Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezz tal-Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15902 u jinformana kemm kien il-prezz medju tal-majjal f risk fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru globali ta' għalliema li matul l-ewwel term tas-sena skolastika ħadu leave u sick leave? Kemm kien in-numru ta' ġranet ta' sick leave u leave li ħadu l-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul dan l-ewwel term tas-sena skolastika preżenti, kien hemm 1,004 għalliema li bejniethom ħadu 3,277 ġurnata sick leave. Informat ukoll li l-għalliema m'għandhomx vacation leave. Huma jgawdu l-vaganzi ta' l-iskola (mid-term, Milied, Karnival, Għid u tas-Sajf) flimkien ma' l-istudenti tagħhom.

Skema ta' Export Refund

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15872, jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus li pajjiżna jrid jiġbor mill-Unjoni Ewropea f'export refunds għas-snin 2004 u 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija tal-Pagamenti m’għandha tiġbor l-ebda ammont f’export refunds mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2004 u 2005. Ta’ min iżid ukoll li l-operaturi Maltin ftit li xejn jibbenefikaw mill-export refunds.

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15876 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ħaddiema ta' l-Enemalta dwar l-assigurazzjoni ta' l-impjieg tagħhom mal-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Bil-liġijiet ta pajjiżna, ebda persuna la għandha u la qatt kellha -anki taħt Gvernijiet Laburista- tali assigurazzjoni.

Agriculture Holdings

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15873, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-investiment f'ċifra ta' flus propost mill-290 applikant li talbu s-sussidju in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont totali ta’ investiment taħt il-Miżura 3.1 kien ta’ Lm 2,130,682.44.

Skema ta' Export Refund

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15867, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ġewx imħejjija qabel? Min kien responsabbli li jħejji din l-iskema fl-2004 u fl-2005? Xi kwalifiki kellu jew kellha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ Export Refunds huwa wieħed kumpless ħafna u jirrikjedi spejjeż amministrattivi qawwija meta mqabbla mal-fatt li dawn ftit li xejn jibbenefikaw minnhom operaturi lokali. Minkejja dan il-proċess biex jiġi pproċessati l-export refunds hu fi stadju avvanzat. Il-Kapijiet ta’ l-Aġenziji tal-Pagamenti li kienu ngaġġati b’kuntratt definit u skond kriterji approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz pubbliku kienu responsabbli għat-tħejjijiet ta’ din l-iskema.

Qatla taċ-ċanga friska

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla taċ-ċanga friska matul is-sena 2006/2007 separatament fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar miżati.

Qatla tal-majjal frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla tal-majjal frisk matul is-sena 2006/2007 separatament fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16101.

Qatla tal-bhejjem

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla tal-bhejjem li jużaw il-biċċerija ta' l-emerġenza matul is-sena 2006/2007 fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16101.

Baħrija — Fawran tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol ta' estensjoni tad-drenaġġ fil-Baħrija? Tista' tara li x-xogħlijiet jitlestew matul l-2006 ħalli residenti ma jsibux aktar inkonvenjent ta' fawran tad-drenaġġ mill-fossa li minkejja li l-Baħrija kibret għada tassorbi?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif diġa għidt waqt id-dibattitu dwar l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, din il-Korporazzjoni qed tistudja tlett għażliet biex tissolva l-problema tad-drenaġġ tal-Baħrija cioe: 1. li titkabbar il-fossa komunali eżistenti. Din l-irħas għażla iżda tkun soluzzjoni temporanja biss. 2. li jsir impjant żgħir tat-trattament tad-drenaġġ indipendenti u li jservi biss lill-Baħrija. 3. li s-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija titqabbad b'mod konvenzjonali ma dik eżistenti fir-Rabat. Hu ppjanat li sa ftit xhur oħra il-Korporazzjoni jkollha feasability study dwar dawn il-possibilitajiet kif ukoll indikazzjoni ta' l-ispejjeż involuti. Għalhekk ikun primatur jekk inbassar minn issa meta x-xogħolijiet neċessarji se jkunu lesti.

Produzzjoni lokali tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex meta l-produzzjoni lokali tat-tjur tas-simna waqgħat b'40% wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea ma ġewx applikati s-salvagwardji tal-biedja mwiegħda mill-gvern f'ċirkostanzi bħal dawn? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-monitoring reports li saru u jinformana f'liema livell aktar baxx trid taqa' il-produzzjoni in kwestjoni biex jiġu applikati salvagwardi mwiegħda qabel ir-referendum mill-Gvern Nazzjonalista?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru t-tnaqqis fi produzzjoni minn Jannar – Ottubru 2004 sa Jannar – Ottubru 2005 kienet ta’ 26.5 fil-mija (live weight). Din iċ-ċifra, però, tinkludi qatla li saret minn numru ta’ impjanti wisq aktar milli hemm illum. Filwaqt li l-montoraġġ isir fuq bażi kontinwu u fuq diversi fronti, is-salvagwardja ma tistax tiġi applikata awtomatikament u l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għall-Artiklu 37 tat-Trattat ta’ Sħubija u l-Avviż Legali 234 fejn hemm indikati l-miżuri protettivi li wieħed jista’ jieħu jekk tingħata approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Ta’ min iżid li pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw problemi simili fis-settur tat-tjur. Peress li rapporti ta’ monitoraġġ huma informazzjoni ta’ natura kummerċjali, mhux etika li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Studenti li jitilqu l-iskola qabel iż-żmien

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li matul din is-sena ngħataw il-permess li jħallu l-iskola qabel is-16-il sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li ngħataw il-permess li jħallu l-iskola qabel is-16-il sena matul din is-sena huwa hekk:- 01/01/2005 - 14/09/2005 : 83 student 15/09/2005 - 07/12/2005 : 12 student

Air Malta — Bdoti/crew

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15014 u jgħid sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin kemm kien in-numru ta' bdoti u membri tal-crew ta' l-Airmalta li rriżenjaw mix-xogħol mal-kumpannija nazzjonali? Jista' jagħti tagħrif dwar ir-reklutaġġ li sar fl-istess perijodu għall-istess karigi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta' bdoti u membri tal-Cabin Crew tal-Air Malta, kemm Maltin kif ukoll barranin, li rreżenjaw mix-xogħol matul dawn l-aħħar ħames snin (Ott. 1999 sa Sett. 2005) ġie aġġornat sa' Novembru 2005 għal seba' u erbgħin (47) bdot u sittax (16) il-Cabin Crew waqt li r-reklutaġġ fl-istess perjodu li ġie aġġornat sa Novembru 2005 għal dawn il-kategoriji baqa' ta' wieħed u disgħin (91) bdot u tlieta u ħamsin (53) Cabin Crew. Id-dettalji, li jinkludu ir-reklutaġġ u r-riżenji li temmew l-impjieg qabel iż-żmien, huma aġġornati sena b'sena kif murija fiż-żewġ tabelli li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Produzzjoni tal-Majjal — Sussidju fuq Dawl/Ilma/Fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15841, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jinformana kemm huwa l-ammont ta' flus allokat għas-sussidju fuq dawl, ilma u fuel għal min qiegħed fil-qasam tal-produzzjoni tal-majjal sabiex dawn ma jintlaqtux negattivament bis-surcharge ta' 55% fuq il-kontijiet tad-dawl u enerġija u prezzijiet għolja ta' fuel? Kif ser jitħallsu dawn il-flus lill-produtturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16071.

Serer — Sussidju fuq Dawl/Ilma/Fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15839, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jinformana kemm huwa l-ammont ta' flus allokat għas-sussidju fuq dawl, ilma u fuel għal min qiegħed fil-qasam tal-produzzjoni ta' serer sabiex dawn ma jintlaqtux negattivament bis-surcharge ta' 55% fuq il-kontijiet tad-dawl u enerġija u prezzijiet għolja ta' fuel? Kif ser jitħallsu dawn il-flus lill-produtturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16071.

Fossa fil-Baħrija

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-fossa tal-Baħrija mhux titnaddaf fil-ħin? Peress li qed tfur ta' spiss, jista' il-Ministru jara li ssir spezzjoni immedjata sabiex tiġi rimedjata l-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma se tagħmel spezzjonijiet aktar regolari u se jittieħdu passi biex il-kuntrattur jesegwixxi l-obligi kollha tal-kuntratt li għandu.

Marsa — Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess li l-MEPA ħarġet għall-bini ta' l-inċineratur fil-biċċerija tal-gvern tal-Marsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata f'Seduta oħra.

Biċċerija — Ċumnija ta' l-inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex iċ-ċumnija ta' l-inċineratur fil-biċċerija ma saritx għolja 35 metru kif kienet ipproġettata fl-ewwel disinn tal-kuntrattur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-għoli taċ-ċumnija fil-proġett ta' l-inċineratur il-ġdid ġiet immodifikata bħala konsegwenza ta' l-iżviluppi teknoloġiċi f'dan is-settur. Qabel ma ġiet addottata din il-modifika, saru l-eżamijiet kollha meħtieġa kemm fir-rigward ta’ kontroll ta’ emmissjonijiet ambjentali kif ukoll tas-sistemi ta' sigurezza fl-impjant innifsu, li jassikura kontroll kontinwu tal-proċess ta' inċinerazzjoni.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm hija kkalkolata l-ispiża tad-diesel għall-inċineratur il-ġdid li qed jiġi żviluppat fil-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qed tiġi kkalkolata l-ispiża annwali tad-diesel biex jitħaddem l-inċineratur fil-qafas ta’ l-arranġament li qed isir biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta’ l-operat ta’ l-inċineratur.