Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi fil-preżent iċ-ċifra ta' flus li tħallset fuq direct order li ġew approvati mill-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema perijodu qed jirreferi.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Direct orders

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi fil-preżent iċ-ċifra ta' flus li għad trid titħallas għal direct orders li ħareġ il-ministeru matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-preżent iċ-ċifra ta’ flus li għad trid titħallas għal direct orders li ħareġ il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena huwa kif ġej: Diviżjoni Ammont mhux imħallas Servizzi Agrikoli u Żviluppi Rurali Lm 17,629 Servizzi Veterinarji u ta’ l-Ikel Lm 21,763 Konservazzjoni u Kontroll tal-Ħut Lm 2,151

MEPA — Inċineratur ġdid fil-Biċċerija tal-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ġew sottomessi lill-MEPA żewġ verżjonijiet differenti għall-approvazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-inċineratur il-ġdid fil-Biċċerija tal-Marsa? Jista' jinformani kemm kienet iċ-ċifra għall-proġett imsemmi fuq l-ewwel verżjoni u kemm kienet tammonta ċ-ċifra għat-tieni verżjoni??

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fill-fatt ressaq applikazzjoni waħda għall-approvazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-Inċineratur quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Tajjeb li wieħed ifakkar li dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Ħames Protokol Taljan. Kien hemm bżonn li jinbidlu il-parametri oriġinali peress li kien hemm żviluppi teknoloġiċi importanti f'dawn l-aħħar snin f'dan il-qasam, u għalhekk dawn il-modifikazzjonijiet ma setgħux jiġu inkorporati fil-pjanti u proġett oriġinali. Ma kien hemm ebda tibdil fl-ispiża globali tal-proġett.

Marsa — Inċineratur ġdid fil-Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'konsulenzi mill-ministeru għall-proġett ta' l-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa? Meta tħallsu u lil min tħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited, tħallset l-ammont ta’ Lm93,917.40 f'konsulenza fuq il-proġett ta' l-Inċineratur, li minnhom Lm5,014 tħallsu fis-sena 2002, Lm13,478 fis-sens 2003, Lm15,930 fis-sena 2004, u Lm59,495.40 fl-2005. Ta’ min iżid li n-Note Verbale rigward dan il-proġett, iffinanzjat mill-Ħames Protokol Taljan, jirrikonoxxi lill-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited bħala konsulenti tekniċi għall-finijiet ta’ dan il-proġett.

Ġonna tal-Buskett

Question

B'riferenza għall-ENOTEKA li kienet proposta mill-Ministru ta' qabel li tiġi żviluppata fil-ġonna tal-Buskett, jista' il-Ministru jinformani għaliex wara nofs leġislatura li ilu jmexxi l-ministeru lanqas inbdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel sottomissjoni għall-proġett fil-Buskett ma kenitx għal Enoteka Nazzjonali iżda għal żvilupp ta' winery sperimentali, restaurant u tliet wine bars. Wara ħafna konsultazzjonijiet, kemm interni kif ukoll ma’ esperti Taljani, dan il-Ministeru ħass li l-iżvilupp ġewwa l-Kumpless tal-Buskett kellu jkun wieħed differenti. Inħasset il-ħtieġa li s-settur ta' l-inbid jingħata l-importanza xierqa billi tiġi żviluppata Enoteka Nazzjonali li għandha tagħti l-opportunità għall-industrija li torganizza attivitajiet ta' promozzjoni fuq skala nazzjonali bl-iskop li anke s-settur tat-turiżmu jibbenefika. Dan il-Ministeru konvint ukoll li l-istruttura ta' l-Enoteka tista’ isservi bħala "interpretation centre" għall-ġonna tal-Buskett biex b'hekk jitkattar l-interess tal-pubbliku fl-eko-sistemi tal-Buskett. Għaldaqstant dan il-Ministeru ħass li l-proġett kollhu kellu jiġi rrivedut biex jinkludi din il-politika ħolistika u jagħmel pjanijiet ġodda mfassla kif meħtieġ mil-professjonalità. Id-Dipartiment għamel applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal dan l-iżvilupp. Wara diskussjoni kemm ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kif ukoll mal-konsulenti Taljani, ġie maqbul li jsiru emendi għall-proposti inizjali ta’ l-applikazzjoni.

Dipartiment ta' l-ortikultura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-ortikultura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Biex tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni mitluba huwa meħtieġ li l-Onor Interpellant jindika x’jifhem b’Dipartiment ta’ l-Ortikultura.

Benefiċċji soċjali — Children allowance

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas immedjatament il-flus dovuti lilha f'children allowance ta' uliedha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.

Attard — Triq iż-Żahar

Question

Peress li Triq iż-Żahar, Attard, B2N12, ilha għal dawn l-aħħar 14-il sena bla asfalt, jista' il-Ministru jirrimedja bix-xogħlijiet immedjatament u qabel tibda x-xitwa? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Triq iż-Żahar, Attard tifforma parti mill-lista ta’ toroq residenzjali li l-Awtorita' dwar it-Trasport bi ħsieba tagħmel xogħol ta’ asfaltar fihom. Xogħol fuq din it-triq eventwalment isir skond il-prijoritajiet li se jiġu stabbiliti .

Xogħlijiet ta' manutenzjoni f'fond privat

Question

Tista' il-Ministru tawtorizza li immedjatament isiru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni fix-shaft tal-fond indikat separatament, minħabba l-ħsarat kawżati bin-nirien li ħakmu appartament li jinsab biswit tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ġie approvat u ser isir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar fil-futur immedjat. Ninsab infurmata wkoll li t-tiswijiet fl-appartament effettwat mill-ħruq diġa tlestew mill-istess Dipartiment.

Food and veterinary regulation division — Qtates ta' San Anton

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11536 u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta li kienet qed titmexxa minn uffiċjal tal-food and veterinary regulation division dwar it-trasferiment mhux awtorizzat tal-qtates ta' San Anton għal Wied Inċita? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' l-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Vjal il-Ħaddiem, Rabat — Zebra crossing

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex f'sena u nofs iż-zebra crossing fil-parti t'isfel fi Vjal il-Ħaddiem, fir-Rabat u cioe' li tinsab fil-housing estate, baqgħet ma nxtelgħitx? Jista' jara li tiġi rimedjata din il-problema għar-residenti, issa li t-tfal jinsabu bil-vaganzi tas-sajf?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi se jittieħdu l-passi neċessarji sabiex din l-issue tiġi rimedjata mill-aktar fis possibli.

Persuni bid-diabete

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13608 u jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li skond id-dipartiment tas-saħħa jsofru permanentement mill-mard tad-diabete? X'eta' għandhom dawn il-persuni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment ta' l-agrikoltura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-agrikoltura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ staff fid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura ma żdiedx fis-sena 2005.

Dipartiment tas-sajd — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment tas-sajd matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u d-Dipartiment ta’ l-Akwakultura ġew inkoporati fit-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd fis-sena 2002 u ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċjali u staff ieħor li daħlu matul is-sena 2005 huma dawn li ġejjin: Numru ta’ Impjegati Grad Kwalifiki 1 Fisheries Protection Officer bil-Kuntratt Higher National Diploma in Mediterranean Fisheries and Aquaculture 1 Casual Substitute Clerk bil-kuntratt ECDL full certificate plus 8 O levels and 1 A level 1 Casual Substitute Clerk bil-kuntratt ECDL full certificate plus 6 O levels

Dipartiment ta' l-akwakultura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-akwakultura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 13709.

Dipartiment għall-affarijiet rurali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment għall-affarijiet rurali matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jekk l-Onor. Interpellant b’Dipartiment għall-Affarijiet Rurali qiegħed jirreferi għad-Direttorat ta’ l-Iżvilupp Rurali, ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ staff fid-Direttorat ma żdiedx fis-sena 2005.

Dipartiment ta' l-ambjent

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-ambjent matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru mitlub jinnota li d-Dipartiment ta’ l-Ambjent ġie amalgamat ma’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, illum l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u għalhekk ma jeżistix f’pajjiżna Dipartiment ta’ l-Ambjent.

Djar — Bdil ta' appartamenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' familji f"Malta u Għawdex li fil-preżent għandhom talbiet pendenti sabiex jibdlu l-appartamenti tagħhom mikrija mingħand il-gvern stess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 491 talba pendenti biex inkwilini jibdlu l-appartament li jgħixu fih mikri mill-Gvern.

Djar — Talbiet għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' familji f'Malta u Għawdex li fil-preżent qed jgħixu f'bini perikoluż minħabba li għad għandhom it-talbiet tagħhom pendenti għal akkomodazzjoni alternattiva quddiem l-awtoritajiet ta' l-istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 117-il talba pendenti dwar periklu.