Jista' il-Ministru jinformana kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-fenek matul l-2005 u fl-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Minħabba li l-industrija tal-fenek hija meqjusa bħala cottage industry, u s-Servizz Veterinarju huwa entità regolatorja, ma tinżammx statistika uffiċjali tal-produtturi tal-fniek u tal-produzzjoni tagħhom.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16300, jista' il-Ministru jaġġornana bl-istess informazzjoni għas-sena 2005 globali u għas-snin l-oħra globali wkoll, separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformana kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam frisk tat-tiġieġ tas-simna matul l-2005 globalment? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni ta' laħam frisk tat-tiġieġ kif jidher fid-database kienet kif gej:
2003 - 7,852,128 Kg
2004 - 6,176,245 Kg
2005 - 4,667,713 Kg
Ma kenitx tinżamm statistika fis-snin 2000, 2001 u 2002.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tadam għall-ipproċessar reġistrat f'Għawdex matul l-2005? Kemm kienet il-produzzjoni in kwestjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-produzzjoni tat-tadam għall-ipproċessar f’Għawdex matul l-2005 kienet tammonta għal 4,041,466 kilogramm filwaqt li fl-2004 u fil-2003 kienet 4,179,713 kilogramm u 3,716,822 kilogramm rispettivament. Qabel dawn is-snin ma kienitx tinżamm statistika separata għal-Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ, nisa u rġiel separatament, minn 35 sena 'l isfel li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel skema u fuq it-tieni skema? Kemm minnhom huma minn Malta u kemm huma minn Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija kkalkulata n-nefqa tad-diesel/fuel ta' l-inċineratur il-ġdid tal-biċċerija tal-Marsa? Kif se tiġi ffinanzjata din in-nefqa u min se jikkumpensa għall-ispejjeż tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16087.
B'riferenza għall-export refunds, jista' il-Ministru jinformana liema huma l-prodotti li huma suġġett għall-export refunds kif ukoll kemm huwa r-refund kull tunnellata u jekk japplikax l-export refund meta jkun applikat bħala kompożizzjoni fil-prodott?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16306, jista' il-Ministru jaġġornana aktar dwar l-investigazzjonijiet li saru u cioe' jinformana kemm u kif kienu l-prezzijiet li rriżultaw mill-investigazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li l-prezz mibjugħ lil tal-ħanut kien ta' 65c il-kilo għat-tiġieġ impurtat u bejn 70 u 75 ċenteżmu għall-prodott lokali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri fil-korp tal-pulizija li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul l-2005? Kemm minnhom sofrew problemi fiżiċi permanenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 73 membru tal-Korp li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Ħadd minn dawn ma jirriżulta s'issa li sofra xi problemi fiżiċi permanenti.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri ta' l-Armata li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-numru ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li weġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena 2005, kien ta’ ħamsa u erbgħin (45).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti ġodda matul l-2005 u kemm ġew imġedda? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Mis-sena 1990, il-passaporti ma baqgħux jiġu mġedda. Għaldaqstant, jinħareġ passaport ġdid meta jiġi mitlub jew meta passaport eżistenti jiskadi.
Ninsab infurmat illi n-numru ta' passaporti maħruġa matul l-aħħar ħames snin hu kif ġej:
Sena
Malta
Għawdex
Ambaxxati
Total
2001
27,992
1,905
3,565
33,462
2002
30,814
2,126
3,724
36,664
2003
33,331
2,204
3,745
39,280
2004
38,169
2,717
3,952
44,838
2005
34,635
2,609
3,261
40,505
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern f'dawk li huma export refunds fuq il-materja prima ta' l-ikel u l-prodotti ta' l-ikel mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea matul l-2004? Jista' jipprovdi wkoll dawn l-ammonti in kwestjoni għas-sena 2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Gvern ma rċieva l-ebda dħul f’dawk li huma export refunds fuq il-materja prima ta’ l-ikel u l-prodotti ta’ l-ikel mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004 u 2005.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji li talbu għajnuna lid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili matul l-2005, xahar b'xahar? Kemm minnhom kienu b'konnessjoni ma' maltemp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili irċieva 7,075 sejħa għall-għajnuna minn madwar Malta u Għawdex matul is-sena 2005. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji dwar dawn is-sejħiet.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-meat and deboning plant fil-biċċerija mhux jitħaddem? Kemm fil-fatt ilu magħluq dan l-impjant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16003. Ta’ min iżid jgħid li x-xogħol fuq l-impjant tlesta fis-sena 2005 iżda għadu jrid jiġi kommissjonat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permessi approvati mill-MEPA għall-bini ta' l-inċineratur u ta' l-imħażen tad-diesel fil-biċċerija tal-Marsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) approvat il-bini ta' l-inċineratur u ta' l-imħażen tad-diesel fis-seduta tas-19 ta' Jannar 2006. L-aċċess għall-pjanti huwa rregolat bl-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp.