Jista' il-Ministru jinformana bit-tibdil li sar dwar il-ħlas tas-sussidji li qed jingħataw il-bdiewa għall-ħxejjex u frott li jipproduċu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara diversi laqgħat ma rappreżentanti tal-bdiewa, kien sar suġġeriment biex jinbidel il-metodu li bih kien qiegħed jiġi kkalkulat is-sussidju fuq il-ħaxix u l-frott. Dan il-metodu kien ibbażat kemm fuq il-piż kif ukoll fuq il-valur tal-prodotti, bl-iskop li jiġi skoraġġit li jiddaħħlu prodotti ta’ kwalità baxxa biex jikkwalifikaw għas-sussidju, u fl-istess ħin il-bdiewa jiġu mħajra jkabbru prodotti ta’ kwalità tajba. It-tibdil issuġġerit kien li ma jibqax jiġi kkunsidrat il-valur tal-prodott iżda s-sussidju jiġi kkalkulat biss fuq il-piż tal-prodotti ta’ kull bidwi. Dan is-suġġeriment intlaqa’ wara li ġie kkunsidrat li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu introdotti sistemi ta’ grading, ippakkjar u spezzjonijiet, id-dħul ta’ prodotti inferjuri fil-pitkalija se jkun minimu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bdiewa ma ħadux la 10c fil-kilo u lanqas 5c fil-kilo fuq id-dulliegħ kif ġie mwiegħed lilhom qabel ir-referendum u l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sussidju fuq il-frott li ingħata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent huwa ta' medja ta' 5ċ7 kull kilo. Dan għaliex il-ħlas finali kien jiddependi fuq il-valur tal-prodott tal-bdiewa individwali u għalhekk kien hemm każi fejn xi wħud ħadu iktar jew inqas minn 5ċ7 kull kilo ta' frott. Nagħmel ukoll referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10239.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-għalqa ta' Kola fir-Rabat li tħalliet fi stat daqstant degredat tant li qed toħloq inkonvenjent kbir lit-turisti minbarra r-residenti tal-lokal meta fuq kollox pajjiżna ħallas Lm2 miljun sabiex akkwista din l-art?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mhux l-art kollha magħrufa bħala l-għalqa ta’ Kola fir-Rabat inxtrat mill-Gvern. Din l-art, sit ta’ interess arkeoloġiku, inqasmet f’ħames plots. Il-Gvern xtara tnejn minn dawn il-plots wara li laħaq ftehim mas-sid. Il-plots l-oħra qegħdin jiġu ttrattati mill-Land Arbitration Board peress li s-sidien attwali ma aċċettawx il-prezz offrut mill-Gvern.
Meta din l-art tgħaddi f'idejn il-Gvern, tittieħed deċiżjoni dwar kif l-aħjar isir użu tajjeb minn dan is-sit, liema użu ma jridx ikun b'xi mod ta' dannu għall-arkeoloġija li hemm mirduma u protetta taħt wiċċ l-art.
Jista' il-Ministru jinformani x'ġara mit-talbiet tiegħi u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex mill-ġdid jerġa' ikun hemm tobba fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat wara l-5.00 p.m. matul il-ġimgħa, wara s-1.00 p.m. s-Sibt u l-ġurnata tal-Ħadd?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba n-nuqqas kronika ta' tobba fiċ-ċentri tas-saħħa, kien intlaħaq ftehim f'Mejju 2000 bejn id-dipartiment tas-saħħa u l-MAM biex iċ-ċentri tas-saħħa ta' Bormla, B'Kara, Ħal Qormi u r-Rabat ma joffrux servizz ta' tabib wara l-5p.m. matul il-Ġimgħa, wara 1.00p.m. is-Sibt u l-ġurnata kollha l-Ħadd.
Minn dak iż-żmien lil hawn ma kien hemmx żidiet fin-numru ta' tobba sabiex jerġa' jiġi rivedut dan il-ftehim.
Jista' il-Ministru jinformani meta se tiġi stallata l-x-ray machineil-ġdida fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 109 datata 23/06/03. Mill-analiżi tal-volum ta' nies li jistgħu jiġu bżonn dan is-servizz, mqabbla mal-ispejjeż sabiex tinxtara u titwaħħal magna tal-X-Rays ġdida, mgħammra u mħaddma sew, huwa ċar li ma huwiex għaqli li jerġa' jinfetaħ servizz tal-X-Rays fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.
Huwa aktar għaqli li jibqa' l-arranġament li kull meta l-pubbliku tal-Baħrija, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, r-Rabat u l-madwar jkollhom bżonn xi X-Ray dawn jistgħu jagħmluh fl-aktar Ċentru tas-Saħħa viċin, ċioe' dak tal-Mosta.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex ma nbidlux it-tined tal-pjanċi msadda u perikolużi li hemm fin-naħa tal-frott fil-pitkalija ċentrali? Jista' jara li dawn it-tined jinbidlu mmedjatament qabel ma jseħħ xi inċident fatali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-Sezzjoni tal-Frott li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma taqax taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex fl-estimi ta' din is-sena ma ġewx ivvutati fondi sabiex jitkompla l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru għandu diversi prijoritajiet biex niżguraw li l-biedja ġewwa Malta tkompli tiżviluppa.
Ix-xogħol fuq Wied il-Qlejgħa, għalkemm mhux fil-lista ta' prijorità f'dan il-mument, ser jitkompla fil-ħin opportun.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-mużew ta' l-inbid li hemm fil-Buskett tħalla totalment abbandunat matul dawn l-aħħar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-mużew li hemm fil-Buskett ma tħalliex totalment abbandunat, iżda qiegħed jiġi miżmum mit-Taqsima tal-Vitikultura u L-Enoloġija fi ħdan dan il-Ministeru,.u dan fid-dawl ta' pjanijiet biex il-mużew jingħata rwol aktar xieraq fix-xena ta' l-inbid u l-vitikultura f'Malta, billi jifforma parti minn Enoteka Nazzjonali ta' Inbejjed ta' kwalità.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kien it-tunnellaġġ ta' l-industrija tal-qatla tad-dundjan lokali matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-figuri li żżomm t-Taqsima ta' l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji rigward l-industrija tad-Dundjani huma biss dwar l-importazzjoni ta' dundjani ta' ġurnata (day-old turkey poults). Dawn huma kif jidher fit-tabella hawn taħt annessa:
SENA
AMMONT TA' DUNDJANI
2001
18,780
2002
50,443
2003
15,500
2004
14,000
B'riferenza għall-msitoqsija parlamnetari 9746 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru u cioe' konxju l-Prim Ministru li kawża tad-dazji, tariffi u kwoti li ddaħħlu fuq l-importazzjon ta' prodotti ta' l-ikel u ta' materja prima ta' l-ikel, illum l-istess gvern u l-konsumaturi daħlu fi spiża fenominali biex jiġi ssussidjat direttament u indirettament dak li pajjiżna qed ikollu jimporta bi prezz ogħla artifiċjalment mis-swieq internazzjonali?
Jista' il-Prim Ministru jagħti breakdown ta' kemm qed jiswa lill-gvern u lill-konsumatur dan is-sussidju li qed iħallsu artifiċjalment fuq l-ikel tal-ħajja ta' kuljum fuq prodotti li pajjiżna ma jipproduċix minħabba d-daqs ta' l-art tal-gżejjer tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-Trattat tas-Sħubija fejn hemm indikat dak li ġie nnegozjat ma’ l-Unjoni Ewropea u l-livelli ta’ sussidji kkontemplati għal diversi prodotti.
Matul is-sena li għaddiet, kemm-il darba uffiċjali responsabbli mis-saħħa fuq il-post tax-xogħol għamlu żjara fil-biċċerija, minħabba li saru rapporti dwar il-ħsara li qed jikkawża għal saħħet il-ħaddiema l-inċineratur il-qadim li qed jitħaddem minkejja li huwa kkundannat? X'rapporti saru lid-dipartiment konċernat mit-tmexxija tal-biċċerija? Jista' il-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol irċeviet rapport wieħed biss, li sar b'mod verbali dwar dħaħen mill-inċineraturi. Dan kien nhar it-2 ta' Diċembru, 2004. In vista ta' dan ir-rapport membri minn din l-Awtorita' għamlu spezzjoni l-għada u cioe nhar it 3ta' Diċembru, 2004.
Waqt l-ispezzjoni, ntalab li jsir 'risk assessment' taż-żewg inċineraturi waqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet tal-użu, kif ukoll li għandhom jkunu ndikati l-miżuri rimedjali jekk jirriżultaw meħtiega.
Dwar l-aħħar mistoqsija dwar kemm saru rapporti lid-dipartiment konċernat mit-tmexxija tal-biċċerija, dan ma jaqax taħt il-kompitu ta' dan il-Ministeru, għaldaqstant ma tistax tingħata tweġiba.
Jista' il-Ministru jinformani x'ġara mit-talbiet tiegħi u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar l-estensjoni taċ-ċimiterju tar-Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni dwar iċ-Ċimiterju tar-Rabat għada l-istess kif ġiet riferuta fir-risposta għal mistoqsijiet Parlamentari numru 6594 u 9863 rispettivament.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-korporazzjoni Enemalta qed tieħu bejn tlieta u erba' ġimgħat biex tirranġa l-bozoz maqtugħa rapportati mill-kunsill lokali tar-Rabat, Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rispota tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-venda tar-Rabat għadha ma marritx fi Triq Santa Rita? Jista' jara li din it-talba tiġi milqugħa mmedjatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi preżentament l-arranġamenti huma li kollox jibqa' jaħdem kif inhu, jiġifieri sad-9.30 ta' filgħodu il-venda tkun fi Triq Santa Rita u wara id-9.30 ta' filgħodu il-venda tkun is-Saqqajja.
Filfatt teżisti pjanta iffirmata fil-21 ta' Frar 2003, fejn sar qbil bejn l-Awtorita' Dwar it-Trasport, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali tar-Rabat illi l-venda tibqa' is-Saqqajja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9745 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' fid-dawl tas-sitwazzjoni li pajjiżna tilef il-marġini tal-kompetittivita' fost ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa u għall-fatt li pajjiżna spiċċa meqjus bħala l-aktar wieħed fejn il-ħajja ta' kuljum għoliet, jista' il-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li tintalab deroga lill-Unjoni Ewropa sabiex l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u x-xorb li pajjiżna ma jistax jipproduċi tkun eżentata mid-dazji, tariffi u kwota imposti mill-ewwel ta' Mejju?
Billi kawża ta' dawn id-dazji, tariffi u kwoti pajjiżna spiċċa biex minn but jiffranka lira u mill-ieħor jeħel ħamsa u aktar, jista' il-Ministru jara li din l-anomalija tiġi rimedjata immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-taqsima ta' l-Esportazzjoni u Importazzjoni fid-Diviżjoni tal-Kummerċ tamministra kwoti li m'humiex fuq materja prima ta' l-ikel u x-xorb, iżda fuq ħwejjeġ (textile products), azzar u ħadid. Pero dan ma jeskludix il-possibilita li jistgħu jeżiżtu xi kwoti oħrajn li huma amministrati mid-Dipartimenti ta' l-Agrikoltura u tad-Dwana.
Jista' il-Ministru jinformani x'wassal biex il-produzzjoni lokali tat-trobbija tat-tjur tas-simna naqset b'40% matul is-sena 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-trobbija tat-tjur tas-simna fis-sena 2004 naqset bi 18.7%, u mhux 40%. Dan in-nuqqas hu dovut l-aktar minħabba r-ristrutturar fil-biċċeriji tal-qatla kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, u ristrutturar ġenerali.
Jista' il-Ministru jinformani x'kienet il-qatla tal-majjal lokali matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-qatla tal-majjal lokali matul is-sena 2004 kienet tammonta għall-piż ta' 8,469,985 kilogramma, jiġifieri 104,505-il majjal.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet il-qatla tat-tjur tas-simna matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-figuri uffiċjali li għandha din id-Diviżjoni rigward il-qatla tat-tjur tas-simna huma:
Sena 2003 4,576364
Sena 2004 3,716,500
Figuri uffiċjali tal-qatla tas-sena 2002 bejn Lulju u Diċembru huma 1,564,959.
L-informazzjoni ġiet miġbura fid-19 ta' Jannar, u għalhekk jista’ jkun li l-figuri għal Diċembru 2004 jistgħu jinbidlu peress li l-produtturi għandhom sa l-aħħar ta' Jannar biex jissottomettu l-informazzjoni ta' Diċembru.