Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tjur tas-simna

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9966, għaliex il-gvern mhux jiddikjara li fl-2003 il-produzzjoni tat-tjur tas-simna laħqet 6.2 miljun u mhux 4.5 miljun kif iddikjara fl-istess mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Ilma tat-tisqija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9686, il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-aqwa ilma għat-tisqija tar-raba huwa dak ġiri naturali tax-xita (dejjem meta jiġi wżat skond il-ħtieġa naturalment tal-ħxejjex u frott imkabbra fuq l-uċuħ u s-serer)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Saħħa — Pazjenti mibgħuta għall-kura barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ntbagħtu barra għall-kura fis-sena 2004? Kemm kienu nisa, irġiel, żgħażagħ u tfal? F'liema pajjiżi ntbagħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fis-sena 2004 intbagħtu 235 pazjent għall-kura barra minn Malta. 234- intbagħtu l-Ingilterra 1- intbagħtet l-Israel L-etajiet kienu hekk: Tfal (0-14) 90 Żagħżagħ (15-18) 28 Nisa 49 Irġiel 68

Saħħa — Operazzjoni tal-bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li għamlu l-operazzjoni tal-bypass fis-sena 2004? Jista' iwieġeb l-istess informazzjoni għas-snin 2003 u 2002 separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Data Management Unit fl-Isptar San Luqa għandu informazzjoni dwar l-operazzjonijiet kirurġiċi mis-sena 2002 sa' Ġunju 2004 mis-Surgical Operations Register ta' l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech (SLH-KGH). In-numru ta' operazzjonijiet reġistrati ta' Coronary Artery Bypass Grafts (CBAG) hekk imsejħa Heart Bypasses fis-snin 2002, 2003 u Jannar sa Ġunju 2004 huma kif ġej: Sena Total ta' CABGs 2002 397 2003 476 2004 (Jan-Ġun) 262

Saħħa — Ċimiterji privati

Question

Jeżistu talbiet quddiem id-dipartiment tas-saħħa biex jiġu żviluppati ċimiterji privati? Jekk fl-affermattiv, meta tressqu u x'ġara minn dawn it-talbiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li preżentament teżisti applikazzjoni waħda mad-Dipartiment tas-Saħħa, dik għal estenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Knisja ta' Ħal-Luqa. Tali applikazzjoni saret fit-3 ta' Jannar 2005 u risposta parzjali ngħatat fit-18 ta' Jannar 2005. Dwar żvilupp għal Ċimiterji privati ninforma wkoll li jeżistu talbiet għal żewġ areas oħra mal-MEPA., liema applikazzjonijiet ġew riferuti lid-Dipartiment tas-Saħħa mill-MEPA għas-suġġerimenti rispettivi. Għal aktar informazzjoni nissuġġerixxi li tirreferi lill-Ministru kkonċernat.

Rabat, Malta — Bozoz

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 10228 u cioe' jista' jinformana għaliex il-korporazzjoni Enemalta qed tieħu bejn tlieta u erbgħa ġimgħat biex tirranġa l-bozoz maqtugħa rapportati mill-kunsill lokali tar-Rabat, Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li d-dewmien kien minħabba żieda ta' ħsarat minħabba l-maltemp. Il-manutenzjoni meħtieġa issa saret.

Ġobon cheddar

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9694 u 9941 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġobon cheddar għola għall-konsumatur 50c fil-kilo? Jekk le, kemm għola jew kemm roħos?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

MEPA — Riabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA qed tapprova u tippermetti li jsiru xogħlijiet bil-konkos fir-riabilitazzjoni tal-widien bħalma approvat u ppermettiet fix-xogħlijiet li saru fil-wied tal-Marsa mill-ministeru tar-riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nittama li l-Onor. Membru japprezza li minħabba l-urġenza ta' xogħlijiet sabiex il-passaġġ ta' l-ilma tax-xita jgħaddi mingħajr xkiel, u ma joħloqx problemi ta' għargħar, kif ġara fi snin li għaddew, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet applika sabiex jagħmel ix-xogħlijiet b'dan il-mod ta ' kostruzzjoni. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma sabitx oġġezzjoni għal din il-proposta.

MEPA — Riabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-MEPA tikkwalifika li l-konkos fir-riabilitazzjoni tal-widien huwa preferut mis-sistema li ntużat fir-riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa fl-1997? Għaliex fil-wied tal-Marsa l-MEPA ma rrikomandatx li ssir din is-sistema flok il-konkos li approvat u ppermettiet li jsir f'dan il-wied?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10340.

Marsa — Riabilitazzjoni tal-wied

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm swew ix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni li saru fil-wied tal-Marsa? Kemm intuża konkos sabiex ġie riabilitat dan il-wied tal-Marsa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li fil-Marsa sar xogħol estensiv fit-twessiegħ tal-kanal ta' l-ilma minn Triq l-Iljun sa Triq Aldo Moro u dan sar bħala prevenzjoni mill-għargħar. Sa l-aħħar tas-sena 2004 intefqet is-somma ta' Lm416,400 fuq dawn ix-xogħlijiet. Din is-somma tinkludi l-materjal, il-kuntratti, il-pagi u l-overtime tal-ħaddiema tal-Gvern li tħallsu sa l-aħħar ta' Diċembru 2004. F'dan ix-xogħol intużaw 6,596 metru kubu ta' konkos.

Flieles għas-simna

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9966, għaliex filwaqt li fl-2003 kien hawn 7.5 miljun fellus (għas-simna) bejn perent stock lokali u importati laħqu għall-iproċessar 4.5 miljun biss skond it-tagħrif li għandu l-gvern? Jista' il-Ministru jinvestiga u jinformani x'ġara mill-bqija tat-3 miljun fellus għas-simna li kellu pajjiżna matul l-2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2004 ma ġew impurtati l-ebda flieles tas-simna. Il-figura ta' 5.7 miljun huma bajd tat-tifqis globali bejn dak impurtat u dak lokali. Minn dan il-bajd ġew imfaqqsa 4,047,323 flieles tas-simna, li minn dawn 3,706,177 waslu għall-qatla. Id-differenza tirriżulta minn diversi fatturi ta’ l-importazzjoni u fatturi lokali sal-qatla.

Dulliegħ — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju fuq kull kilo li ħadu l-bdiewa fuq id-dulliegħ li pproduċew is-sena l-oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Matul l-2004 iddaħħlu 4,369,905kg ta' dulliegħ fil-pitkalija Ta' Qali u dik f' Għawdex. Is-sussidju fuq dan id-dulliegħ jammonta għal Lm 249,084.60 bir-rata ta' 5ċ7 kull kilo.

MEPA — Permess għal żvilupp tal-winery fil-Buskett

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mit-talba li l-kunsill ta' Ħad-Dingli għamel lill-MEPA u/jew lill-awtorita' kompetenti f'Jannar tas-sena 2002 dwar permess għall-iżvilupp tal-Winery fil-Buskett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-uniku applikazzjoni li jien infurmat li saret lill-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq dan is-sit hija l-applikazzjoni PA 6136/01, li ġiet sottomessa lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura u Sajd.

Kalendarju agri turistiku

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm saru laqgħat mal-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex sabiex ikun stabbilit u organizzat il-kalendarju agri turistiku għas-sena 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda laqgħat mal-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex dwar dan is-suġġett.

Kalendarju agri turistiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-NGO's f'Malta u Għawdex sabiex ikun stabbilit u organizzat il-kalendarju agri turistiku għas-sena 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ntbagħtu ittri lill-Għaqdiet Non-Governattivi (NGO's) kkonċernati kollha kif ukoll lil xi koperattivi biex jagħtuna l-informazzjoni dwar il-funzjoni u l-attivitajiet tagħhom. Meta taslilna din l-informazzjoni jkun jista' jiġi organizzat il-kalendarju agri-turistiku għas-sena 2005.

Rabat — Separazzjoni ta' l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mit-talba tal-kunsill lokali tar-Rabat sabiex is-separazzjoni ta' l-iskart issir f'zona mhux residenzjali u titneħħa miz-zona residenzjali ta' Għajn Qajjed? Jista' jgħid liema huma z-zoni li l-gvern ippropona lill-kunsill tar-Rabat? F'każ li ma saret ebda proposta, jista' jara li d-dipartiment konċernat jipproponi zona jew zoni alternattivi lill-kunsill tar-Rabat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-talba li l-Kunsill Lokali tar-Rabat għamel lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet l-applikazzjoni PA 5931/03 sabiex is-separazzjoni ta' l-iskart isir f'Għajn Qajjed. Din l-applikazzjoni kienet ġiet milqugħha mill-MEPA f'Lulju 2004. Il-MEPA m'għandhiex applikazzjonijiet oħra sabiex dan l-iżvilupp jitneħħa minn dan is-sit u jitpoġġa f'sit ieħor.

Hands on fishing

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex ma saret ebda attivita' hands on fishing matul is-snin 2004, 2003, 2002, 2001, eċċ? Jista' jikkonsidra li jerġa' jibda jorganizza dan il-programm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-visti tat-tfal ta' l-iskola fiċ-Ċentru tax-Xjenza tas-Sajd f'Marsaxlokk baqgħu għaddejin fuq talbiet mill-iskejjel individwali. Fil-preżent qed jiġi ppreparat program aktar mifrux għall-iskejjel ta’ pajjiżna.

Pitkalija Ċentrali — Parking/Grading Station

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm se jkunu l-ispejjeż kull kilo għall-bdiewa sabiex jagħmlu tajjeb minn bwiethom għall-ispiża tal-parking station u tal-grading station fil-pitkalija ċentrali? Minn meta/fejn se jibdew jinqatgħu dawn l-ispejjeż li jridu jħallsu l-bdiewa? Kemm se jkunu l-ispejjeż għall-bdiewa li jiggrejdjaw u jippakkjaw il-ħaxix u dawk li jagħmlu l-istess għall-frott?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 9572, tas-Seduta nru. 211. Is-sitwazzjoni għada bħal ma kienet dakinhar.

Buskett — Mużew ta' l-inbid

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli qatt ma ngħata ċavetta tal-mużew ta' l-inbid li hemm fil-Buskett sabiex it-turisti jkunu jistgħu jżuru l-mużew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10234.
Leg 10 PQ #10238 Sitting 230 2005-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buskett — Mużew ta' l-inbid

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-mużew ta' l-inbid fil-Buskett jinbidel f'attrazzjoni turistika?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-mużew li rrefera għalih l-Onor Interpellent huwa taħt il-ħarsien tat-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enoloġija fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Hemm il-ħsieb li dan il-post jingħata rwol aktar xieraq meta titwaqqaf l-Enoteka Nazzjonali Maltija.