Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġnien ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jsir upgrading tal-ġnien tal-foss ta' l-Imdina u possibbilment jinfetah aċċess għall-pubbliku u t-turisti?

Response (BORG, TONIO)

Qed nassumi illi l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-masġar li hemm fil-foss. Nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Foss ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jara li jitnaddfu u jinżebgħu aħjar il-faċilitajiet tat-tennis court li jinsabu fil-foss ta' l-Imdina peress li fil-mument huma traskurati u abbandunati? Peress li minn din il-parti jgħaddu xejn inqas minn 750,000 turist biex jidħlu jżuru l-Imdina matul is-sena, jista' il-Ministru jikkordina l-bżonn ta' dawn ix-xogħlijiet ma' enti u dipartimenti oħra konċernati ħalli l-problema tiġi rimedjata mingħajr telf ta' żmien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi ż-żona msemmija ma taqax taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura iżda taħt il-Kunsill Lokali konċernat.

Rabat — Howard Gardens

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet li saru f'Howard Gardens, ir-Rabat, jista' il-Ministru jinformana għaliex it-tomba tal-ġnien ma ġietx irranġata aħjar milli biss ftit żebgħa mal-ħadid u l-bankijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li l-msemmija xogħlijiet f'dan il-ġnien saru mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Foss ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir tindifa ġenerali tal-ġnien tal-foss ta' l-Imdina taħt Howard Garden kif ukoll taħt il-bandli?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20691.
Leg 10 PQ #20430 Sitting 430 2006-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Produzzjoni tat-tjur

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-ewwel sitt xhur tas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-produzzjoni tat-tjur tas-simna fl-ewwel sitt xhur tas-sena f’Għawdex għal dawn l-aħħar snin kienet kif ġej : Rjus 2006 Jannar – Ġunju 185034 2005 Jannar – Ġunju 231454 2004 Jannar – Ġunju 493583 2003 Jannar – Ġunju 584703 Din l-istatistika bdiet tinżamm fl-Lulju tas-sena 2002, u għalhekk m’hemmx tagħrif għal-perjodi ta’ qabel.

Wied ta' Burmarrad

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 20281, jista' il-Ministru jinformana għaliex id-dipartiment ta' l-agrikoltura mar kontra talbiet tal-bdiewa ta' Burmarrad li ma jridux ir-rotta tal-wied tinbidel minn kif inhi oriġinali? Jista' jinformana meta għamel il-laqgħa mal-bdiewa ta' Burmarrad sabiex jgħarrafhom b'din id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mad- Dipartiment tax-Xogħlijiet deċiżjoni ta' l-aħjar rotta tal-Wilġa ta' Burmarrad ittieħdet prinċiparjament abbażi ta' informazzjoni teknika meħuda minn survey tal-livelli li sar fil-lokal. Barra minn hekk, saru diversi laqgħat bejn id-Direttur ta' l-Agrikultura flimkien ma' uffiċjal ieħor u numru ta' bdiewa tal-lokal fuq bażi individwali fejn instemgħu l-ideat tagħhom u ġiet diskussa l-aħjar soluzzjoni. Sadanitant il-Gvern miexi ‘l quddiem bil-projett fuq numru ta’ fażijiet, u għadu qed iżomm laqghat mal-bdiewa u Kunsill Lokali fuq l-alternattivi possibli. Nittama li l-Onorevoli Membru jifhem lidan il-passaġġ lit tant hemm bżonnu jrid jgħaddi minn fuq art tà xi bdiewa se jilmentaw li għadda minn fuq art tagħom.

Produzzjoni ta' Ħalib Frisk

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20272, jista' il-Ministru jgħid jekk jingħatax sussidju fuq il-ħalib frisk li jipproduċu raħħala Maltin u Għawdxin? Jekk fl-affermattiv, jista' iwieġeb il-mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sussidji ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-ħalib, jiġifieri d-Dairy Premium u l-Additional Payments, ma jitħallsux fuq bażi ta' produzzjoni, iżda fuq l-Individual Reference Quantities, jiġifieri l-ammont li l-awtorità kompetenti Maltija tintitola lil kull raħħal individwali jipproduci f'sena, bħala parti minn kwantità Nazzjonali li tkun allokat il-Kummissjoni Ewropea lill- pajjiż membru. Għaldaqstant dawn il-pagamenti ma humiex marbutin maċ-ċifri ta' produzzjoni, liema informazzjoni, kif diġà infurmajt lill-Onorevoli Interpellant f'żewġ okkażjonijiet, hija strettament ta' natura kummerċjali u għalhekk mhijiex etika li tingħata f'dan l-istadju

Awtorita' tad-Djar — File no. HA2 46/2006

Question

Tista' il-Ministru tara li jiġi mħallas il-bilanċ dovut skond il-file no. HA2 46/2006? Jekk diġa' tħallas, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-sussidju approvat dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor Interpellant tħallas kollu f'żewġ pagamenti, fis-17 u fit-23 ta' Awissu 2006.

Sigurta' Soċjali — Għajnuna soċjali

Question

Tista' il-Ministru tistħarreġ il-possibbilta' li koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ikunu megħjuna aktar b'servizzi soċjali minħabba li l-mara spiċċat persuna diżabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tistħarreġ il-possibbilta' li koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għall-pensjoni barranija kif kienet tieħu xi ftit tas-snin ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Bdiewa — Għajnuna finanzjarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20285, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa li matul l-2005/2006 ġew rifjutati milli jieħdu għajnuna finanzjarja abbażi tat-talbiet li għamlu fuq il-ħitan tas-sejjieħ? Kemm kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pagamenti fuq talbiet għall-għajnuna dwar ħitan tas-sejjieħ għadhom qed jiġu pproċessati u għalhekk għadu kmieni biex wieħed iwieġeb din id-domanda.

Belt Valletta — Bus Terminus

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20313 u jgħid kemm fil-fatt hi kkalkultata l-ispiża biex jiġi mmodernizzat il-bus terminus tal-Belt Valletta skond id-dipartiment/awtorita' konċernata? Jista' ipoġġi dettalji/pjan/tagħrif li għandu d-dipartiment/awtorita' jew ente responsabbli mill-immodernizzar tal-bus terminus tal-Belt Valletta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta' l-immodernizzar tal-bus terminus tal-Belt Valletta qiegħed jitmexxa b'ko-ordinazzjoni bejn dan il-Ministeru u l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. L-ispiża ta' dan il-proġett hija mistennija tlaħħaq il-Lm140,000. Dettalji dwar dan il-proġett mistennija jitħabbru aktar tard din is-sena.

Gozo Channel — Vapuri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20279 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, kemm-il darba l-vapuri ta' Għawdex ma żammewx il-ħin tar-rotta skond kif programmat għall-pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel ta' Jannar 2006 sa' l-aħħar ta' Ġunju 2006, kien hemm 191 (mija u wieħed u disgħin) tluq ta' aktar minn ħmistax il-minuta dewmien, minn total ta' 8,960 (tmint elef disa' mija u sittin) vjaġġ li saru f'dak il-perjodu, jiġifieri 2.1%.

Każ dwar Sajjied

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20305 u jaġġornana dwar il-passi li ttieħdu a bażi tad-dikjarazzjoni ġuramentata tas-sajjied li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jien stess għaddejt lill-uffiċjali tal-Prim Ministru permezz ta' interpellanza parlamentari xi ġimgħat ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20305 u 20428 hu kif ġej: Minn investigazzjoni li għamilt jirriżulta li l-ewwel parti tad-dikjarazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tender għall-esportazzjoni tat-tonn u bl-ebda mod ma tinvolvi ’l-Ministeru. Din hija materja esklussivament kummerċjali ta’ bejn iż-żewġ koperattivi u li fiha l-Ministeru kkonċernat m’għandu ebda involvement għajr li jkun preżenti għall-ftehim. Kien hemm okkażżjonijiet meta d-Direttur Ġenerali kien mitlub jagħmilha ta’ arbitru. Is-sajjied involut huwa membru fil-kumitat ċentrali ta’ waħda minn dawn il-koperattivi u għalhekk huwa f’pożizzjoni li jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet direttament. It-tieni parti tad-dikjarazzjoni tirreferi għall-allegazzjonjiet dwar lanċa partikulari, liema allegazzjonijiet l-Onorevoli Interpellant għoġbu jirrepeti ukoll permezz ta’ stqarrija lill-media. Il-lanċa hija propjetà ta’ kumpanija li d-direttur tagħha huwa wkoll uffiċjal prominent fil-kumitat ta’ l-istess koperattiva. Dawn l-allegazzjonijiet twieġbu fi stqarrija pubblika mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fejn ittenna li ma kien hemm ebda irregolarità fl-informazzjoni dwar il-kwota tal-qabda tat-tonn ta’ lanċa partikolari kif allega l-Onorevoli Interpellant. Il-movimenti kollha tal-lanċa msemmija kienu rreġistrati minn sid il-lanċa fil-log book kif suppost. Il-lanċa is-sena li għaddiet kienet ħarġet tistad għat-tonn wara li bosta bastimenti oħrajn kienu waqfu mis-sajd u kienu bdew jiġbdu l-gaġeġ minflok jistadu. Il-log book jikkonferma li l-lanċa effettivament ħarġet tistad u l-qabda ta’ tonn hija dokumentata. Ninsab ukoll infurmat li sidien din il-lanċa bdew proċeduri legali kontra min għamel dawn l-allegazzjonijiet. Fid-dikjarazzjoni hemm riferenza għal lanċa purse-seiner oħra ta’ sidien li kienu armaw bix-xibka qabel ma Malta qatt ikkunsidrat dan l-irkaptu u li għamlu staġun jistadu. Il-multa kienet ingħatatilhom għaliex niżżlu x-xibka tat-tonn l-art f’dak l-istaġun meta ma kellhomx liċenzja għaliha. Is-sena ta’ wara dawn kienu reġgħu ħadmu bix-xibka minflok dgħajjes oħrajn li jew marru jiġbdu l-gaġeġ jew kienu ċedewlhom il-post tagħhom.

Ta' Qali Crafts Village

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20277 u jgħid għaliex it-toilets il-ġodda li nbnew fil-crafts village f'Ta' Qali baqgħu magħluqa? Kemm fil-fatt ilhom magħluqin u meta se jinfetħu sabiex il-pubbliku u t-turisti jkollhom post aktar diċenti minn dak eżistenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'Għandi xejn xi inżid mar-risposta ta' PQ 20277.

Imtarfa/Hemsija — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jinformana u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-esperti li ddikjaraw li s-sistema tal-gabione (li ntużat fil-proġett ta' Wied il-Qlejgħa) mhux tajba għall-infrastruttura tal-bypass ta' l-Imtarfa u tal-Ħemsija li bis-sistema li ntużat dawn it-toroq xorta sfrundaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-difetti li irriżultaw fi triq il-Ħemsija m'humiex relatati mall-bini ta' ħitan tul dawn it-toroq. Il-bini ta’ ħajt ta’ lqugħ biex iżomm il- bypass ta' l-Imtarfa ma setgħax jinbena bis-sistema tal- gabion walls . Dan għaliex dan it-tip ta’ ħajt m'għandux is-saħħa strutturali biex jilqa' t-toqol tal-materjal tafli warajh kif ukoll toqol u vibrazzjonijiet tat-traffiku ta’ vetturi tqal. Għalhekk inbena ħajt sod bil-blokki tal-franka li ġew miksija bil-blokki tas-sejjieħ. Fil- bypass tal-Ħemsija intużat sistema ta bini ta’ ħitan tal-lqugħ tar-raba li tikkonsisti fil-bini ta’ ħitan bill-knaten tal-franka li mbagħad ġew miksija bill-bini ta' ħitan tas-sejjieħ. Is-sistema ta’ ħitan bil- gabion wall ġeneralment tintuża biex jinżamm terrapien u ħamrija f’widien u raba. Din is-sistema ta’ bini ta’ ħitan ġiet mistħarġa mill-ADT għall-bini ta’ ħitan tul toroq arterjali. Din is-sistema għandha numru ta’ żvantaggi li huma; il-bini ta’ dawn il-ħitan huwa għola mill-bini ta’ ħitan b’metodi tradizzjonali; tinħtieġ aktar art għal bini tal-ħitan għaliex kull filata (metru) trid tiġi rtirata il-ġewwa; ix-xogħol jieħu iktar ħin biex jitlesta u il- gabion (li hi magħmula minn xibka tal-ħadid) tiddetorjora bir-riżultat li jaqgħa dan il-hajt.

Produzzjoni ta' l-għeneb

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa li jipproduċu l-għeneb għall-industrija li għadhom ma tħallsux l-għajnuna finanzjarja dovuta lilhom għal kull tomna ta' dwieli li jikkultivaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika x'tip ta' għajnuna qiegħed jirreferi għaliha u jekk huwiex jinkludi dawk li ma kinux eliġibbli għall-għajnuna partikolari.

Bdiewa — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa li matul l-2005/2006 ġew rifjutati milli jieħdu għajnuna finanzjarja abbażi tat-talbiet li għamlu? Kemm kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema għajnuna qed jirreferi.

Każ dwar sajjied

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20173 u jaġġornana dwar il-passi li ttieħdu a bażi tad-dikjarazzjoni ġuramentata tas-sajjied li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jien stess għaddejt lill-uffiċjali tal-Prim Ministru permezz ta' interpellanza parlamentari xi ġimgħat ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.