Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mtarfa — Ħitan tal-konkos

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex fl-irdumijiet sensittivi tat-tafal ta’ l-Imtarfa biswit il-bypass ta’ l-Imtarfa saru ħitan tal-konkos minflok dawk tradizzjonali u karatteristiċi tas-sejjieħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħitan ta’ taħt il-bypass tal-Imtarfa ġew approvati fl-applikazzjoni PA 3110/00 b’materjal tal-konkos għaliex dawn iservu bħala “retaining wall”. Il-kundizzjoni numru 10 fil-permess tirrikjedi li l-ħitan tal-konkos ta’ taħt it-triq ikunu “precast panels with rubble wall facing”. Saret spezzjoni mill-ufficjali tas-Sezzjoni ta’ l-Infurzar tal-MEPA u jirriżulta li l-ħitan tal-konkos mibnija biswit il- bypass ta’ l-Imtarfa huma mibnija skond il-kundizzjoni tal-permess. Dan ix-xogħol huwa parti mix-xogħlijiet meħtieġa sabiex tinbena mill-ġdid triq li nbniet oriġinarjament ħażin fil-bidu tas- snin tmenin u fil-fatt cediet.

Mtarfa bypass

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet kompetenti ħallew li ssir rovina sħiħa f’zona u rdum sensittivi fl-Imtarfa biswit il-bypass?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Numru 92.

Impjiegi — Tilwim industrijali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tilwimiet industrijali reġistrati f’Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Liema kienu l-azjendi, kumpanniji, dipartimenti governattivi, eċċ. involuti? Jista’ il-Ministru jagħti l-istess breakdown għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpo;;i fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.

UE — Trab tal-ħalib xkumat - sussidju

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex il-Gvern Nazzjonalista aċċetta fit-trattat li ffirma ma’ l-UE li s-sussidju fuq il-prezz għoli tat-trab tal-ħalib xkumat ikun biss limitat għal 521 tunnellata meta l-MDP waħedha diġa’ timporta madwar 700 tunnellata għall-produzzjoni tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf li l-Gvern għamel xogħolu bl-akbar metikolosita’. Hu veru li s-sussidju fuq il-prezz tat-trab tal-ħalib xkumat hu limitat għal 521 tunnellata. Dan hu hekk għax dik hi l-figura medja ta’ ħtiġijiet ta’ mportazzjoni ta’ ħalib xkumat għall-ipprocessar u produzzjoni ta’ prodotti ta’ ħalib f’ Malta għas-snin 1998 – 2000.

UE — Zokkor/ċereali - sussidju

Question

Skond it-trattat il-Gvern Nazzjonalista aċċetta li jissussidja l-bdiewa ta’ l-UE li jipproduċu z-zokkor u ċereali bi kważi Lm6 miljun fl-ewwel tmien xhur tas-sħubija, fl-istess trattat il-Gvern Nazzjonalista aċċetta li jissussidja bi Lm3 miljun fuq perjodu ta’ għaxar snin il-bdiewa lokali kontra telf li dawn se joffru fuq il-varjetajiet kollha tal-ħaxix frisk minħabba t-tneħħija tal-levies, jista’ il-Ministru jgħid għaliex saret din id-diskriminazzjoni mal-bdiewa lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant għandu jifhem li qed iħallat u jagħmel paraguni li ma jreġux. Hu jaf tajjeb li l-Ministeru kkummissjona studji biex id-dħul tal-bidwi fuq ħaxix u frott (kif ukoll dak tar-raħħal għal prodotti oħra) ma jbatix. Mhux biss hekk. Imma l-Gvern se jieħu l-opportunita tas-sħubija billi l-mestjier tal-bdiewa u r-raħħala jitjieb u jissaħħaħ. Għalhekk il-bdiewa u r-raħħala tagħna se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dħul gdid taħt il-guarantee ta’ l-Iżvilupp Rurali kif ukoll għall-għajnuna għal ristrutturar, produttivita’ u efficjenza taħt il-Guidance. Mhux biss. Il-Gvern innegozja Special Safeguard għal ħames snin għas-settur tal-biedja, biex f’każ li jkun hemm theddida għal xi settur tal-biedja, jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni.

Laħam tal-majjal

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hi kkalkolata l-ispiża tal-qatla tal-majjal frisk illum? Kemm minn din l-ispiża qed jikkumpensa l-gvern u kemm il-koperattiva? Kemm mistennija tiżdied jew tonqos din l-ispiża wara s-sħubija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor interpellant li l-ispiża biex jinqatel il-majjal hija ta' 7 cents il-kilo li minnhom 1cent 2 mils il-kilo (average) jitħallsu mill-produttur. Il-Koperattiva ma toħroġ xejn. Il-biccerija ġiet upgraded ricentement u b'iżjed awtomatiżazzjoni l-spiża tal-qatla ser tkompli tonqos.

Laħam taċ-ċanga friska

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hi kkalkolata l-ispiża tal-qatla taċ-ċanga friska llum? Kemm minn din l-ispiża qed jikkumpansa l-gvern u kemm il-koperattiva? Kemm mistennija tiżdied jew tonqos din l-ispiża wara s-sħubija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-qatla tac-canga friska llum hija ta’ 7 cents il-kilo, li minnhom il-produttur Iħallas 4 cents 8 mils il-kilo. Il-Koperattiva ma toħroġ xejn. L-ispiża tal-qatla tac-canga ser tonqos aktar ma tiżdied l-efficjenza, fil-linja tal-majjal.

Biċċerija — Serq

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il serqa saret fil-biċċerija s-sena l-oħra u din is-sena? X’passi ttieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda serqa fil-biccerija s-sena l-oħra u din is-sena.

PAPB — Permessi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ permessi tal-PAPB li nħarġu fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena, separatament? Kemm fil-fatt kien in-numru ta’ permessi simili li nħarġu matul l-istess xhur fis-snin 2000, 2001 u 2002, rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Annessa fit-tabella hawn taħt, hawn in-numru ta’ permessi tal-MEPA maħruġa fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu, u April tas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003. 2000 2001 2002 2003 JANNAR 335 384 405 383 FRAR 493 332 575 264 MARZU 500 299 415 552 APRIL 415 379 614 450

Kumpanniji/fabbriki — Bolla tal-NI

Question

Fil-preżent, jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ kumpanniji/fabbriki, eċċ. li qed jiġu mħarka mid-dipartiment sabiex iħallsu dawn il-pagamenti tal-NI li għadhom pendenti? Kemm hi ċ-ċifra ta’ flus in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ kumpannji/fabbriki li qed jiġu mħarka mid-Dipartiment huma 11. Iċ-ċifra ta’ flus pendenti rigward il-pagamenti tal-N.I. hija ta’ Lm1,099,502.31.”

Kumpanniji privati — Ħlas ta' taxxa ta' l-income

Question

Fil-preżent, jista’ il-Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra ta’ ħlas ta’ flus tat-taxxa ta’ l-income pendenti li għandhom iħallsu l-kumpanniji privati, parastatali, eċċ. f’Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni/VAT — Ħlas ta' pagamenti minn kumpanniji privati

Question

Fil-preżent, jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ kumpanniji privati, eċċ. li qed jiġu mħarka mid-dipartiment tat-taxxi interni u tal-VAT sabiex iħallsu l-pagamenti li ħallew jakkumulaw tul is-snin? Kemm hi ċ-ċifra ta’ flus in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ha proċeduri legali kontra 2554 kumpanija permezz ta’ ittri uffiċċjali u mandati ta’ sekwestru. L-ammont involut hu ta’ Lm23,753,194. Fir-rigward tal-VAT, sal-31 ta’ Mejju 2003, kienu ittieħdu proċeduri kriminali bil-Pulizija kontra 42 operaturi tan-negozju għal misapproprazzjoni tal-VAT. L-ammont involuti huma Lm168,507 taħt il-VAT 1994 u Lm407,015 għal VAT 1999. Qed jittieħdu proċeduri ċivili wkoll fi 382 każi oħra għal ammonti dovuti lid-Dipartiment kif jidher hawn taħt: VAT 94 - Lm1,927,070 CET 97 - Lm1,027,164 VAT 99 - Lm2,814,909 Barra minn hekk, id-Dipartiment joħroġ regolarment statements lit-taxpayers li jkollhom igħaddu l-VAT lid-Dipartiment. Meta dawn, minkejja l-avviżi li jingħataw, jibqgħu ma jħallsux, id-Dipartiment jibda proċeduri ċivili u kriminali kontra tagħhom.

Dipartiment tat-Taxxi Interni/VAT — Refunds

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tax payers li rċevew ir-refunds ta’ l-income tax u tal-VAT fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? X’kienet is-sitwazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, rispettivament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-Income Tax l-informazzjoni mitluba qed tidher fit-tabella mehmuza. Filwaqt li r-rifużjoni ta’ VAT mill-1999 sa 2003 kienet Jannar/April Sena Ammont Numru ta’ taxpayers 2000 Lm5,545,926.85 4,934 2001 Lm7,600,011.05 5,880 2002 Lm6,791,503.91 5,662 2003 Lm9,694,796.01 7,364 Billi s-sena 1999 kienet l-ewwel sena taħt il-VAT 1999, ir-refunds tal-VAT bdew isiru wara April 1999.

Air Malta — Ġarr ta' votanti Maltin

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ passiġġieri ta’ ċittadinanza Maltija li ġarret l-Air Malta sabiex jiġu jivvutaw għall-elezzjonijiet ġenerali 2003 u għar-referendum tat-8 ta’ Marzu, 2003?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

UE — Prodotti ta' l-ikel - sussidju

Question

B’riferenza għan-negozjati li saru bejn il-Gvern Nazzjonalista u l-UE dwar is-sussidji fuq il-prezzijiet interni u esterni ta’ l-ikel ta’ l-UE kif imħaddma taħt is-sistema tal-CAP, jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-prezzijiet interni u esterni ta’ l-ikel ta’ l-UE jew kalkoli li fuqhom ġew stabbiliti l-ammonti u sussidju kif imfissra fit-trattat li sar bejn il-Gvern Nazzjonalista u l-UE bħal fil-każ ta’ zokkor, fejn fl-ewwel xhur tas-sħubija l-prezz ta’ dan il-prodott se jkun issussidjat minn taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin bi 11-il miljun euro? Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-prezzijiet jew kalkoli tal-Gvern Nazzjonalista fis-snin ta’ qabel ġie finalizzat it-trattat, cioe` fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li l-Gvern nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea dawk li jissejħu “supply measures” fuq certi prodotti agrikoli mpurtati. Il-Gvern għamel dan għaliex dejjem kellu kuxjenza socjali u għaldaqstant ried jassigura li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ma ġġibx magħha impatt fuq żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti mpurtati, bħal dak li hu wkoll semma, jigifieri z-zokkor. Biex dan il-għan jintlaħaq, il-Gvern, anki fil-process tan-negozjati, kien assistit minn esperti barranin. Dawn kienu forniti b’kalkoli tal-prezzijiet, dawk dinjija u dawk ta’ l-Unjoni Ewropea. Kollox kien jorbot fuq l-andament previst tas-swieq tal-prodotti agrikoli li fuqhom Malta tablet “supply measures”. F’dan ir-rigward, fi zmien in-negozjati dinjija oħra fuq il-biedja fi ħdan WTO u wara l-esperjenzi tas-swieq wara l-konklużjoni tal-Uruguay Round fl-1994, ġie deciż li l-aħjar mekkaniżmu għandu jkun wieħed digressiv fuq il-modalita’ nnegozjata. Id-dettalji huma hekk: Is-sussidju jibda fl-ewwel sena tas-sħubija, 2004, u jintemm fl-2010. Din l-għajnuna tkun digressiva billi s-sussidju jkun ta’ 100% fl-ewwel sena, 95% it-tieni sena, 90% fit-tielet sena u jonqos bi 18% kull sena bejn ir-raba’ u s-seba’ sena. Dan il-mekkaniżmu hu l-aħjar wieħed li Gvern b’kuxjenza socjali, seta’ jasal għalih.

Employers — Bolla ta' l-NI

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ kumpanniji li ma ħallsux il-bolla tal-NI tal-ħaddiema tagħhom din is-sena? Kemm hi ċ-ċifra ta’ flus globali pendenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li madwar 2800 kumpannija, li għadhom irreġistrati mad-Dipartiment iżda li mhux neċessarjament għadhom jimpjegaw ħaddiema, għadhom ma ħallsux il-bolla tal-N.I. għal din is-sena. Peress li dawn il-kumpanniji għadhom ma bagħtux id-dokumenti neċessarji l-ammont attwalment dovut għadu ma jistax ikun stabbilit.

Fabbriki

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ fabbriki li għalqu matul din is-sena? Kemm għalqu fabbriki fis-senin 2000, 2001 u 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2003 għalqu zewg (2) fabbriki li fil-fatt, l-operazzjonijiet tagħhom ġew amalgamati ma' dawk ta’ kumpannija ohra. Fis-sena 2000 għalqu disgħa (9) fabbriki, matul is-sena 2001 għalqu hdax (11) filwaqt li matul l-2002 għalqu tlettax (13) il-fabbrika. Fl-istess perjodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2002 fetħu 57 fabbrika ġdida.

Fabbriki — Impjiegi ġodda

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda li mistennija jiġġeneraw il-fabbriki eżistenti f’Malta u Għawdex separatament sa l-aħħar ta’ din is-sena u x’ħiliet jirrikjedu dawn l-impjiegi?

Response (DALLI, JOHN)

Skond tbassir ta' kumpaniji eżistenti f'Malta u f'Għawdex, dawn għandhom jiġġeneraw 5152 impjieg. Pero l-Onorevoli Interpellant jifhem li fiż-żmien ta' taqlib ekonomiku li għaddejjin minnu, t-tbassir ma jirrejaliżżax ruħu kif maħsub.

Fabbriki/garaxxijiet industrijali

Question

Fil-preżent, jista’ il-Ministru jgħid kemm hi l-kera ta’ kull metru kubu ta’ fabbriki u garaxxijiet industrijali f’Malta u Għawdex separatament? Kemm fil-fatt kienet l-istess kera matul l-aħħar ħames snin, sena b’sena separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li taħt l-Att Dwar Żvilupp Industrijali il-kera ta’ fabbriki kienet regolata mill-Liġi nnifisha u allura l-fabbriki kienu jinkrew għal perjodu ta’ 16 il-sena bir-rata ta’ Lm1.75 il-metru kwadru fis-sena għall-ewwel 3 snin u mbagħad bir-rata ta’ Lm4.00 il-metru kwadru fis-sena għat-13 il-sena sussegwenti. Ma kienet issir l-ebda distinzjoni bejn fabbriki f’Malta u fabbriki f’Ghawdex. Bl-emendi fl-Att Dwar Żvilupp Industrijali u l-pubblikazzjoni tal-Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju u ir-Regolamenti relattivi matul l-2001, il-kera applikabbli għal kirjiet ġodda tal-fabbriki bdiet tiġi stabbilita mill-Korporazzjoni Maltija Għall-Iżvilupp. Din il-kera tieħu in konsiderazzjoni it-tip ta’ struttura, l-eta`, il-kundizzjoni, il-lokazzjoni tal-fabbrika u n-natura ta’ l-investiment.

Prodotti tal-biedja lokali — Regoli ġodda

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konferma uffiċjali li l-Gvern ta’ Malta għandu mill-GRTU u mill-Kamra tal-Kummerċ u mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, li dawn l-entitajiet huma favur ir-regoli ġodda tas-salvagwardji ta’ prodotti tal-biedja lokali li ġew dikjarati mal-bdiewa, mar-raħħala u ma’ l-agro industrija matul l-elezzjoni ġenerali li għaddiet? Kif fil-fatt se taħdem din is-sistema tas-salvagwardji tal-biedja lokali? Huwa l-każ li l-UE trid tapprova r-rakkmandazzjonijiet in kwestjoni li jsiru mill-awtoritajiet lokali kemm-il darba jinqala’ l-bżonn li jiġu applikati dawn is-salvagwardji msemmija?

Response (DALLI, JOHN)

Peress li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi primarjament għas-settur tal-biedja, nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.