivi ħafna għaliex il-ħut li jkun qed jiġi mdawwar ikunu rawh sew l-istess sajjieda li jkunu se jaqbduh u għalhekk jekk ma jkunx tal-qies ġust jew ħuta ppreġjata dawn ma jdawruhx.
Tajjeb li nfakkar lill-Onor. Interpellant li meta kien Ministru responsabbli mis-sajd mhux talli ma kienx kontra l-użu tax-xibka għall-qbid tat-tonn, talli kien jiftaħar li kien qed jieħu inizjattivi biex kumpanniji barranin jinvestu fi proġetti tat-tuna penning fl-ibħra Maltin. Anzi kien iħeġġeġ ukoll lis-sajjieda Maltin biex anki huma, permezz tal-kooperattivi tagħhom, jinvestu fi proġetti bħal dawn. Ma nafx għaliex issa dan il-biki kollu tal-kukkudrilli.