Jista’ l-Ministru jinfurmani x'ġara mit-talba tal-Kunsill tal-Mellieħa sabiex jiġi żviluppat industrial estate fil-Mellieħa? X'qed iżomm milli tiġi approvata din it-talba? Peress li dan huwa bżonn kbir għan-nies tax-xogħol partikolarment għaż-żgħażagħ, jista’ l-Ministru jara li jiġu approvati l-proċeduri immedjatament u dan fid-dawl tal-fatt li hawn nuqqas ta' mpjiegi fil-pajjiż ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-proposta biex f’pajjiżna jkollna aktar żoni fejn ikunu jistgħu jaħdmu negozji zgħar u self-employed, qed jaħdem is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Il-proċeduri qegħdin jiġu diskussi u nittama li f’qasir żmien il-Gvern ikun qed iħabbar kif ser taħdem din l-iskema.
Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fil-Berġa tal-Mellieħa ħalli din tinfetaħ mill-ġdid ? Jista’ l-Ministru jara li x-xogħlijiet isiru immedjatament minħabba li fil-Mellieħa lanqas hemm ċentru tas-saħħa u qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti speċjalment l-anzjani li qed ikollhom jidhlu l-Mosta biex jieħdu l-mediċini ? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li mill-11 ta' Diċembru 2003 kienu saru arranġamenti sabiex il-berġa tiffunzjona miċ-Ċentru Parrokjali tal-Mellieħa, u dan minħabba li l-berġa ġiet ikkundannata mill-perit responsabbli. Il-Kunsill Lokali appunta perit biex jara jekk hux possibli li l-berġa preżenti tiġi rranġata. Fil-futur se jsir ftehim mad-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani biex il-berġa tiġi nkorporata mad-Dar ta' l-Anzjani li hemm ippjanata li tinbena.
Kemm kien in-numru ta' studenti li attendew il-programm tal-hands-on farming is-sena l-oħra? Kemm minnhom kienu ġejjin minn skejjel privati u kemm private, u kemm mil-livell primarju u kemm sekondarju?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti kien ta’ 1,808 minn skejjel primarji u 555 minn skejjel sekondarji matul l-2003.
Ma tinżammx statistika li tiddifferenzja bejn jekk t-tfal li jipparteċipaw f’ dawn iż-żjarat ikunux ġejjin minn skejjel pubbliċi jew private (inkluż tal-Knisja)
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jagħtini breakdown ta' kif gew iffrankati l-miljuni lit-taxpayer mis-servizzi soċjali li kienu jitħallsu b'mod falz skond kif iddikjara l-Viċi Prim Ministru u cioe kemm kienet iċ-ċifra eżatta? Fuq kemm perjodu ta' snin gew frankati dawn il-miljuni? Mil-liema kategoriji ta' benefiċċji soċjali? Kemm kien in-numru ta' familji u persuni involuti f'kull każ separatament ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-figura ta’ ‘l fuq minn Lm20 miljun li jien semmejt li ġew iffrankati matul dawn l-aħħar ħames snin bil-miżuri li ttieħdu biex irażżnu l-abbużi fit-teħid tal-benefiċċji soċjali hi stima fuq l-ammonti tad-diversi benefiċċji li kienu qed jitħallsu u nżammu għax instab li kienu qed jitħallsu b’abbuż.
Mhux possibbli li nagħti ċifra eżatta tan-numru ta’ familji u persuni involuti f’kull każ separatament, ħlief għal dak li diġa’għidt pubblikament u ċioe’ li d-dikjarazzjioni tad-dħul nstabet li ma kenetx korretta fi kważi wieħed minn kull erba li kienu applikaw għal benefiċċju li ġew investigati.
Iċ-ċifra imsemmija tinkludi ammonti li ġew rifużi s’sissa minn min instab li tħallas benefiċċju mingħajr ma kien intitolat għalih jew li tħallas benefiċċju aktar milli suppost.
Għaliex fl-1 ta' Mejju l-Gvern se jdaħħal salvagwardji ġodda tal-biedja fuq prodotti li storikament dejjem importajna għaliex ma nipproduċuhomx lokalment, imbagħad mhux se japplika forom ta' salvagwardji fuq il-prodotti li nipproduċu lokalment fis-settur tal-biedja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għal darb’ oħra nixtieq infiehem lill-Onor. Interpellant li fit-Trattat ta' Sħubija hemm żewġ livelli ta' protezzjoni għall-biedja lokali:
(i) is-sussidji abażi tad-differenza fil-prezz bejn dawk tal-Unjoni Ewropeja u dawk ta' Malta u li jammontaw għal Lm77 miljun fuq firxa ta' snin u
(ii) f’ każijiet fejn l-għixien huwa mhedded serjament, miżuri protettivi skond il-klawżola ta' salvagawardja.
Bdiewa/raħħala/sajjieda — Self mill-iskemi tal-APS Bank
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li għandhom self mill-iskemi tal-APS Bank fil-preżent?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus involuta? Kemm minnhom huma żgħażagħ u kemm minnhom ħadu s-self wara Mejju tas-sena l-oħra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni dwar self sussidjat li jeżisti ma banek oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma jidhirlix li din l-informazzjoni għandha tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjali
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Baħrija l/o Rabat m'għandhomx sistema ta' drenaġġ kompluta sew? Jista' jara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet li ilhom jiġu mwiegħda s-snin lil din il-komunita'? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 15452 u 21025, il-gvern tenna li ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Baħrija ma kienx ser jibda qabel is-sena 2005.
Din il-pożizzjoni kienet u għada tieħu inkonsiderazzjoni proġetti oħra relatati mas-sistema tad-drenaġġ li huma meqjusa ta' prijorita' akbar u għaldaqstant se jsiru qabel. Dan fid-dawl tal-fatt li x-xogħol li jrid isir fil-Baħrija huwa wieħed estensiv u ser jaqdi popolazzjoni relattivament żgħira.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-tarmac fil-pjazza tal-Baħrija ma tkompliex kif tkompla ( u tajjeb li sar hekk) fil-parti ġdida tan-naħa tal-knisja l-ġdida?
Jista' jara li jitkompla jingħata t-tarmac min-naħa tal-pjazza 'il hemm u cioe' fit-toroq: Ġnien tan-Nigra, Triq il-Fiera u in-Namura u oħrajn li ma saurx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ġiet ippublikata sejħa għal offerti sabiex issir Triq is-Sajf ta' ta' San martin, filwaqt li toroq oħra fil-lokalita' ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Fl-istess ħin tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li l-pjazza msemmija hi waħda li taqa taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq il-Qalbiena Mostin kulma taw minnha passata waħda tarmac qabel l-elezzjoni u ma komplewiex, tant li jidher ċar li mhux se jkompluha għax għamlu zebra crossing u waħlu s-signs?
Għaliex fit-toroq li jagħtu għal din it-triq għamlulhom signs one way meta bil-kemm tista' tgħaddi minn dawn it-toroq għaliex kollha mfarrkin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf sew li ż-żmien meta t-toroq isiru qabel xi elezzjoni spiċċa, (nispera darba għal dejjem) u għalhekk l-ewwel parti tad-domanda hi barra minn lokha, minbarra wkoll il-fatt li tasal għall-konklużjonijiet mhux veru.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, l-Awtorita' dwar it-Trasport ħasset illi kien hemm aktar periklu għal min juża dawn it-toroq kieku t-traffiku tħalla jidħol u joħroġ minn kull triq u għalhekk twaħħlu tabelli meħtieġa biex it-traffiku ikun ikkontrollat. Ninsab infurmat illi fil-każ ta' Triq Monsinjur Mikelanġ Mifsud diġa ħarġet sejħa għall-offerti biex din it-triq tkun tista tiġi asfaltata.
Jista’ l-Ministru jinfurmani fejn waslet it-talba tad-dilettanti Mellieħin sabiex tiġi żviluppata r-range tal-plattini f'dan il-lokal ? X'qed iżomm din it-talba u għaliex għadha ma ġietx approvata meta ilha daqstant pendenti ?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċedura li għandha tiġi segwita hi din:
Issir talba lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, wara clearance mill-Kunsill Malti ta` l-Isport. Jekk jinħareġ permess mill-MEPA u l-art tkun tal-Gvern, tkun tista` tiġi allokata il-proprjeta`. Japprezza għalhekk l-Onorevoli Membru, li d-Dipartiment li jaqa` taħti jidħol biss fil-fażi finali.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinfurmani għaliex ma nbnietx skond il-pjan tal-gvern id-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Meta fil-fatt se jinbdew ix-xogħlijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jgħid li d-Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa ma nbnietx skond il-pjan tal-Gvern għax ix-xogħol għadu ma nbediex, ninfurmah li l-Gvern qed jimxi bil-għaqal biex jassigura li jiġi adottat l-aħjar mezz ta’ finanzjament mal-MEPA dwar studji li jeħtieġ isiru dwar il-proġett u l-ambjent ta’ madwaru.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Sussidji għall-kera
Question
Jista' il-Ministru jara l-possibilita' li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintabgħtu separatament tingħata xi forma ta' sussidju għal-kera sakemm l-Awtoritajiet kkonċernati jsibu akkomodazzjoni alternattiva peress li mid-dħul li għandha, il-kera tammonta għall-persentaġġ konsiderevoli? Dettalji oħra konnessi ma l-ispejjeż li jkollha tiffaċja din il-familja huma wkoll annessi separatament ma din il-mistoqsija.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata tikkonsulta mal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-korp tal-pulizija matul is-sena 2003 fuq vetturi, karozzi, ksur tal-liġi, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku li jitħallsu barra mill-Qorti. Matul is-sena l-oħra dan kien jammonta għal Lm24,812.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet/multi li nħarġu mill-wardens matul is-sena 2003 fuq vetturi, karozzi, ksur tal-liġi, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul globali ta` flus li l-Kunsilli Lokali daħlu miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Gwardjani Lokali mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Diċembru 2003 kien ta` Lm1,156,565.00.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bypass ta' San Pawl il-Baħar tħalliet daqstant abbandunata? Kemm ilha li ġġarfet din il-bypass u għaliex ix-xogħlijiet ma sarux meta minn dakinhar 'il hawn il-ħsara kompliet tikber daqstant? Kemm hi l-ispiża meħtieġa sabiex jitranġaw il-ħsarat ta' fejn sfrundat it-triq u ssir il-manutenzjoni tal-bypass?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħsara li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tikkonsisti f'ċediment f'art privata li tmiss ma' din il-bypass u li minħabba f'hekk parti mill-ġenb tal-bypass ingħalqet bħala prekawzjoni biex ma jkunx hemm periklu għal min ikun għaddej f'din it-triq.
Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet ma' sidien u diversi entitajiet biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta, ninsab infurmat li din il-bypass ser terġa tinbena mill-ġdid minn finanzjament li qed jiġi provdut mill-Cohesion Fund ta' l-Unjoni Ewropeja. Fil-preżent għadu kif ingħata kuntratt sabiex isiru il-Feasibility Studies u l-Environmental Impact Assessments li huma meħtiġa mir-regoli ta' l-unjoni Ewropeja biex ikun jista jsir dan il-proġett.
Jista' id-dipartiment ta' l-agrikoltura jinformani bil-pożizzjoni dwar il-power farm li qed jiġi propost li jiġi żviluppat fuq l-uċuħ tar-raba u xgħari tal-bdiewa fil-Mellieħa?
Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa Mellieħin li jkabbru n-naħal, in-nagħaġ u l-mogħoż fil-preżent?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant rigward il-pożizzjoni tal-power farm li sakemm l-iżvilupp ma jsirx fuq art agrikola, d-Dipartiment tal-Agrikoltura ma jsib l-ebda oġġezzjoni fuq il-proġett. Fil-fatt, ġibed l-attenzjoni lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn deher li ser jintlaqat xi raba u ressaq l-ilmenti u l-proposti tiegħu.
Hemm 17 il-bdiewa Mellieħin li jkabbru n-naħal reġistrati ma dan id-dipartiment .
In-numru ta’ bdiewa Mellieħin li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż fil-preżent huma wieħed u għoxrin.
Fil-preżent, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa, raħħala/produtturi u sajjieda żgħażagħ reġistrati f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom huma full time u kemm huma part-time?
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista nesiex il-problema ta' dawn iż-żgħażagħ peress li mhux talli ma varax programm sabiex jinċentiva direttament dawn il-problemi, iżda minflok żiedilhom l-ispejjeż bħal meta neħħa nofs is-sussidju tal-bolla tal-NI, għolla ċ-ċnus u l-qbila tar-raba u poġġilhom f'kompetizzjoni d-dritt biex iżommu r-raba li jaħdmu fil-preżent fost żvantaġġi oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru risponsabbli mill-Uffiċċju tal-Istatistika.
Il-Gvern qiegħed jagħti importanza lill-bdiewa żgħażagħ b’diversi modi:
Fil-każ ta’ bdiewa ta’ inqas minn 40 sena dawn jikkwalifikaw għal iktar punti fl-għażla tal-applikazzjonijiet għall għajnuna taħt l-iżvilupp rurali.
L-MCAST bdiet korsijiet ta’ agribusiness intenzjonati għal-żgħażagħ u wlied il-bdiewa.
L-Istitut tal-Agrikoltura fl-Universita‘ ta’ Malta wkoll jagħmel korsijiet fil-livell ta’ Diploma li ħafna mill-istudenti huma wlied il-bdiewa u li bosta minnhom jew impjegati mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Fuq kollox l-għajnuniet finanzjarji kollha forma ta’ sussidji qegħdin jingħataw mingħajr distinzjoni ta’ eta imma żgur li jinkoraġġixxi lill-bdiewa żgħażagħ li huma għandhom futur fl-agrikoltura Maltija fl-Unjoni Ewropeja.
Minn-naħa l-oħra, s-sidien tal-bastimenti tas-sajd żgħażagħ (jiġifieri taħt il-35 sena) huma:
Malta Għawdex
F 77 16
MF & PTF 174 21
minn total ta' 2252. Ma dawn jista' jkun hemm aktar 'co-owners' żgħażagħ minħabba l-fatt li hemm l-użanza li bastimenti tal-familji jibqgħu jidhru f' isem il-missier, bastimenti bejn l-aħwa jidhru f' isem it-tifel il-kbir u bastimenti bejn ‘co-owners’ jimmarkaw fuq wieħed minnhom biss.
Dawn iż-żgħażagħ kienu nklużi bil-bastimenti tagħhom fil-pjanijiet ta' għajnuna li waqqaf il-gvern għall-bastimenti tas-sajd u ser jibqgħu inklużi f' kull skema li għad tiġi imwaqqfa.
Kategorija
Malta
Għ
awdex
F
Twieldu qabel l-1969
228
93
Twieldu wara l-1969
77
16
Unknown
19
0
MF & PTF
Twieldu qabel l-1969
1331
225
Twieldu wara l-1969
174
21
Unknown
62
6
Kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-Gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Korp tal-pulizija u mill-wardens matul is-sena 2003 fuq ksur tar-regoli tat-traffiku, ksur tal-liġi, etc?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul globali ta` flus li l-Kunsill Lokali daħħlu miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Pulizijja u mill-Gwardjani Lokali mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Diċembru 2003 kien ta` Lm1,603,782.00.
Dan l-ammont hu in konnessjoni mal-kontravenzjonijiet li ġew delegati lill-Kunsilli Lokali.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku li jitħallsu barra mill-Qorti. Matul is-sena l-oħra dan kien jammonta għal Lm24,812.00.
Kemm kien in-numru ta' każijiet tat-traffiku rapurtati lill-pulizija matul l-2003 u kemm kineu l-każijiet rappurtati taħt is-sistema bumper to bumper? Huwa possibli li l-Ministru jinfurmani bin-numru tal-każijiet skond il-bliet u l-irħula ta' Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija matul is-sena l-oħra kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-inċidenti front to rear, kif naħseb li jaf l-Onorevoli Interpellant, dawn ma baqgħux jiġu irrapurtati lill-Pulizija. Għaldaqstant il-Pulizija m`għandiex dan it-tagħrif.