Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riżorsi u Infrastruttura — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi l-ispiża fl-għoli tal-prezz tal-fuel fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, hi stmata li ser tkun ta’ Lm18,745 fis-sena.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għad irid jinġabar it-tagħrif mitlub minn diversi entijiet, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li huwa kkalkulat li ż-żieda ta’ 4ċ fuq il-prezz tal-fuel li rriżultat nhar it-3 ta’ Ottubru, 2005 hija kif muri hawn taħt: 1. Transport fuel madwar Lm 420 fis-xahar 2. Non-Transport fuel madwar Lm 1230 fix-xahar Din iż-żieda huwa stmat li ser tiswa lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) Lm538 fit-tliet (3) xhur li ġejjin. Kif ukoll, qed jiġi kkalkulat li l-ispiża ta' 4ċ fuq l-għoli tal-prezz tal-fuel ħa tiswa lill-kumpanija WasteServ Malta Limited ammont addizzjonali ta' Lm16,071.22 fis-sena.

EU — Sussidju fuq butir u ġobnijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' butir u ġobnijiet lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas erba’ (4) darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzu tas-sena ta’ wara. Fis-sena 2004, ninsab infurmat li, rigward l-importazzjoni tal-butir saru l-pagamenti li jmiss: Mejju - Ġunju: Lm 6,273.70 Lulju - Settembru: Lm 104,115.98 Ottubru - Diċembru: Lm 103,023.24 Total ta' Lm 213,412.92 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' butir s'issa saru pagamenti kif jidher hawn taħt : Jannar - Marzu: Lm 48,627.43 April - Ġunju: Lm 97,332.77 Total ta' Lm 145,960.20 Ma ingħata l-ebda sussidju fuq il-ġobnijiet. Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

Rabat/Siġġiewi — Extension Services

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14522, jista' il-Ministru jgħid x'sens jagħmel li jżarma l-extension services tar-Rabat u Siġġiewi u jsostni li l-bdiewa qed jingħataw servizzi aktar? Jista' jikkunsidra mill-ġdid li jerġa' isaħħaħ lura l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħal ma diġa ġie msemmi fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari No. 14010, is-servizz ta' extension services għadhom jingħataw. Din l-għajnuna qiegħda tingħata lill-bdiewa direttament mis-sezzjonijiet relattivi skond l-esiġenza tal-biedwa. Għalhekk, il-biedwi qiegħed jirċievi għajnuna iktar diretta u speċifika.

Extension Services

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14010, jista' il-Ministru jinformana liema huma s-servizzi li żdiedu għall-bdiewa b'effett ta' l-għeluq ta' l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor Interpellent għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nu.14708.

Ipproċessar ta' laħam

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14008, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' biċċiera li għandhom il-kapaċita' tad-deboning and cutting fil-mument fil-Biċċerija? Għaliex mhux jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-biċċiera kollha li jaħdmu fil-biċċerija huma kollha mħarrġa fis-sengħa ta' l-ispulpjar u qtugħ tal-laħam. Ta’ min iżid li dawn attendew kors tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.

Ċentri tal-biedja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14523, jaqbel il-Ministru li jkun aktar prattiku li fid-dawl tan-numru kbir ta' bdiewa li għadhom jużaw l-extension services, jerġa' jirristruttura aħjar l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa ġie spjegat inħasset il-ħtieġa li jsir użu aħjar tal-ħaddiema mxerdin fid-diversi ċentri ta' 'extension services'. Il-pariri tekniċi se jingħataw xorta waħda minn uffiċjali speċjalizzati fl-oqsma diversi ta’ l-agrikoltura bħala parti mix-xogħol regolari tagħhom.

Bdiewa — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u sajjieda separatament għall-immodernizzar ta' makkinarju, bini ta' strutturi u rziezet matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f'Ġunju 2005 saru 71-il kuntratt li ammuntaw għal Lm1,006,520 ma’ bdiewa u raħħala li kienu applikaw għall-ewwel sejħa tal-miżura dwar Investiment fi Strutturi Agrikoli li kienet għalqet f'Ottubru 2004. Minn dawn kien hemm 21 raħħal li ġew allokati Lm531,639 u 50 bidwi li ġew allokati Lm474,881. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat lis-sajjieda minn Jannar sa Settembru 2005 tammonta għal Lm347,408.60.

EU — Għaġin, ross u żejt tat-tisjir

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm kienu l-kwantitajiet ta' għaġin, ross, żejt tat-tsjir u dqiq li l-gvern talab lill-Unjoni Ewropea għan-nom tal-familji Maltin u Għawdxin li qed jesperjenzaw xi forma ta' faqar minn wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor Membru aktarx li qed jirreferi għall-miżura ta’ l-Unjoni Ewropea Regolament Numru EEC Reg 3149/1992 kif amendata bir-Regolament Numru 1903/2004, rigward il-provvista ta’ ikel minn intervention stocks għal dawk l-aktar fil-bżonn fil-kommunità. Il-proċedura hija li l-iStati Membri jintalbu jindikaw sal-15 ta’ Frar tas-sena preċedenti lill-Unjoni Ewropea jekk humiex se jipparteċipaw f’din il-miżura, u fil-każ affermattiv l-iStati Membri għandhom sal-31 ta’ Mejju ta’ l-istess sena, sabiex jinfurmaw lill-Kummisjoni, fost l-oħrajn bil-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ prodott. Fil-każ ta’ Malta fl-2004 intalbet din l-għajnuna: Ross: 2,500 Tunnellata Pasta: 1,000 Tunnellata Ħalib: 100 Tunnellata Laħam: 60 Tunnellata Kemm attwalment ġie allokat lil Malta permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4356 Ross: 1,383 Tunnellata Pasta: 553 Tunnellata Ħalib: 55 Tunnellata * * Għotja ta’ 113,404 Euros biex jinxtara ħalib mis-Suq Kommunitarju Il-valur totali tal-programm tas-sena 2005 huwa ta’ 347,642 Euros Il-Kummissjoni tippubblika l-pjan ta’ tqassim ta’ ikel għas-sena li ssegwi fil-bidu ta’ Ottubru. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara jekk bil-Mistoqsija Parlamentari qed jimplika li l-faqar tal-familji Maltin u Għawdxin, li għalih qed jirreferi, seħħ wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Nittama wkoll li l-Onor. Membru jaqbel li pajjiżna ma jitlef ebda opportunità mill-programmi li toffri l-Unjoni Ewropea inklużi dawk bi bżonnijiet partikolari.

Junior lyceum ta' Ħandaq — Għalliem ta' l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex xi klassijiet fil-Form 3 fil-junior lyceum tal-Ħandaq għadhom bla għalliem ta' l-Ingliż? Jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mmedjatament għall-benefiċċji ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' għalliem ta' l-Ingliż fil-Liceo tal-Ħandaq kienet rimedjata fl-4 ta' Ottubru 2005 billi ntbagħtet għalliema ta' l-Ingliż.

Studenti mill-Baħrija

Question

Jista' il-Ministru jara li 18-il student mill-Baħrija l/o Rabat li jmorru l-junior lyceum tal-Ħandaq jibdew jaslu bil-van sa l-iskola imsemmija direttament u mhux nofs triq kif qed jiġri llum? Jista' jara li jkun hemm ħinijiet aktar diċenti u ta' lanqas jitilqu fis-7.00 a.m. u mhux fis-6.15 a.m. għall-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi meħtieġa.

EU — Sussidju fuq importazzjoni ta' zokkor

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni taz-zokkor lill-imprendituri lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fuq sussidju taz-zokkor wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, il-Gvern ħallas Lm1,659,341 fit-2004 u Lm1,090,443 fit-2005 (s'issa).

EU — Sussidju fuq laħam aħmar

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' laħam aħmar (beef) lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas 4 darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzu tas-sena ta’ wara. Fis-sena 2004, rigward l-importazzjoni ta' laħam aħmar, ninsab infurmat li saru l-pagamenti li jmiss: Mejju - Ġunju: Lm 23,181.14 Lulju - Settembru: Lm 48,254.69 Ottubru - Diċembru: Lm 57,826.09 Total ta' Lm 129,261.92 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' laħam aħmar, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 53,423.14 April - Ġunju: Lm 66,966.79 Total ta' Lm 120,389.93 Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

EU — Sussidju fuq qmuh u ċereali

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' qmuh u ċereali lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas erba’ (4) darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzutas-sena ta’ wara. Rigward l-importazzjoni ta’ xgħir, fis-sena 2004 saru pagamenti kif jidher hawn taħt: Mejju - Ġunju: Lm 81,846.05 Lulju - Settembru: Lm 77,536.15 Ottubru - Diċembru: Lm 193,048.07 Total ta' Lm 352,430.27 Rigward l-importazzjoni ta' qamħirrun, fis-sena 2004 saru pagamenti kif jidher hawn taħt: Mejju - Ġunju: Nil Lulju - Settembru: Lm 144,610.56 Ottubru - Diċembru: Lm 494,842.60 Total ta' Lm 639,453.16 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' xgħir, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 68,086.98 April - Ġunju: Lm 150,388.62 Total ta' Lm 218,475.60 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' qamħirrun, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 42,330.70 April - Ġunju: Lm 130,640.73 Total ta' Lm 172,971.43 Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Prodotti Maltin

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin bħal tiġieġ, majjal, ċanga, ħalib frisk, tadam, u nbejjed separatament li nieda l-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Plots tal-HOS fir-Rabat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitħaffu l-proċeduri neċessarji kollha mmedjatament sabiex isiru l-kuntratti tal-plots tal-Home Ownership Scheme tar-residenti f'għar Barka r-Rabat, Malta, liema kuntratti ilhom fuq bażi ta' konvenju għal aktar minn 20 sena?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 995 u Nru. 4779.

Djar — Plots tal-HOS fir-Rabat

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga u tirrimedja b'soluzzjoni l-fatt li l-plots tar-residenti ta' Għar Barka fir-Rabat, Malta għadhom abbażi ta' konvenju minkejja li ilhom li ġew allokati lilhom aktar minn 20 sena ilu? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma tistax tasal għall-kuntratti finali dwar il-postijiet fuq l-art indikata mill-Onor. Interpellant għax għad ma għandhiex titolu legali fuq l-istess art.

Dipartiment tat-taxxi interni — Taxxa fuq il-bejgh ta' ħaxix u frott

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformana kemm kien id-dħul tad-dipartiment tat-taxxi interni mit-taxxa l-ġdida ta' 3% li introduċa l-gvern fuq il-bejgħ tal-ħaxix u frott frisk lokali li jdaħħlu l-bdiewa fil-pitkalija ċentrali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammonti ta’ taxxa finali ta’ 3% li nġabret mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni huma kif ġej: Lm158,177.67 matul is-sena 2004 Lm201,873.95 sa l-aħħar ta’ Settembru 2005

Disinn ta' l-Enoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13998 jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-ħlas li rċevew il-konsulenti għas-servizz tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assistenza teknika kienet ipprovduta permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Ma kienx hemm ħlasijiet speċifikament deskritti bħala ‘konsulenza fuq l-Enoteka.’