Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sajjieda — Bolla ta' l-NI

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet fil-ġimgħa ż-żieda fil-bolla ta' l-NI li minn wara l-ewwel ta' Mejju bdew iħallsu s-sajjieda minħabba li l-Gvern Nazzjonalista neħħa s-sussidju ta' nofs il-ħlas ta' din il-bolla ta' l-NI?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa — Bolla ta' l-NI

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet fil-ġimgħa ż-żieda fil-bolla ta' l-NI li minn wara l-ewwel ta' Mejju bdew iħallsu l-bdiewa minħabba li l-Gvern Nazzjonalista neħħa s-sussidju ta' nofs il-ħlas ta' din il-bolla ta' l-NI?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sajjieda — Diesel Duty Free

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhux is-sajjieda kollha Maltin u Għawdxin reġistrati mal-koperattivi huma ntitolati għad-diesel duty free, meta dawn idaħħlu l-qabda tagħhom fil-pixkerija lokali għal ħteġijiet tal-poplu u ta' l-industrija tat-turiżmu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd kien għamel referenza għal dan il-punt bħala tweġiba tiegħu matul id-diskors tal-Budget. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal dan.

Siġar tal-Frott Morda

Question

Jista' il-Ministru jinformana f'liema ġranet ħarġu s-siġar tal-frott morda miċ-ċentru fejn suppost trabbew ħielsa mill-mard u ttieħdu fl-Għammieri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma ħarġu l-ebda siġar tal-frott morda miċ-ċentru u ttieħdu l-Għammieri. Ma nistax nifhem għala l-Onor. Interpellant qed jipprova jallarma meta ngħatat tweġiba fuq dan fid-diskors ta’ l-Estimi tal-Budget.

Siġar tal-Frott Morda

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir investigazzjoni immedjata kif siġar tal-frott ħarġu morda miċ-ċentru fejn suppost jitkabbru ħielsa mill-mard?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma nara ebda ħtieġa li ssir investigazzjoni għax ma ħarġu l-ebda siġar tal-frott morda miċ-Ċentru tal-Plant Biotechnology.

Koperattiva tal-Bdiewa — Tnaqqis mil-Leave

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-ħaddiema tal-koperattiva tal-bdiewa l-FCCS naqqsu 28 ġurnata leave lill-ħaddiema tagħhom minħabba l-kriżi li jinsabu fiha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija purament informazzjoni ta' negozju ta' terzi.

Prezz tal-Patata Lokali

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-patata lokali naqas fil-livell ta' 62.96% u/jew 83.25 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħaxix Frisk Lokali

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-ħaxix frisk lokali naqas fil-livell ta' 14.36% u/jew 12.26 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 8653 u 9112, jista' il-Ministru jinformana kemm hi l-parti li tħallset mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Hu kkalkulat li bejn wieħed u ieħor għandu jiġi refunded madwar 36% ta’ l-ispiża. L-ammont li l-Unjoni Ewropea tat minn Jannar sa Settembru, f'refunds, huwa ta' Lm 10,203. Pagamenti oħra huma mistennija li jingħataw sa l-aħħar tas-sena.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Overtime

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown ta' l-arretrati fi ħlasijiet ta' overtime fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu, maqsuma skond kull dipartiment? Kemm hija ċ-ċifra fi flus ta' overtime li għandhom jitħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qed issir verifika sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ overtime li għandu jitħallas bħala arretrati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru.

Tilwimiet Industrijali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati matul din is-sena? Jista' jinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li din is-sena in-numru ta’ tilwimiet industrijali reġistrati ma’ dan l-uffiċċju kien tnejn. L-istess numru ta’ tilwimiet ġew reġistrati ma’ dan l-Uffiċċju matul is-sena 2003. Dawn it-tilwimiet kienu dwar kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku. Rigward in-numru ta’ tilwimiet industrijali reġistrati ma’ Ministeri oħra u dawk reġistrati fis-settur privat nitlob lill-Onorevoli interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.

Ġustizzja u Intern — Ġarr ta' Għamara

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312, jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda u jekk iva, kemm ġew jiswew?

Response (BORG, TONIO)

Qed nipprovdi t-tagħrif mitlub dwar it-trasferiment tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern minn Casa Leone f'Sta. Venera għal Auberge d'Aragon u House of Catalunya fil-Belt Valletta:- Spejjeż tal-Ġarr Lm2,360 Għamara Ġdida Lm3,625 Alterazzjonijiet/xogħlijiet oħra Lm2,854 (Auberge d'Aragon) Lm540 (House of Catalunya)

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ġarr ta' Għamara

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312, jista' il-Ministru jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda u jekk iva, kemm ġew jiswew?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Biċċerija — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' konsulenti li hemm fil-biċċerija fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-preżent, fil-biċċerija hemm konsulenta/advisor waħda, li hija fuq animal welfare.

Biċċerija — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti fil-biċċerija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kien il-ħlas tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm konsulenta waħda mat-Taqsima ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja. Din il-konsulenta ġiet ngaġġata minn Awissu 2002 u għadha tagħti s-servizz tagħha sal-llum. Għal dan il-perjodu hija tħallset is-somma ta’ Lm11,753.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali tal-konsulenti li hemm mal-ministeru matul din is-sena? X'oqsma ta' konsulenza qed jagħtu? Kemm tħallsu sa issa kull konsulent u kemm baqgħalhom jitħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm ħames-il konsulent mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent Dawn jagħtu konsulenzi fl-oqsma li ġejjin: Sajd/Akwakultura 1 Servizzi Veterinarji 1 Apikultura 1 Mikoloġija 1 Bioteknoloġija tal-Pjanti 1 Dawn il-konsulenti se jkunu tħallsu l-ammont ta’ Lm 43,940 bejn dak li ġa tħallsu u baqagħlhom jitħallsu.

Rabat — Ġrieden

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex żdiedu l-ġrieden ma' kullimkien fl-inħawi urbani u rurali tar-Rabat, Malta? Xi programm priventiv sar matul din is-sena biex ikun hemm kontroll fuq is-sitwazzjoni? Min kienu l-uffiċjali responsabbli minn dan il-programm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn informazzjoni dwar ilmenti miġbura regolarment mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma jirriżultax li din is-sena kien hemm xi żieda partikolari fl-infestazzjoni ta' ġrieden fir-Rabat meta mqabbla mas-sena ta' qabel. Fil-fatt is-sena l-oħra kienu tressqu 31 ilment fuq ġrieden biex isir trattament bil-velenu kontra d-39 ilment ta' din is-sena. Dawn l-ilmenti saru kemm dirett mil-pubbliku jew tramite l-Kunsill Lokali tar-Rabat. Kull sena isir programm preventiv kontinwu madwar Malta. Din is-sena, preċiżament fix-xhur ta' Mejju u ta' Ġunju, sar tqegħid ta' velenu fir-Rabat (Malta). Dan jinkludi l-partijiet kollha urbani kif ukoll iż-żona tal-Buskett. Dan ix-xogħol kien immexxi minn supervisor taħt id-direzzjoni ta' l-uffiċjal inkarigat mis-sezzjoni tal-Pest Control li jaqa' taħt l-Environmental Health Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Ta' Qali — Grading Station

Question

Jista' il-Ministru jgħid min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-operat tal-grading station f'Ta' Qali? Kemm hu kkalkolat li se jiswa l-operat tal-grading station? Kemm minn dawn l-ispejjeż se jħallas il-gvern u kemm il-bdiewa u/jew il-koperattivi tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Grading Station se jkun operat mill-kumitat tat-tmexxija tal-Pitkalija li tiddeċiedi hi kif se tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-operat tal-makkinarju. Għada ma ġiex ikkalkolat kemm ser jiġi jiswa l-operat tal-grading cold storage u l-ippakkjar tal-prodotti.

Bdiewa — Organizzazzjonijiet tal-Produtturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li twaqqfu sa issa? Kemm huwa f'ċifra ta' flus l-investiment li qed jagħmlu? Kemm minnu ġie sussidjat u kemm minnu se jitħallas mill-bdiewa msieħba f'dawn l-organizzazzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s’issa twaqqfu erba’ għaqdiet tal-produtturi li minnhom waħda ppreżentat program ta’ l-operat biex tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna li tagħti l-Unjoni Ewropea għal dan il-għan. It-tlett għaqdiet l-oħra għażlu li jibbenefikaw mill-pre-accession funds li ġew allokati lill-Malta għal dan l-iskop