Legislature:
Category:
Reset
Active:

Medigrain — Provvista ta' materja prima

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se jkunu assigurati mill-provvista tal-materja prima u l-prezzijiet stabbli n-nies li s-soltu kienu jixtru dawn is-sorsi mill-kumpannija Medigrain, issa li din se tagħlaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Medigrain

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-għeluq tal-kumpannija Medigrain, jista' il-Ministru jgħid liema kumpannija lokali issa mistennija tagħmel ix-xogħol li tul dawn l-aħħar snin, is-soltu kienet tagħmel il-kumpannija Medigrain?

Response (GATT, AUSTIN)

Kull kumpanija, lokali u mhix, tista' tagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel il-Medigrain.

Pitkalija Ċentrali — Grading tal-ħaxix frisk

Question

B'riferenza għall-proċess tal-grading tal-ħaxix frisk li jrid isir fuq il-ħaxix li jiddaħħal il-Pitkalija Ċentrali, jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' bdiewa full time u part-time li s'issa laħqu dan il-livell?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħal fl-imgħoddi l-grading tal-ħaxix frisk għadu qed isir mill-bdiewa individwalment. Il-grading station għadu ma nbeniex u għalhekk ma jistax jiġi deċiż kemm bdiewa qegħdin jilħqu l-livell ta’ grading mixtieq.

Grading tal-ħaxix frisk — Esperti

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-esperti lokali jew barranin li qed imexxu l-proċess tal-grading tal-ħaxix frisk li qed jiddaħħal fil-Pitkalija Ċentrali? X'salarji u benefiċċji għandhom u kemm għamlu laqgħat u spezzjonijiet lill-bdiewa dwar il-proċess tal-grading minn April 'il hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-EURATA – European Union Rural & Agricultural Association ġew ikkummissjonati taħt il-‘Framework Contract’ tal-Unjoni Ewropeja ħalli jagħmlu ‘Feasibility Study on the construction of a fruit and vegetable grading station and cold storage facility in Malta’. Dan l-istudju sar minn Dr. German Cano Munoz. Hu ħadem f’ Malta u ltaqa mas-setturi kollha inklużi rappreżentanti tal-bdiewa. Il-Gvern Malti ma ħallas xejn għal dan l-istudju.

WTO — Laqħat f'Cancun li attenda ħalihom il-Gvern Malti

Question

B'riferenza għal-laqgħat tad-WTO li l-Gvern Malti attenda f'Cancun u l-eventwalita' li pajjiżna se jissieħeb fl-Unjoni Ewropea wara Mejju li ġej, jista' il-Ministru jinformani kemm mill-kontrolli tas-87 kwota li l-Unjoni Ewropea għandha reġistrati mad-WTO irtirat għal wara Mejju tas-sena 2004?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onor Interpellant żgur konxju li t-taħdidiet Ministerjali f’Cancun ma tawx l-eżitu li ħafna kienu qed jistennew mill-istess laqgħat. Għaldaqstant wieħed irid jistenna biex jara x’ser tkun ir-risposta f’termini ta' offerti u konċessjonijiet mill-imsieħba membri tal-WTO, inkluż l-Unjoni Ewropeja, għal dan il-falliment fin-negozjati multilaterali ta' Cancun.

WTO — Laqgħat f'Cancun li attenda għalihom il-Gvern Malti

Question

B'riferenza għal-laqgħat tal-WTO li l-Gvern Malti attenda f'Cancun, jista' il-Ministru jagħtini breakdown tat-tnaqqis tal-kontrolli tal-kwoti, dazji u tariffi li seħħew matul dawn il-laqgħat sabiex jibbilanċjaw aħjar il-Kummerċ Dinji ta' l-Ikel u fil-każ ta' pajjiżna l-importazzjoni ta' l-ikel li se tolqot ħażin wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1721.

WTO — Laqgħat f'Cancun li attenda għalihom il-Gvern Malti

Question

B'riferenza għal-laqgħat tal-WTO li l-Gvern Malti attenda f'Cancun u l-eventwalita' li pajjiżna se jissieħeb fl-Unjoni Ewropea wara Mejju li ġej, jista' il-Ministru jinformani kemm mill-kontrolli tal-539 special safeguards li l-Unjoni Ewropea għandha reġistrati mad-WTO irtirat għal wara Mejju tas-sena 2004?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1721.

WTO — Laqgħat f'Cancun li attenda għalihom il-Gvern Malti

Question

B'riferenza għal-laqgħat tad-WTO li l-Gvern Malti attenda f'Cancun u l-eventwalita' li pajjiżna se jissieħeb fl-Unjoni Ewropea wara Mejju li ġej, jista' il-Ministru jinformani kemm fil-fatt l-Unjoni Ewropea ddikjarat li se tnaqqas it-tariffa u d-dazju li timponi fuq zokkor, qmuħ u ċereali mportati mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea wara Mejju ta' l-2004?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1721.
Leg 10 PQ #1713 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' skejjel f'Malta u Għawdex separatament li rrapportaw ħsarat lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kawża tal-maltemp li ħakem lill-pajjiżna matul dan ix-xahar? X'passi ttieħdu u x-xogħlijiet pendenti baqa' isiru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' skejjel li rraportaw ħsarat kienu wieħed u għoxrin f'Malta. Ma kien hemm l-ebda rapporti minn skejjel Għawdxin. Saret ħidma kontinwa sabiex tnaddfu l-postijiet mill-ħamrija u l-materjal li nġarr mall-kurrenti, inbnew iċ-ċnut u chain link fencing li waqgħu, makkinarju li kien mgħarraq fl-ilma kien overhauled, sar ittestjar tas-sistemi elettriċi u twaħħlu salvaviti f'xi postijiet. Intremiet xi għamara li spiċċat kompletament. Bħalissa għadu għaddej eżerċizzju ta' tqegħid ta' membrane f'diversi skejjel.

Organizzazzjonijiet sportivi — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' organizzazzjonijiet sportivi, soċjali, kulturali, eċċ. li talbu xi forma ta' għajnuna sabiex jirranġaw il-ħsarat li kkawżalhom il-maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna f'dan ix-xahar? X'passi ttieħdu u kemm-il talba ġiet approvata u kemm għadhom pendenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li jirriżultali li żewġ entitajiet għamlu talbiet formali għall-għajnuna għall-ħsarat. Dawn huma l- Malta Basketball Association u l- Malta Racing Club. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati, flimkien mar-rapport ta’ ħsarat li ġarrbu l-faċilitajiet immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport, partikolarment fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Sallum għadu għaddej it-tindif u nisperaw li ċerti xogħlijiet ta’ tiswija jaqbdu ritmu aktar mgħaġġel fil-jiem li ġejjin.

Petrol/diesel — Taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-petrol u d-diesel minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena, separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-petrol u d-diesel minn Jannar sa Settembru 2003 huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt:- Xahar 2003 Lm Jannar 503,248 Frar 595,161 Marzu 558,712 April 528,646 Mejju 555,688 Ġunju 632,738 Lulju 628,242 Awwissu 627,003 Settembru 737,824

Akkomodazzjoni soċjali — Ħsarat kawżati mill-maltemp fl-istrutturi tal-bini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li riċeva d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali dwar ħsarat kawżati fl-istrutturi tal-bini ta' ċittadini Maltin residenti f'Malta u Għawdex separatament kawża ta' l-aħħar maltemp li ħakem lill-gżejjer tagħna matul Settembru ta' din is-sena? X'passi ttieħdu u x'inhi s-sitwazzjoni llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm tmien persuni li marru d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirrappurtaw ħsarat konnessi mal-maltemp tal-15 ta’ Settembru 2003. Tnejn minnhom diġa’ kellhom applikazzjoni mad-Dipartiment u l-ilma li daħlilhom ma kkawżax ħsarat strutturali. F’żewġ każijiet oħra infetħu applikazzjonijiet ġodda u f’każ minn dawn it-tnejn il-ħsara kienet ta’ periklu serju u l-familja nvoluta ngħatat akkomodazzjoni alternattiva. Fl-erba każijiet l-oħra, minkejja li marru d-Dipartiment, il-persuni konċernati ma applikawx u ma reġgħux avviċinaw lid-Dipartiment.

MIA — Titjiriet li kellhom jittardjaw kawża tal-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' titjiriet bl-ajru li telqu tard kawża tal-maltemp li ħakem lill-gżejjer matul ix-xahar ta' Settembru ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li tħallew jistennew u għal liema destinazzjoni kienu sejrin u x'linja ta' l-ajru kellhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nifhem li l-Onorevoli Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jifhem li l-Malta International Airport li hi responsabbli għall-operat ta' l-ajruport, ma hiex dipartiment tal-Gvern iżda kumpanija kkwotata fuq li-iStock Exchange. Konsegwentement, it-tip ta' informazzjoni li qed tintalab hi min-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa minn dan il-Parlament.

Pitkalija Ċentrali — Prodotti tal-ħaxix frisk - proċess ta' grading

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-grading tal-prodotti tal-ħaxix frisk li jiddaħħal fil-Pitkalija Ċentrali? Meta hu maħsub li jintlaħaq dan il-proċess sabiex pajjiżna jkun konformi mar-regoli l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li jibdew japplikaw fl-1 ta' Mejju tas-sena d-dieħla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq il-grading fil-Pitkalija ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja u magħmul minn Konsulent Spanjol qiegħed jiġi diskuss u studjat sewwa. Qegħdin isiru laqgħat mal-partijiet interessati ħalli jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex il-pjan jiġi implimentat mill-fondi tal-Protocol Taljan mill-aktar fis possibbli.
Leg 10 PQ #1707 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Kunsilli lokali — Talbiet dwar ħsarat kawżati mill-maltemp fi djar privati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li l-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex separatamet ressqu lill-awtoritajiet tal-gvern dwar ħsarat kawżati fid-djar privati tal-familji kawża ta' l-aħħar maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna? Liema kienu dawn il-kunsillii f'Malta u liema kienu f'Għawdex? X'passi qed jittieħdu mill-gvern dwar il-każijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ma kellu l-ebda talba dwar dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija.

Mosta — Triq il-Pont - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed jikkawża l-fawran ta' drenaġġ fi Triq il-Pont, il-Mosta? Għaliex dan id-drenaġġ ilu ħiereġ aktar minn erbgħa ġimgħat, tant li qed jinżel fil-wied li hemm fil-qrib u jitħallat ma' l-ilma ġieri? Jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa u jsiru t-tiswijiet immedjatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi ġodda/second hand — Importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda u second hand li ġew importati minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena? Minn liema pajjiżi u x'kapaċita' kellhom? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba. Fil-każ ta' Settembru 2003 din għadha qed tiġi pproċessata.

Korporazzjoni Enemalta — Ħażna ta' żejt/diesel/petrol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna taż-żejt, diesel u petrol li għandu l-pajjiż fil-preżent? Għal kemm żmien isservi din il-ħażna?

Response (GATT, AUSTIN)

Id-domanda ta' l-Onor. Membru hija ta' natura kummerċjali u għalhekk mhux xieraq li jingħataw dettalji. Nassigura lill-Onor. Membru li l-ħażna hija sodisfaċċenti u l-Korporazzjoni Enemalta tirċievi ammonti ta' kull prodott kull xahar skond il-ħtieġa.

Ħażna ta' qmuħ/ċereali/dqiq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna tal-qmuħ, ċereali u dqiq li għandu l-pajjiż fil-preżent? Għal kemm żmien isservi din il-ħażna?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-prezent il-pajjiż għandu maħżun dawn il-qmuh u ċereali: Maize 15,400 mt (Biex iservi sa Jannar 2004) Barley 20,800 mt (Biex iservi sa April 2004) Hard Wheat 20,200 mt (Biex iservi sa Ġunju 2004) Soft Wheat 5,700 mt (Biex iservi sa Jannar 2004) Il-Medgirain ma tipproduċix u ma taħżinx dqiq.

Laħam taċ-ċanga tal-friża

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna tal-laħam taċ-ċanga tal-friża li għandu l-pajjiż fil-preżent? Għal kemm żmien isservi din il-ħażna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.