Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġara mid-dar ta' l-anzjani li l-gvern Nazzjonalista ilu tant iwiegħed lir-residenti fil-Mellieħa li se jibni? Għaliex għadda daqstant żmein u dan il-proġett baqa' ma tlestiex? Jista' jara li l-gvern iwettaq din it-talba matul din is-sena ħalli l-anzjani Mellieħin iħossu l-wens li tant jixtiequ jkollhom mill-gvernijiet Maltin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tad-Dar ta’ l-Anzjani tal-Mellieħa, għalkemm għadu ma nbediex strutturalment, xorta waħda hu miexi skond il-pjan previst. Nifhem li tapprezza li proġett ta’ ċertu kobor jirrikjedi żmien ta’ konsulenza u preparazzjoni kbira.

Familji Maltin — Għoli tal-Ħajja

Question

Jista' il-Prim Ministru jistħarreġ mill-ġdid iċ-ċirkostanzi u l-problemi ta' spejjeż ġodda li jifnu lill-familji li jkollhom imorru barra minn pajjiżna minħabba l-fatt li l-pagi tal-familji tal-ħaddiema qed dejjem jinxfu quddiem l-ispejjeż ta' l-għoli tal-ħajja ta' kuljum fil-gżejjer tagħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika kollha turi li l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna m’huwiex barra mill-livelli tal-għoli tal-ħajja ta’ pajjiżi oħra. Lanqas jirriżulta li familji Maltin qed imorru barra minn Malta għar-raġunijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

EU — Riabilitazzjoni tal-widien

Question

Jista' il-Ministru jinformana liema huma r-regoli ta' l-Unjoni Ewropea li jħeġġu u/jew japprovaw li l-gvernijiet jużaw il-konkos fix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni jew manutenzjoni tal-widien, bħalma ġara fil-każ tal-Marsa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10685.

MEPA — Xogħliet ta' Żvilupp

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-MEPA fl-istess nifs li waqfet ix-xogħlijiet ta' żvilupp ta' pannewwiet tal-konkos fil-parti tal-wied ta' Binġemma li kienu qed isiru mill-kunsill lokali ta' l-Imġarr imbagħad approvat li jsiru l-istess pannewwiet tal-konkos fil-bypass tal-Mellieħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onor. Membru jindika fuq site plan għall-liema parti mill-by-pass qed jirreferi.

MEPA — Irdumijiet/widien/ toroq rurali

Question

Fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien gvern Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 flimkien ma' l-istitut agronomiku ta' Bari u oħrajn, fosthom il-CODRA ta' Padova, kien aċċettat il-prinċipju li l-ilqugħ li jinbnew fl-irdumijiet, widien u toroq rurali jinbnew bis-sistema introdott fiċ-Chadwick Lakes minn dawn l-esperti, jista' il-Ministru jinformana għaliex kemm ilu ministru responsabbli mill-MEPA biddel din l-istrateġija tant li ġew applikati sistemi fejn purament sar il-kuntrarju, bħal fil-każ tax-xogħlijiet tal-bypass ta' l-Imtarfa u dawk f'Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ u l-wied tal-Marsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Membru jinnota li dan il-Ministeru ma applikax u lanqas wettaq xogħlijiet fil-postijiet indikati.

Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10560 u cioe' jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004? Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża? Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Reġistratur tal-kumpanniji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: a) x'inhi r-remunerazzjoni tar-Reġistratur tal-kumpanniji; b) x'allowances għandu; c) x'inhuma l-perks li jgawdi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata fil-mistoqsija għandu remunerazzjoni ta’ Lm18,311 fis-sena, allowances xejn u jagħmel użu minn karozza leased li għandha valur taxxabbli ta’ Lm741 fringe benefit fis-sena.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10516, jista' il-Ministru jinformani bl-istess tagħrif għal second hand vehicles?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' karozzi, vetturi, eċċ second hand li ġew reġistrati matul Jannar ta’ din is-sena kif ukoll għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 huwa kif jidher hawn taħt :- Private Vehicles Commercial Vehicles Vehicles for Hire Buses & Mini Buses Motor cycles Total Jan 2000 123 121 0 0 11 255 Jan 2001 144 115 0 0 30 289 Jan 2002 261 110 3 2 29 405 Jan 2003 236 150 5 1 3 395 Jan 2004 305 166 0 0 1 472 Jan 2005 192 83 0 0 1 276 Total 1261 745 8 3 75 2092

Koperattivi tar-raħħala

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar pagament ta' sussidju fuq il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib li tħallset lill-koperattivi tar-raħħala? Kemm kien l-ammont f'kull każ u liema perjodu kien ikopri dan il-ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li kull pagament fuq il-produzzjoni tal-ħalib jew fuq iċ-ċanga (slaughter u beef special premium tal-Politika Agrikola Komuni) jingħata lir-raħħala individwali u mhux lill-Koperattiva tal-Ħalib, nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu u jidentifika liema ‘koperattivi’ tar-raħħala qed jirreferi fl-istess Mistoqsija.

Skejjel — Inċidenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10544, jista' il-Ministru jinfurmani x'xogħlijiet qed isiru fl-iskejjel sabiex jiġu evitati perikli simili għal dawk li ġew rappurtati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'kull skola għandna Health and Safety Teachers li l-kompitu tagħhom huwa li joħolqu kuxjenza dwar aspetti ta' Health and Safety fil-ħajja ta' madwarna. Dawn l-għalliema jagħmlu wkoll risk assessments regolari biex jaċċertaw li aspetti li jistgħu jkunu ta' riskju jew periklu jiġu identifikati lill-kapijiet ta' l-iskejjel biex dawn jieħdu l-passi neċessarji biex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa biex iħarsu t-tfal fdati fil-kura tagħhom minn kull periklu. Qed jingħata wkoll taħriġ lil dawn l-għalliema biex ikunu kostantament aġġornati.

Importazzjoni ta' Zokkor — Sussidju

Question

B'riferenza għas-sussidju fuq il-prezz taz-zokkor importat mill-Unjoni Ewropea għal ħteġijiet tan-nazzjon Malti, jista' il-Ministru jinformana jekk separatament mis-sussidju ta' euro 422 kull tunnellata jew 42.2c ta' euro sussidju fuq kull kilo li qed jissussidja l-Gvern Malti, hemmx sussidji oħra addizzjonali? Jekk fl-affermattiv, jista' jinformana kemm huwa dan is-sussidju addizjonali, minn kemm ilu jingħata u liema huma dawk il-kumpanniji li jikkwalifikaw għal dan is-sussidju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li z-zokkor li huwa għal ħtiġijiet ta' Malta (ikkunsmat f'Malta) jieħu sussidju wieħed, dak imħallas mill-Gvern Malti. Ir-rata ta' sussidju llum hija ta' 352.2 euro kull tunellata. Tajjeb li wieħed jgħid pero li għall-prodotti li jinkludu z-zokkor u li ser jiġu esportati barra l-Ewropa teżisti wkoll l-Export Refund pero dwar dan l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat cioe Ministru għal Affarijiet Rurali u Ambjent.

Prezz tal-Banana

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'inhija r-raġuni li kaxxa banana li fi Frar 2003/2004 kienet medja ta' Lm3.75 jew Lm4 .00 illum għoliet għal madwar Lm9.00 għall-istess piż u kwalita'? Jista' jinformana x'ikkawża dan l-għoli tal-prezz tal-banana, ukoll it-tuffieħ, fost frott bnien ieħor, meta l-poplu ġie nformat li b'effett tas-sħubija l-prezzijiet ta' l-ikel kellhom jibqgħu kif kienu qabel is-sħubija u dan minħabba s-sussidju fuq il-prodott jew ir-roħs tal-prodott minħabba l-vantaġġi li se ġġib is-sħubija għal poplu tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-prezz tal-banana, bħal ta' kull prodott agrikolu ieħor, ivarja minn żmien għal żmien, u minn sena għal oħra, skond il-forzi tas-suq u l-prinċipju ta' supply u demand. Tajjeb li wieħed igħid li din is-sena kien hemm diversi fatturi li kkaġunaw żieda fil-prezz tal-banana. Fost dawn il-fatturi nsibu li kien hemm diżastri naturali fosthom, għarar qawwija fil-Karibew li affettwaw il-provvista, u allura l-prezz tal-banana. Fost l-aktar pajjiżi milquta kien hemm l-Equador, il-Kolombja u l-Costa Rica, minn fejn Malta timporta l-ħtiġijiet tagħha. Kien hemm ukoll nuqqas ta' provvista ta' banana mill-Filippini li kkaġunat żieda qawwija fil-prezz fis-suq internazzjonali ta' dan il-prodott. Huwa kkalkulat li b'kollox kien hemm tnaqqis ta’ 'il fuq minn 3 miljun kaxxa banana (ca 54,000 tunnellata) produzzjoni fis-suq internazzjonali. Inżid ngħid ukoll li barra żieda fil-prezz tal-banana minħabba nuqqas ta' provvista, kien hemm ukoll żieda qawwija fl-ispiża tat-trasport ta' dan il-prodott lejn l-Ewropa mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina. Fil-fatt il-prezz tat-trasport kważi rdoppja minn $US 4.5 għal $US 8.00-8.50 kull kaxxa.

Karozzi Reġistrati f'Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda reġistrati f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm minnhom huma diesel u kemm petrol? X'livell ta' kapaċita' tal-makna għandhom? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Bajd tal-Flieles

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10382, jista' il-Ministru jinformana kemm mill-5.8 miljun kienu mill-parent stock lokali u cioe' jekk il-5.8 miljun hijiex figura bbażata fuq bażi ta' importazzjoni biss?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10382, il-figura hija ta' dawk il-bajd li ġew iddikjarati li faqqsu. Din tinkludi tifqies minn Parent Stock lokali wkoll.

Korporazzjoni Enemalta — Talba għal bozza

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex it-talba għal bozza li saret minn familja residenti f'farmhouse fl-Imġarr Malta - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ma ġietx approvata u stallata? Jista' jara li t-talba tiġi rimedjata mmedjatament ħalli ma tkomplix issir inġustizzja mal-familja li teħtieġ dan il-bżonn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1877.

Trobbija tat-Tjur

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10378 u cioe' jinformani kif iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju mhux se tolqot ħażin il-kompetittivita' ta' l-industrija lokali tat-trobbija tat-tjur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-kompetittività ma tiddependix minn fattur wieħed iżda fuq numru ta’ fatturi inklużi żviluppi internazzjonali li fuqhom pajjiżna m’għandux kontroll. Iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju hu fil-fatt wieħed mill-komponenti ta’ spejjeż li għandhom il-produtturi tat-tjur.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Pitkalija Ċentrali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 10451 u kemm kien in-numru ta' persuni li ġew mitluba jagħtu l-opinjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irreferiet il-każ lill-"Construction & Maintenance Department" fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura sabiex jitneħħa l-periklu u fejn hemm il-bżonn jissewwew jew jinbidlu t-tined tal-pjanċi.

Distretti nri 11 u 12 Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10466 u cioe' jista' jgħid xi proġetti għandu l-ministeru fir-rigward ta' toroq u żvilupp urban għal bliet u rħula tal-11 u t-12-il distrett elettorali? Kemm huma stmati li se jiswew dawn ix-xogħlijiet? Meta mistennija jibdew u jitlestew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Ilma ġieri

Question

Matu is-snin 2003 u 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' zoni ta' l-ilma ġieri li jmur għall-ħażna ta' l-ilma tax-xorb li spiċċaw ikkontaminati? Liema kienu dawn iz-zoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nassumi li b' "ilma ġieri", l-Onor Interpellant qed jirreferi għal ilma li jiġi minn nixiegħat (springs) u mhux għal ilma tal-pjan (ground water) li jitella' minn boreholes jew minn mini (galleries). Jiena nfurmat li fil-preżent, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma ma tużax dan is-sors ta' ilma - li hu limitat ħafna - għall-ilma tax-xorb.