Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #9808 Sitting 224 2005-01-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Pagamenti

Question

Jista' il-Ministru issa jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 9325?

Response (FRENDO, MICHAEL)

M'għandi xejn xi nżid ma' l-informazzjoni li kont diġa' pprovdejt għall-Mostoqsija Numru 9325.

Insurances tal-Bdiewa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9647, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-insurances tal-bdiewa għolew bi 13.25% kif dikjarat mid-dipartiment ta' l-istatistika? Jista' jinforma lill-Kamra f'ċifra ta' flus kemm hija din it-13.25% żieda fuq l-insurances li qed iħallsu aktar il-bdiewa u raħħala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tibdil matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Peress li qatt ma sar stħarriġ fuq il-ħlas ta’ insurances mill-bdiewa u raħħala, ma jistgħux jingħataw raġunijiet għall-bidla li kien hemm. L-estimi ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika f’dan ir-rigward huma bbażati fuq il-medja li jħallas kulħadd fuq insurances. Għall-istess raġuni, li qatt ma sar stħarriġ speċifiku, ma tistax tiġi kkalkolata ċifra ta’ flus.

Fuel għall-Bdiewa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9646, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-fuel għall-bdiewa għola bi 18% kif dikjarat mid-dipartiment ta' l-istatistika? Jista' jinforma lill-Kamra f'ċifra ta' flus kemm hija din it-18% żieda fuq il-prezz tal-fuel li qed iħallsu aktar il-bdiewa u raħħala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 9797 f’din l-istess seduta. It-tweġiba li tajt hija l-istess għar-rigward tal-fuel.

Frott Frisk Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9645, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jista' jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-frott frisk lokali naqas fil-livell ta' 40.91% jew 53.72 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fil-prezzijiet ta’ frott frisk kienet li żdiedet il-provvista ta’ dan il-frott mill-bdiewa b’27 fil-mija, u allura huwa naturali li jaqa’ l-prezz. Fil-fatt, fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 għaddew mill-pitkalija 2,164,640 kilo frott frisk filwaqt li fl-istess perjodu tas-sena 2003 għaddew 1,704,721 kilo. Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 il-bdiewa daħħlu Lm866,854 filwaqt li fl-istess perjodu tas-sena 2003 daħħlu Lm924,458. Din il-figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew matul il-perjodu peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.

Prezz tal-Patata Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9642, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-patata lokali naqas fil-livell ta' 62.96% u/jew 83.25 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif ingħad fit-tlett tweġibiet preċedenti, il-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fl-indiċi kienet iż-żieda qawwija fil-produzzjoni tal-patata. Din żdiedet minn 4,632,672 kilos fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2003 għal 8,590,566 kilo fl-istess perjodu tas-sena 2004. Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004 il-bdiewa daħħlu Lm1,325,794 filwaqt li fl-istess perjodu 2003 huma daħħlu Lm749,871.

Ħaxix Frisk

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9644, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa tat-tadam lokali naqas fil-livell ta' 26.4% u l-faqqiegħ b'15.73% u l-qarabali naqas b'49.12%? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Intenni li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa xhur tas-sena 2004. Ir-raġuni li kien hemm waqa’ fl-indiċi tad-tadam, tal-qara bagħli u tal-faqqiegħ kienet iż-żieda qawwija fil-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti kif turi din it-tabella li ġejja: Prodott 2003* 2004* tunnellati tunnellati Tadam 9,983 11,088 Qara bagħli 210 291 Faqqiegħ** 6 8 * l-ewwel disa’ xhur f’kull każ ** li għadda mill-pitkalija Din il-produzzjoni akbar għenet biex jaqa’ il-unit price, u għalhekk il-bdiewa daħħlu Lm389,700 fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2003 filwaqt li l-figura għall-istess perjodu tas-sena 2004 kienet ta’ Lm332,867. Din il-figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew matul il-perjodu peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-NSO biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.

Ħaxix Frisk Lokali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9643, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, u cioe' jistax jinformana x'kienu r-raġunijiet li fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-prezz tal-bdiewa għall-ħaxix frisk lokali naqas fil-livell ta' 14.36% u/jew 12.26 punt? Jista' jinforma lill-Kamra xi jfisser f'termini ta' flus għall-bdiewa dan il-persentaġġ u dawn il-punti mħabbra mid-dipartiment ta' l-istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nerġa’ nippreċiża li l-persentaġġ li kkwota l-Onorevoli Interpellant jirrappreżenta l-bidla ta’ Settembru 2004 fuq Settembru 2003 u mhux tnaqqis matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2004. Bħal fil-każ tat-tlett tweġibiet ta’ qabel, ir-raġuni li naqas il-prezz tal-bdiewa għall-ħaxix frisk hija li kien hemm produzzjoni akbar. Fil-fatt minn 3,443 tunnellati fix-xahar ta’ Settembru 2003 il-produzzjoni telgħat għal 3,747 tunnellati fix-xahar ta’ Settembru 2004. Naturalment din iż-żieda fil-produzzjoni kkawżat tnaqqis fil-prezzijiet. Fix-xahar ta’ Settembru 2003 il-bdiewa daħħlu Lm567,439 filwaqt li fix-xahar ta’ Settembru 2004 huma daħħlu Lm422,958. Din l-aħħar figura ma tinkludix sussidji li l-bdiewa jkunu rċevew peress li l-metodoloġija internazzjonali li juża l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika biex jinħadem l-indiċi tesiġi li ma titteħidx kunsiderazzjoni tal-valur ta’ sussidju li jitħallas lill-bdiewa.
Leg 10 PQ #9784 Sitting 222 2005-01-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Tilwimiet Industrijali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tagħha matul din is-sena? Tista' tinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fis-snin 2003 u 2004 ma kienet rreġistrata l-ebda tilwima ndustrijali mal-Ministeru tiegħi.

Saħħa — Tilwimiet Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tiegħu matul din is-sena? Jista' jinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment ma jiġborx din l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Tilwimiet Industrijali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tagħha matul din is-sena? Tista' tinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2003 u l-2004 ġiet reġistrata tilwima industrijali waħda f'kull waħda minn dawn is-snin. Dawn it-tilwimiet kienu dwar il-ftehim kollettiv f'żewġ aġenziji li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru.

Żvilupp Urban u Toroq — Ġarr ta' Għamara

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9605 u cioe' : B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312 jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda, u jekk iva, kemm ġew jiswew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed nipprovdi t-tagħrif mitlub dwar it-trasferiment tal-Ministeru tiegħi minn Cavalier House għal House of the Four Winds, Valletta u l-Uffiċju tad-Direttorat tal-EU fil-Furjana. Spejjeż ta' ġarr - Lm 1,616 Xiri ta' għamara - Lm10,948 Alterazzjonijiet / xogħolijiet oħra - Lm19,193

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ġarr ta' Għamara

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9604 u cioe': B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312 jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda, u jekk iva, kemm ġew jiswew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta kien hemm il-bdil fil-Ministeri saru dawn l-ispejjeż: Xiri ta' għamara ġdida Lm8075 Xogħol/żebgħa tal-post Lm4745 Spejjeż tal-ġarr Lm1369 Jien infurmat ukoll li minħabba li sar dan it-tibdil ta' minn wieħed jinnota li fi ħdan il-Ministeru tiegħi, żdiedu żewġ Direttorati oħra li qabel ma kienux jeżiżtu bil-konsegwenza li żdiedu wkoll diversi nies f'dawn id-Direttorati. Għaldaqstant inħass il-bżonn li tinxtara għamara waqt li saru xogħlijiet ta' żebgħa u xi alterazzjonijiet oħra fil-post il-ġdid.

Kompratturi tal-Ħut

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kumpraturi tal-ħut ma ġewx mogħtija rċevuti mill-konsulent tad-dipartiment għall-flus li ġabrilhom sabiex jipprovdilhom iċ-ċertifikati u l-ID card tax-xiri tal-ħut frisk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta saru l-korsijiet għal dawk kollha li jagħmlu handling tal-ħut (food handlers course) l-irċevuti ħarġu bid-Departmental Accounting System (DAS) u ntbagħtu bil-posta.

Teknoloġija ta' l-Informatika — Safar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9004 u 9519 u cioe' jgħid kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 tal-ministeru, dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Jista' jinformana kemm hu kkalkolat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċanga tal-Friża/Vitella — Sussidju

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 8531 u r-risposta tagħha, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ li se jissussidja l-Gvern Malti fuq dawn it-tariffi u kemm hi d-differenza li jrid iħallas l-imprenditur/konsumatur? Jista' jgħid ukoll fuq liema perjodu ta' żmien iridu jitħallsu dawn is-sussidji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li t-tariffi fuq prodotti inklużi ċ-ċanga mpurtati minn barra l-Unjoni Ewropea jinbidlu skond żviluppi fis-suq internazzjonali, l-kalkolu li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant ma jwassal għal ebda konklużjoni definittiva. Is-sussidji l għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant jitħallsu sas-sena 2010.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Konsulenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9570, jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċifra ta' Lm43,940 tkoprix l-ispiża ta' Lm11,753 dikjarata f'mistoqsija parlamentari 9569?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Membru li ċ-ċifra ta' Lm 43,940, tkopri l-ispiża ta' Lm 11,753 li ngħatat lill-konsulenta kif ingħad fit-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9569 fis-seduta Nru 211 tal-15 ta' Diċembru 2004.

Biċċerija — Konsulenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9569, jirriżulta li konsulent partikolari tħallas Lm25,000 din is-sena? Jirriżulta li dan il-konsulent qed jitlob għal ħlas ta' Lm13,000 oħra separatament minn dawn il-Lm25,000 li diġa' tħallas għall-konsulenza tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9569 tirreferi għall-konsulenta u mhux konsulent fit-Taqsima ta’ l-Ikel u Affarijiet Veterinarji.

Teknoloġija ta' l-Informatika — Tilwimiet Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mal-ministeru tiegħu matul din is-sena? Jista' jinformana bl-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ma kien hemm l-ebda tilwim industrijali reġistrati mal-Ministeru tiegħi matul din is-sena u ta' qabilha. Dan ma jinkludiex korporazzjonijiet jew kumpaniji li għalihom hu responabbli l-Ministeru tiegħi.

Ċanga tal-Friża — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 8330 u cioe' meta sar il-ħlas li kellu jsir lis-17-il applikant imsemmija fit-tweġiba tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pagament għall-perjodu ta' Mejju u Ġunju 2004 sar f' Novembru 2004. Ma saret ebda applikazzjoni għal rifużjoni ta' esportazzjoni.