Legislature:
Category:
Reset
Active:

Importazzjoni ta' vetturi — Ħlas ta' VAT u registration fees

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18276, jista' il-Prim Ministru jinformani biċ-ċifra globali ta' VAT u registration fees li tħallsu mill-operaturi li jimportaw vetturi, inġenji, eċċ. għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Bord Nazzjonali tas-Sajd

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li żamm il-bord nazzjonali tas-sajd matul l-2005 u l-2006 separatament? Liema oqsma ġew diskussi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 il-Bord tas-Sajd iltaqa’ 3 darbiet. · L-ewwel laqgħa saret fit-3 ta' Marzu 2005 u ġew diskussi ir-Regolamenti għall-Irkapti tas-Sajd. · It-tieni laqgħa saret fl-20 ta' Ottubru 2005 u matulha ġew diskussi dawn l-oqsma: 1. Il-miżuri tekniċi għall-Mediterran 2. Il-Laqgħa ta' l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas(ICCAT) f'Seville · It-Tielet laqgħa li saret fis-16 ta' Diċembru 2005 iffinalizzat id-diskussjoni fuq ir-Regolament għall-Irkapti tas-Sajd. Fis-sena 2006, l-istess Bord tas-Sajd s'issa kellu laqgħa waħda li saret fl-4 ta' Marzu 2006, u li matulha ġew diskussi l-liċenzji tas-Sajd tat-Tonn għas-sena 2006, jew aħjar kif ser titpoġġa sistema aktar idonea għall-għoti tal-liċenzji tat-tonn għal kull sena.

Koperattivi tas-Sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat uffiċjali li nżammu bejn id-direttur tas-sajd u/jew il-Ministru mal-koperattivi tas-sajjieda? Meta saru dawn il-laqgħat? Liema oqsma ġew diskussi u xi progress sar dwarhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul 2005 is-Direttur Ġenerali għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd iltaqa’ ma’ 178 sajjied jew gruppi ta' sajjieda. Normalment dawn il-laqgħat isiru nhar ta' Tlieta fil-għodu. Barra minn dawn kien hemm numru ta' sajjieda li ġew mingħajr appuntament. F'każ minnhom, anke l-Onor. Interpellant kien preżenti. Dawn il-laqgħat kienu jinvolvu numru varjat ta' suġġetti bħal, għajnuna, liċenzji, trasferimenti u ilmenti varji. Barra minn dawn kien hemm matul is-sena 2005, 10 laqgħat mal-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd u erbgħa ma’ l-Għaqda Kooperattiva tas-Sajd Ltd. Barra minn hekk kien hemm 3 laqgħat tal-Bord tas-Sajd li fihom ikun hemm wkoll ir-rappreżentanti tal-Kooperattivi. Numru ta' laqgħat oħra maż-żewġ Koperattivi ġew organizzati fil-preżenza tiegħi.

Operazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni li qed jistennew appuntament sabiex issirilhom operazzjoni? Jista' il-Ministru jagħti din l-informazzjoni għal Għawdex u Malta separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 18314. Rigward Għawdex l-Onor. Interpellant għandu jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Produzzjoni tat-Tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-produzzjoni attwali tat-tjur tas-simna f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-produzzjoni ta’ Broilersfil-perjodu minn Jannar sa Marzu 2006 kienet hekk kif ġej : Għawdex - 7,220 irjus, 16,981 Kg Malta - 544,005 irjus, 1,242,772 Kg

Bypass ta' l-Imtarfa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18285 u jinformana bl-investigazzjonijiet li saru fuq il-karakjaturi tat-tarmac fil-bypass ta' l-Imtarfa, inti u niżel, inkluż fil-parti li diġa' saret manutenzjoni fuqha u reġgħet sfrondat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru investigazzjonijiet fuq it-triq imsemmija madwar sena ilu, meta kienu ffurmaw l-ewwel qsim fuq il-parti ta’ ġewwa tat-triq. Minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li peress li l-parti ta’ ġewwa nbniet qabel ma kien inbeda x-xogħol tal-ħajt, waqt l-iskavar tal-parti ta’ barra tat-triq fejn kien hemm mases ta’ tafal, kienu nħolqu dawn il-qsim. Parti minn dawn il-qsim ġew irranġati bix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’din il-parti. L-ADT qegħda tkompli tagħmel monitoring ta' din it-triq.

Liċenzja għas-sajd tat-tonn

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex inħarġet liċenzja oħra għas-sajd tat-tonn lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ntbagħtet by hand meta l-persuna ma talbithiex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-liċenzji tat-tonn jinħarġu lil dawk il-bastimenti li kellhom liċenzja fis-snin 1999 u 2000. Liċenzji ġodda ma jistgħux jiżdiedu minħabba r-riżoluzzjonijiet ta’ l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT). Madankollu, minħabba li numru ta' bastimenti li għandhom dan id-dritt li jistadu għat-tonn ma joħorġux għal raġunijiet validi, ikun possibbli li bastimenti oħra li jixtiequ joħorġu jistadu għat-tonn imorru minn flokhom. Dan qabel kien isir b'arranġamenti privati, iżda fuq talba tal-koperattivi, u b'konsultazzjoni tal-Bord tas-Sajd, din is-sena sar mit-Taqsima tal-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd. Il-Koperattivi indikaw liema kienu l-bastimenti li riedu jipparteċipaw fil-kuntratt tat-tonn għal din is-sena.

Enemalta — Input VAT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18275, jista' il-Prim Ministru jinformani kemm huma l-ammonti ta' input VAT li ntalbu fid-denunzji tal-korporazzjoni Enemalta għas-snin rispettivi separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

VAT fuq karozzi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18277, jista' il-Prim Ministru jinformani x'ġara mir-records ta' qabel l-1 ta' Mejju, 2004 u cioe' ikompli wkoll jirrispondi l-mistoqsija in kwestjoni għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

NSO — Impjiegi fis-settur tal-biedja u sajd

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti breakdown tas-600 impjieg li skond l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika żdiedu fis-settur tal-biedja lokali, priferibbilment f'Malta u Għawdex separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi d-differenza li qed jirreferi għaliha, ġiet estratta minn news release ta’ Jannar 2006 dwar il-Labour Force Survey. Billi l-informazzjoni f’din ir-release hi stima fuq kampjun ta’ nies li qed jiġi estrapolat fuq il-popolazzjoni kollha, differenza reali tkun meta bejn perjodu u ieħor ikun hemm zieda jew nuqqas fil-figura ta’ 1800 persuna kif inhu referut fin-noti metodoloġiċi li jinsabu fl-aħħar tar-release. Ta’ min wieħed jifhem li meta informazzjoni mill- Labour Force Survey tiġi ippubblikata b’referenza għal xahar partikolari, bejn wieħed u ieħor kull persuna li tkun fil-kampjun ta’ nies magħżula tkun qed tirrapreżenta bejn 60 u 70 persuna oħra. Għaldaqshekk, billi d-differenza msemmija hija ta’ 600, din mhux meqjusa li hi rappreżentattiva għax il-kampjun ta’ nies mhux biżżejjed biex wieħed jasal għall-konklużjoni li hemm żieda fl-impjiegi fis-settur ta’ l-agrikoltura.

NI

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18269 u jagħti update tal-ħlasijiet dovuti tal-bolla ta' l-NI mill-kumpanniji privati, minn kumpanniji li għandhom investimenti mill-gvern, lukandi, persuni self-employed eċċ.? Jista' jagħtina l-informazzjoni b'mod separat? Kemm minn dawn il-pagamenti dovuti lid-dipartiment huma abbażi ta' ħlas kontra agreements, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18269.

NI — Ħlasijiet Pendenti

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18267, jista' il-Prim Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kontijet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' households li llum qed iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b'arranġamenti ta' kreditu peress li ma jifilħux iħallsu f'daqqa l-kontijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena 2005 sal-lum, in-numru ta' arranġamenti ta' ħlas fuq kontijiet domestiċi li kellhom l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, huwa hekk kif ġej: Malta 1,622 Għawdex 3 Total 1,625

National Insurance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18268, jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema snin tirriferi ċifra ta' Lm574,151 ta' dawn id-disa' kumpanniji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ċ-ċifra ta’ Lm574,151 tirreferi għal dawn is-snin: LM 1998 55,685 1999 80,396 2000 152,757 2001 260,536 2002 24,777

Pulizija — Kolliżjonijiet tat-Traffiku

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18127, jista' il-Viċi Prim Ministru jipprovdi l-informazzjoni globali u mhux skond in-natura ta' kolliżjonijiet? X'inhi r-raġuni li ma jinżammx separatament in-numru ta' kolliżjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-inċidenti tat-traffiku bdew jiġu rrapurtati mill-Gwardjani Lokali mill-1 ta’ Marzu 2004. Ta’ min jirrimarka iżda, li l-inċidenti msemmija hawn taħt ma jiġux irrapurtati mill-Gwardjani Lokali: a) Ħbit ta’ ‘bumper-to-bumper’. L-istatistika tagħhom tinġabar mill-Malta Insurance Association, u din tgħaddiha lill-Uffiċju ta’ l-iStatistika; b) Kolliżjonijiet fejn ikunu involuti vetturi tal-Gvern jiġu rrapurtati mill-Pulizija u dawn jgħaddu din l-informazzjoni lill-Uffiċju ta’ l-iStatistika; c) Kolliżjonijiet fejn jinvolvu korriment ta’ persuni jiġu rrapurtati mill-Pulizija u dawn jgħaddu wkoll din l-informazzjoini lill-Uffiċju ta’ l-iStatistika. Il-Gwardjani Lokali, li jirrapurtaw l-inċidenti l-oħrajn kollha, jirreferu l-istatistika tagħhom lill Malta Insurance Association, li din tgħaddiha lill-Uffiċju ta’ l-iStatistika. Minħabba f’hekk l-Aġenzjiji tal-Gwardjani Lokali jżommu biss statistika ta’ l-inċidenti li jirrapurtaw huma biss u li ma jinkludux dawk relatati ma’ ħbit ‘bumper-to-bumper’. L-informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Malta Insurance Association.

Għajn Qajjed — Vjal il-Ħaddiem - dawl taż-zebra crossing

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-dawl taż-zebra crossing fil-parti ta' Vjal il-Ħaddiem li tinsab fil-housing estate ta' Għajn Qajjed, fir-Rabat qatt ma nxtegħel matul dawn l-aħħar tlett snin u cioe' minn meta twaħħlu dawn l-arbli tad-dawl? Jista' jara li dan id-dawl jinxtegħel mingħajr aktar telf ta' żmien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet meħtieġa biex jinxtgħel id-dawl taż-zebra crossing kif ukoll il-manutenzjoni ta' dan id-dawl li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huma parti mir-responsabiltajiet ta' l-Enemalta. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Rabat — Għalqa ta' Kola

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta? Jista jara li din il-problema tiġi rimedjata mingħajr aktar telf ta' żmien ħalli jispiċċa darba għal dejjem l-inkonvenjent lir-residenti u lill-eluf ta' turisti li jiffrekwentaw dawn l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm permess maħruġ fit-22 ta' Novembru 1999 sabiex isir surface parking. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mix-xogħlijiet.

NI

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti update tal-ħlasijiet dovuti tal-bolla ta' l-NI mill-kumpanniji privati, minn kumpanniji li għandhom investimenti mill-gvern, lukandi, persuni self-employed eċċ.? Jista' jagħtina l-informazzjoni b'mod separat? Kemm minn dawn il-pagamenti dovuti lid-dipartiment huma abbażi ta' ħlas kontra agreements, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.