Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' l-ilma tax-xorb f'Malta u Għawdex separatament bħalissa? Għal kemm perijodu ta' żmien din il-ħażna sservi l-ħteġijiet tal-poplu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħażna tal-ilma tax-xorb f'Malta li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma bħalissa hija ta' madwar 267,500m3 f'Malta u madwar 43,000m3 f'Għawdex . Dawn il-figuri jsarrfu f'ħażna ta' madwar 3 ¾ ġranet u 5 ¾ ġranet rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna tal-petrol f'Malta u Għawdex separatament bħalissa? Għal kemm perijodu ta' żmien din il-ħażna sservi l-ħteġijiet tal-poplu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1710.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' diesel f'Malta u Għawdex separatament bħalissa? Għal kemm perijodu ta' żmien din il-ħażna sservi l-ħteġijiet tal-poplu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Membru jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1710.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' gass f'Malta u Għawdex separatament bħalissa? Għal kemm perijodu ta' żmien din il-ħażna sservi l-ħteġijiet tal-poplu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 11395.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-unika pompa bio diesel li hemm fir-Rabat mhux tingħata bio diesel? Jista' il-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex dan il-bżonn għall-komunitajiet tar-Rabat, Dingli u Imtarfa jiġu milħuqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni Enemalta mhix responsabbli mid-distribuzzjoni tal-bio diesel.
Huwa minnu li ngħataw struzzjonijiet sabiex jinħarġu applikazzjonijiet interni fl-MCAST sabiex żewġ persuni tal-qalba jilħqu managers? Huwa minnu li wieħed mill-applikanti li ġie mlaħħaq m'għandux il-kwalifiki neċessarji? Għaliex intgħażel? Għaliex persuni li għandhom ħames snin esperjenza ġew imwarrba sabiex jokkupaw il-kariga ta' estates manager?
Response (GALEA, LOUIS)
Bl-ebda mod ma jirriżulta li ngħataw struzzjonijiet biex "żewġ persuni tal-qalba" jilħqu managers fl-MCAST.
Informat li għall-aħħar tas-sena l-oħra ħarġu applikazzjonijiet interni għall-pożizzjoni ta' Health and Safety Manager u Precincts Manager fl-MCAST. Informat ukoll li ż-żewġ persuni magħżula jissodisfaw il-kriterji mitluba mill-applikazzjoni rispettiva.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdoti ta' l-ajru li rriżenjaw minn ma' l-Air Malta matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? X'esperjenza ta' sigħat ta' titjiriet (flights) kellhom? X'kienu r-raġunijiet li għalihom irriżenjaw
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' bdoti ma' l-Air Malta li rreżenjaw minn mal-kumpanija matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena huwa ta' ħamsa (5) Maltin (Malta Operations) u ħamsa (5) barranin (UK Operations).
L-esperjenza ta' siegħat ta' titjiriet (flying hours ) li kellhom dawn il-bdoti hija kif ġej:-
Bdoti Maltin - 35,854 siegħa
Bdoti barranin - 7,406 siegħa
Dawn il-bdoti rreżenjaw għal raġunijiet personali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdoti ma' l-Air Malta li fil-preżent ressqu r-riżenja tagħhom minn mal-kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' bdoti ta' l-Air Malta fil-preżent ressqu r-riżenja tagħhom minn mal-kumpannija huwa ta' żewġ bdoti maltin (Malta Operations) u tlett (3) bdoti barranin (UK Operations).
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' bdoti Maltin u barranin ma' l-Air Malta? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent, in-numru ta’ bdoti Maltin u barranin ma’ l-Air Malta huwa ta’ mija u erbgħin (140) bdot Malti (Malta Operations) u għoxrin (20) bdot barrani (UK Operations).
L-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b’sena, huwa kif ġej:-
Ø Titjiriet li joriġinaw minn Malta (Malta Operations)
Sena li għalqet Bdoti Maltin Bdoti Barranin
31 ta’ Marzu 2006 140 -
31 ta’ Marzu 2005 150 -
31 ta’ Marzu 2004 142 -
31 ta’ Marzu 2003 132 2
31 ta’ Marzu 2002 128 5
Ø Titjiriet li joriġinaw mir-Renju Unit (UK Operations)
Sena li ghalqet Bdoti Maltin Bdoti Barranin
31 ta’ Marzu 2006 - 20
31 ta’ Marzu 2005 - 17
31 ta’ Marzu 2004 - -
31 ta’ Marzu 2003 - -
31 ta’ Marzu 2002 - -
Ta’ min jgħid li l-figuri ta’ bdoti barranin ma jinkludux dawk li kienu mpjegati ma l-Azzurra Air qabel April 2004.
Tista' il-Ministru tikkonsidra li x-xogħlijiet meħtieġa fil-block in kwestjoni skond mistoqsija parlamentari 18097, isiru din is-sena minflok is-sena d-dieħla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti li tkopri x-xogħlijiet indikati mill-Onor. Interpellant mistennija toħroġ ix-xahar id-dieħel u għalhekk hemm possibilita' li dawn ix-xogħlijiet isiru din is-sena stess.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet fil-qrati ta' Malta u Għawdex matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati 5,335 persuna, bil-proċedura ta' kumpilazzjonijiet u fid-diversi seduti.
Jista' il-Ministru jinformana bl-evalwazzjoni tal-Ministeru dwar il-proposti li ġew ippubblikati fuq il-ġurnal "The Times" ta' nhar l-Erbgħa 29 ta' Marzu (jew ta' qabel) sabiex jiġu evitati l-ħsarat ta' sfrondar ta' toroq rurali, bħal fil-każ tal-Ħemsija Bypass u l-Imtarfa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-każ tal-Ħemsija Bypass u l-Imtarfa, l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tistenna riżultat ta' testijiet li ntbagħtu barra sabiex wara jkun jista' jiġi finalizzat ir-rapport.
Sadanittant dwar it-toroq rurali dawn ġeneralment huma responsabbilta' tal-Kunsilli lokali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' siġar, magħrufa bħala Guda's Tree, li tħawwlu matul l-aħħar sena, 2005? Billi dawn is-siġar f'dawn iż-żmenijiet tas-sena joffru kulur sabiħ, jista' il-Ministru jara li jitħawwlu aktar fis-soft area u landscaping ieħor li jsir fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fis-sena 2005 tħawlu diversi siġar magħrufa bħala Judas Trees fit-toroq u soft areas. Dawn kienu fi pjan biex jitħawlu aktar siġar endemiċi Maltin fosthom din is-siġra. Minn naħa tas-Sezzjoni tal-Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja fi ħdan dan il–Ministeru fis-sena 2005 ġew imħawlin :
Cercis Siliquestrum (Judas Tree) - 99
Cercis Siliquestrum Alba - 2
Cercis Siliquestrum forest pensi - 6
Total ta’ 107 Judas Trees.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kemm kien in-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet il-qorti kawża ta' swat u/jew moħqrija fuq l-annimali? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 5 persuni fuq reati relatati ma' moħqrija ta' annimali, filwaqt li l-persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq l-istess reati matul il-ħames snin ta' qabel kienu kif ġej:
2001
2002
2003
2004
2005
11
30
16
1
10
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li fil-mument il-korp tal-pulizija jeħtieġ sabiex jopera b'mod aktar effiċjenti b'infurzar tal-liġijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' spjegajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15296, fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għandu 'l fuq minn 250 vettura li jintużaw fid-diversi taqsimiet. Dan in-numru huwa suffiċjenti sabiex jaqdi l-ħtiġijiet attwali tal-Korp. Iżda kif jaf l-Onorevoli Interpellant, vettura hija għodda li maż-żmien tispiċċa bl-istess użu li jsir minnha. Huwa għalhekk li l-Korp tal-Pulizija kontinwament jaħseb biex gradwalment jakkwista vetturi sabiex jinbidlu dawk il-vetturi li ma jkunux aktar ta' servizz.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema hu l-apparat meħtieġ fis-sezzjonijiet varji tal-korp tal-pulizija sabiex dawn joperaw u jwettqu xogħol aktar professjonali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsimiet tal-Korp għandhom l-apparat meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b'mod professjonali. Pero', kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, it-teknoloġija moderna tinbidel kontinwament minn jum għall-ieħor. Għalhekk il-Korp tal-Pulizija kontinwament iżomm ruħu aġġornat ma' tibdil li jkun qed isir sabiex gradwalment itejjeb l-apparat użat fil-qadi tad-dmirijiet. Per eżempju, matul din is-sena huwa maħsub li jsir upgrading tas-sistema ta' l-impronti diġitali magħrufa bħala l-AFIS, filwaqt li ser jinbidel il-laboratorju tal-fotografija minn sistema analogue għal wieħed diġitali. Qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex in-network tar-rapporti tal-Pulizija, magħrufa bħala PIRS, tinbidel u minfloka tidħol sistema aktar moderna - il-PIRS 2. Dan in-network se jkun mifrux ma' ħafna aktar Għases u Taqsimiet milli kienet il-PIRS. Ser isir ukoll upgrading tal-kompjuters f'diversi Għases u Taqsimiet. Hemm ukoll il-ħsieb li jinxtara apparat portable għat-testijiet tan-nifs (breathalyzer), jinxtraw ukoll aktar portable radios sabiex kull membru tal-Korp ikollu mezz ta' kommunikazzjoni il-ħin kollu waqt il-qadi tad-doveri tiegħu, kif ukoll jibda l-proċess sabiex l-armi tan-nar jinbidlu ma' armi aktar moderni.
Barra minn dan, ta' min wieħed iżid, illi l-Korp tal-Pulizija is-sena li għaddiet investa f'numru ta' bullet proof vests u ma' l-1,500 luminous jackets kemm sabiex itejjeb il-professjonalita' kif ukoll is-sigurta' tal-membri tal-Korp waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Ġiet ukoll imsaħħa s-sistema tar-radio network tal-Korp, billi saret stallazzjoni ta' wiring ġdid u inxtraw numru ta' repeaters kompluti bid-duplexers. Ma' dawn wieħed ta' min isemmi ukoll apparat modern u sofistikat li kapaċi jiddentifika kemm flus foloz kif ukoll dokumenti, bħal ma' huma passaporti. Inxtara ukoll fume cabinet li jintuża sabiex jittellgħu impronti diġitali b'mod aktar professjonali. Inxtraw ukoll affarijiet oħra bħal ma huma vetturi u diversi muturi, żwiemel u klieb, crash helmets, anti riot gears, first aid boxes għal ġol-vetturi, kif ukoll par manetti għal kull membru tal-Korp.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' stabilimenti kummerċjali li fil-mument il-pulizija resqithom il-qorti ta' Malta u Għawdex minħabba ksur tar-regoli tal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 78 persuna fuq reati relatati ma' ksur tar-regolamenti dwar stabbilimenti kummerċjali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid matul l-2005 kemm kien id-dħul globali mit-taxxa tal-VAT fuq makkinarju ġdid? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul globali tat-taxxa tal-boll fuq proprjeta' li xtraw koppji għall-ewwel darba matul l-2005? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Membru li ma tinżammx statistika ta’ kemm titħallas taxxa ta’ dokumenti u trasferimenti fuq propjeta’ immobbli li jixtru koppji għall-ewwel darba.