Jista' il-Ministru jgħid fejn ġew trasferiti l-uffiċjali u l-ħaddiema li kienu jservu l-bdiewa fl-Extension Services tar-Rabat u s-Siġġiewi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali li kienu jservu l-bdiewa fl-Extension Services tar-Rabat u s-Siġġiewi ġew trasferiti sabiex jaqdu esiġenzi varji ta’ l-istess Dipartiment.
Rabat Extension Service – erba’ impjegati ġew assenjati hekk :
1 Jumejn fil-Pitkalija u tlett ijiem fir-Rabat Extension Service
1 Organic Farming Unit, Għammieri
1 IACS Department, Għammieri
1 Department of Corporate Services
Siggiewi Extension Service – żewġ impjegati ġew assenjati hekk :
1 Pitkalija
1 Crop Husbandry, Għammieri (b'effet mill-31 ta' Ottubru 2005)
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Promozzjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ħadu promozzjonijiet matul l-2004 fil-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu?
F'liema gradi u xi kwalifiki kellhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien hemm ħmistax (15)-il persuna li ħadu promozzjoni matul l-2004 fid-Diviżjonijiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, dsagħtax (19) fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u tlieta (3) fil-kumpanija Wasteserv Malta Limited. Il-Gradi u l-kwalifiki huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Spiża tas-safar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tas-safar fl-ewwel disgħa xhur ta' din is-sena tal-ministeru, tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Kemm minnha tħallsu diġa'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża globali tas-safar fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent hija ta’ Lm 152,121.132. Minn din l-ammont ta’ Lm 111,483.31 irid jiġi rimborsat mill-Unjoni Ewropea.
L-ammont li tħallas huwa ta’ Lm 110,708.96.
Ninsab ukoll infurmat li l-ispiża f'safar li għamlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, jiġifieri sal-31 ta' Awwissu 2005, hija ta' Lm 57,803. Il-figuri għax-xahar ta' Settembru għadhom ma ġewx ippublikati. L-ammont ta’ Lm 16,794.46 se jiġi rimborsat mill-Unjoni Ewropea.
Mill-ispiża msemmija fuq, sal-31 ta' Awwissu 2005 kien għad hemm Lm 3,212 mhux imħallsa.
L-ispiża tas-safar li għamlet il-kumpanija Wasteserv Malta Limited fl-ewwel disa’ xhur ta' din is-sena tammonta għal Lm 16,315.54, u minn din se jiġi rimbursat l-ammont ta’ Lm 2,806.31 mill-Unjoni Ewropea.
Miċ-ċifra hawn fuq imsemmija, Lm 11,526.11 ġew mħallsa.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Għasel ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin ta' l-għasel li nieda l-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li għalkemm ma ntefqux flus fuq promozzjoni ta’ prodotti ta’ l-għasel, saru diversi attivitajiet biex jingħata għarfien lil prodotti tal-għasel u qed jitwettaq proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex dan is-settur ikompli jiżviluppa.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Ġbejniet friski
Question
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin tal-ġbejniet friski tan-nagħaġ li nieda l-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ ta' laħam li ġie pproċessat fl-impjant il-ġdid tad-deboning? Min qed iħaddem dan l-impjant u kemm hu n-numru ta' biċċiera li llum jaħdmu dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-impjant il-ġdid tad-deboning u cutting ġie Dry Commissioned riċentament u filwaqt li qed issir il-ħidma ħalli jsir Full Commissioning għaddejjin konsultazzjonijiet ma’ proċessuri u dalwaqt mal-Koperattivi biex l-operat ta’ l-impjant jitmexxa minnhom.
Peress li wara nofs leġislatura l-ministeru ħalla l-mużew ta' l-inbid fil-Buskett żdingat u magħluq f'dawn il-ġonna daqstant frekwentati mill-pubbliku u t-turisti, jista' il-Ministru jara li dan il-mużew jinfetaħ u jinżamm nadif?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid ma li għidt fit tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 10234, 10235 u 10237.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ingħalqu l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Extension Services għadhom jingħataw għalkemm mhux neċessarjament minn ċentri bħar-Rabat u s-Siġġiewi.
F’dan l-isfond sar re-deployment ta’ uffiċjali biex dawn jaqdu funzjonijiet oħrajn skond l-eżigenzi tad-Dipartiment u biex ikunu ta’ aktar servizz lill-bdiewa.
Food and Veterinary regulation division — Qtates ta' San Anton
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 11536 u 13737 u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta li kienet qed titmexxa minn uffiċjal tal-food and veterinary regulation division dwar it-trasferiment mhux awtorizzat tal-qtates ta' San Anton għal Wied Inċita? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' l-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-veterinarju li mexxa l-inkjesta msemmija.
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kien in-numru ta' bdiewa li wżaw iċ-ċentri tal-biedja sena b'sena, matul il-ħames snin li għaddew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta’ min jinnota li ż-żieda li kien hemm mhix riflessjoni ta’ użu aktar qawwi matul is-sena kollha imma ta’ użu qawwi f’perjodu qasir meta jkun hemm sejħa għall-għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu jew se jitħallsu l-konsulenti nvoluti fid-disinn ta' l-ENOTEKA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-konsulenti Taljani taw servizz għall-proġett integrat għal Enoteka b’riżultat ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bit-titlu Capacity Building in Malta – Oenology Unit.
Jista' il-Ministru jinformani x'se jsir mill-ENOTEKA meta tiġi żviluppata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li la darba tiġi żviluppata l-Enoteka, din ser tintuża biex jiġu organizzati attivitajiet ta' promozzjoni kemm għall-inbid Malti kif ukoll għall-prodotti agro-alimentari oħra bħal ma huma l-ġbejniet, it-tadam mqadded, iż-żejt taż-żebbuġa u l-għasel. Il-Mużew li hemm fil-kumpless ta' l-Enoteka ser jiġi ri-abilitat sabiex iservi ukoll bħala strument biex jiġbed lin-nies u biex isir attività promozzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu f'konsulenza l-AIS Ltd. matul din il-leġislazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited tħallset Lm 202,620.18 għal servizzi tekniċi relatati mal-proġett ta’ l-inċineratur b’valur ta’ investiment li jlaħħaq madwar Lm 4.5 miljun, u li qed jiġi ffinanzjat mill-Ħames Protokoll Taljan. Il-proġett jirrekjedi speċjalizzazzjoni u assistenza teknika, liema teknika naturalment, ma tinstabx fis-Servizz Pubbliku. Is-servizzi mogħtija mill-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited jinkludu analiżi xjentifika ta’ materjal, kif ukoll servizzi relatati ma’ informazzjoni teknika mitluba mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Ta’ min iżid li n-Note Verbale rigward dan il-proġett iffinanzjat mill-Ħames Protokoll Taljan jirrikonoxxi lill-kumpanija Advanced Industrial Systems Ltd bħala konsulenti tekniċi għall-finijiet ta’ dan il-proġett.
Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent — Direct orders
Question
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kien in-numru ta' direct orders li ħarġu mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena?
Kemm kien l-ammont f'ċifra ta' kull direct order separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.