Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkali tal-ħut — Kummissjoni

Question

Jista' il-Ministru jara li titħallas il-kummissjoni tal-pitkali tal-ħut peress li ilha pendenti sa minn Awissu 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej eżerċizzju biex jinġabru flus dovuti minn xerreja tal-ħut li ttraskuraw il-pagamenti tagħhom u qabżu l-perjodu ta' kreditu ta' ħames t'ijiem previst mill-prassi normali tat-tmexxija tal-pixkerija. Il-pitkala għandhom responsabbiltà lil min ibiegħu l-ħut u qiegħdin jgħinu biex dan l-eżerċizzju jkollu l-iktar eżitu pożittiv possibbli. Meta jintemm dan il-eżerċizzju tkun tista' tinħadem il-kummissjoni kif suppost tal-pitkala, u għalhekk ikun jista’ jsir il-ħlas. Huwa previst li l-ħlas ser isir fil-ġimgħat li ġejjin meta l-ewwel fażi ta' l-eżerċizzju msemmi tkun finalizzata.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16004, jista' il-Prim Ministru jgħid l-ammont dovut globali huwa dak Lm3,913,112 biss jew inkella jinkludi l-ammonti msemmija għas-snin rispettivament skond id-domanda in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ Lm3,913,112 jikkorispondi għas-sena 2004 biss.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16004, jista' il-Prim Ministru jgħid l-ammonti jkoprux il-pendenzi tal-kumpannijii wkoll? F'każ li le, jista' jinformana kemm fil-fatt huma l-pendenzi tal-kumpanniji għar-rigward tal-bolli ta' l-NI?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammonti murija f’tabella (a) tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 16004 jinkludu wkoll l-ammonti dovuti mil-kumpaniji tas-sehem tagħhom tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-Ewwel Klassi ta’ l-impjegati tagħhom.

EU — Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li matul l-2005 pajjiżna ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-dwana ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li pajjiżna attwalment fl-2005 ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-Dwana ta’ Malta (Traditional Own Resources) is-somma ta’ Lm4,261,347.50.

Awtorita' tad-djar — Lifts

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' lifts f'appartamenti ta' l-awtorita' tad-djar li jinsabu wieqfa minħabba ħsarat jew diffikultajiet ta' ksur ta' ftehim?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta’ għall-manutenzjoni, tiswijiet u l-ħlas tal-konsum tad-dawl tal-lifts stallati mill-Awtorita’ tad-Djar fi blokki tal-Gvern hi ta’ l-inkwilini jew is-sidien ta’ l-appartamenti f’dawk il-blokki. Fil-fatt, il-ftehim għall-manutenzjoni tal-lift isir bejn il-kuntattur u l-inkwilini u/jew sidien, li jirrapurtaw ħsarat direttament lill-kuntrattur. Għal dawn ir-raġunijiet l-Awtorita' ma żżommx l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Testijiet tal-BSE

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' testijiet tal-BSE li saru matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont totali ta’ annimali (bovini, ovini u kaprini) li sarulhom testijiet tal-Bovine Spongiform Encephalitis (BSE) matul is-sena 2005 kien ta’ 3,320.

Biċċerija tal-Marsa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm sewa flus s'issa l-proġett ta' l-inċineratur fil-biċċerija tal-Marsa? Kemm diġa' tħallsu minn dawn l-ispejjeż? Jista' jagħtina breakdown tal-pagamenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' l-inċineratur fil-Biċċerjia tal-Marsa huwa proġett iffinanzjat mill-Protokol Taljan. Sa Diċembru 2005 tħallsu Euros 6,143,250 lill-Kuntratturi Taljani, u Lm131,627.24 għal konsulenza u servizzi professjonali fuq il-proġett, skond kif huwa stipulat fil-Protokol Finanzjarju stess.

Prodotti tat-Tjur mit-Turkija

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk ġewx importati tjur u/jew prodotti tat-tjur mit-Turkija qabel feġġet il-marda tal-bird flu? Jekk huwa l-każ, jista' jinformana x'passi ttieħdu fuq dawn il-kunsinji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma ġewx importati tjur u/jew prodotti tat-tjur mit-Turkija qabel feġġghet il-marda.

Prezz tal-Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15908 u jinformana kemm kien il-prezz medju taċ-ċanga friska fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Prezz tal-Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15903 u jinformana kemm kien il-prezz medju tal-laħam tat-tiġieġ fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-prezz medju tal-laħam tat-tiġieġ at farm gate level matul is-sena 2004 kien ta’ Lm69.69 kull 100kg (deadweight). Matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-prezz medju kien ta’ Lm 68.63 kull 100kg (deadweight). Ma hemmx statistika għas-snin l-oħrajn li talab l-Onor. Membru.

Prezz tal-Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15905 u jinformana kemm kien il-prezz medju tal-laħam tal-fenek fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-prezz medju tal-laħam tal-fenek at farm gate level kien ta’ Lm 3.661. Ma ssirx distinzjoni f’dan il-prezz bejn Malta u Għawdex. Ma hemmx statistika għall-ħames snin li għaddew.

Importazzjoni ta' Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15909 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjnet u li issa ġiet riferuta lilu u jinformana jekk ġietx investigata l-aħħar sitwazzjoni fejn tiġieġ ġew importati b'dump price b'riżultat li l-produzzjoni lokali ġiet affettwata? Jekk fin-negattiv, jista' jinvestiga?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Diviżjoni għall-Konsumatur u Kompetizzjoni investigat il-prezzijiet li bihom kien qiegħed jinbiegħ t-tiġieġ impurtat u ma rriżultax li kien hemm ksur ta' l-Att dwar il-Kompetizzjoni għax it-tiġieġ ma kienux qed jinbiegħu taħt l-average variable cost.

Importazzjoni ta' Tiġieġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15909, jista' il-Ministru jara li l-ministeru tiegħu jkompli jsegwi l-każ ukoll? Jekk huwa l-każ, jista' jinformana bl-iżviluppi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15909, l-Onor. Interpellant għandu jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

EU — Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li matul l-2004 pajjiżna ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-dwana ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li pajjiżna attwalment fl-2004 ħallas lill-Unjoni Ewropea mid-dħul tad-Dwana ta’ Malta (Traditional Own Resources) is-somma ta’ Lm2,186,022.

Direttur Ġenerali għas-servizzi veterinarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15862 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex ma ġiex appuntat direttur ġenerali għas-servizzi veterinarji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Nterpellant issa tissejjah “Direttur Generali, Servizzi Veterinarji u Sajd”. Il-post ġie reklamat permezz ta’ Ċirkulari ta’ l-OPM Numru 34/2005 fis-17 ta’ Awwissu 2005, ġew intervistati numru ta’ kandidati, iżda l-proċess ta’ l-għazla għadu ma ġiex finalizzat.

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u Servizzi Rurali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15863 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex għadu ma ġiex appuntat direttur ġenerali għall-agrikoltura u servizzi rurali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjoni li qabel kienet tissejjaħ “Direttur Generali, Agrikoltura u Żvilupp Rurali” issa inbidlilha l-isem u l-funzjoni u tissejjah “Direttur Generali, Servizzi Rurali u Kap tal-Paying Agency”. Il-post ġie reklamat permezz ta’ Ċirkulari ta’ l-OPM Numru 21/2005 datata 17 ta’ Mejju 2005. Il-kandidati ġew intervistati u mgħarrfa fit-8 ta’ Novembru 2005 li ħadd ma nstab idoneu biex jimla dan il-post.

Ħaddiema Għawdxin mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15898 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jassigurana li l-ħaddiema Għawdxin li l-water services corporation bagħtet mal-kunsill f'Għawdex ma jitilfux id-dritt li jirritornaw għax-xogħol li kellhom mal-korporazzjoni kemm-il darba ma jidrawx ix-xogħol mogħti lilhom bla konsultazzjoni ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema Għawdxin li ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali ta' Għawdex huma kollha uffiċjali pubbliċi li qabel kienu detailed mal-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma. L-imsemmija ħaddiema (li jammontaw għal 33) kellhom id-detailing tagħhom revokat minn ma' l-istess Korporazzjoni u ġew trasferiti mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jiġu assenjati lill-Kunsilli Lokali Għawdxin. Dan hu issa l-post permanenti tagħhom.

Prezz tal-Prodotti ta' l-Ikel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15904, jista' il-Ministru jinformana minn fejn tixtri l-ħalib frisk il-Malta Dairy Products Ltd. u jekk hijiex qed tixtri ħalib frisk li l-produtturi jipproduċu f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li l-Malta Dairy Products Ltd mhijiex kumpanija li l-Gvern għandu l-maġġoranza ta’ l-ishma.

Prezz ta' Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15900 u jinformana kemm kien il-prezz medju tal-bajd f risk fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-prezz medju tal-bajd frisk fis-sena 2004 kien ta’ Lm35.71 kull 100kg, jiġifieri 67ċ4-il kartuna. Din is-sena il-prezz medju fl-ewwel disa’ xhur kien ta’ Lm33.03 kull 100kg, jiġifieri 62ċ-il kartuna. (Dan il-prezz ma jistax jipparaguna mas-sena ta’ qabel minħabba li fil-ġranet tal-Milied dan jogħla). Ma teżistix statistika għall-ħames snin li għaddew.