Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Vjal il-Ħaddiem

Question

Jista' il-Ministru immedjatament jawtorizza xogħlijiet sabiex l-ispazju ta' taħt il-bus shelter fi Vjal il-Ħaddiem, Rabat, Malta qrib ir-residenza 12 Vjal il-Ħaddiem jirċievi iktar ilma tax-xita ħalli l-ilma tax-xita ma jkomplix jeqred l-uċuħ tar-raba' li hemm biswiet? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16902 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u cioe' jista' jinformani min kienu l-esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu li żaru l-gżejjer tagħna sabiex jipproponu pjan lill-gvern għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli fil-gżejjer tagħna? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn il-pjani fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma nħassitx il-ħtieġa li jinġiebu esperti fil-qasam ta' l-agrituriżmu.

Bdiewa/Raħħala/Sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kien responsabbli mill-proċess li jintroduċi l-iskema ta' l-assigurazzjoni li kellha ssir għall-bdiewa, raħħala u sajjieda flok il-kumpens tal-ħlas ta' nofs il-bolla tan-NI?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema tal-Assikurazzjoni tfasslet minn kumpanija privata skond kriterji mitluba mill-Unjoni Ewropea bl-intervent tal-iState Aid Monitoring Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Saru diversi konsultazzjonijiet mal-għaqdiet tal-bdiewa u sajjieda u tħejjew Memoranda lill-Cabinet dwar l-iskema. Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi.

Rabat — Għar Barka - asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'Għar Barka fir-Rabat m'hemm l-ebda triq li se ssir mill-gvern ċentrali, meta ħafna mit-toroq f'din l-akkwata għandhom ħsara ta' aktar minn 70% u għalhekk jaqgħu direttament f'idejn il-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-programm li hejja l-ADT jiffoka fuq toroq residenzjali li qatt ma nbnew. Wara li tlestew it-toroq tal-Baħrija (iffinanzjati mill-ADT) fir-Rabat ma fadalx toroq ġodda x'jinbnew. Madankollu ġew inklużi ħames toroq għal resurfacing li huwa ammont sostanzjali. Tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni li x-xogħlijiet li għamel il-Gvern fi Triq ir-Riebu huwa ħafna aktar minn dak li jidher fil-programm għax minbarra l-culvert għall-ilma tax-xita saru wkoll il-bankini u l-wiċċ tat-Triq.

Rabat — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-Imtaħleb, il-Kunċizzjoni u tas-Salib u l-akkwati ta' Wied Qlejgħa, l/o Rabat il-gvern ma ddedika l-ebda ċenteżmu biex jitjiebu t-toroq ta dawn l-inħawi, toroq li jagħtu għal postijiet sbieħ tal-paesaġġ Malti u li huma frekwentati kemm minn Maltin u t-turisti? Hemm ħsieb li dawn it-toroq isiru? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Nterpellant m'humiex toroq arterjali w anqas distributorji w b’hekk il-manutenzjoni tagħhom ma taqax taħt il-Gvern Ċentrali. Madankollu fis-snin li għaddew il-gvern għamel xogħol ta’ surfacing f’dawn l-inħawi inklużi t-triq li tagħti għall-Imtaħleb, il-Baħrija, il-Landrijiet u parti f’tas-Salib, fl-inħawi taċ- Chadwick Lakes u Triq it-Tiġrija. Bix-xogħlijiet tat-toroq iffinanzjati mill-Protokoll Taljan kif ukoll meta wieħed jinkludi l- by pass tal-Imtarfa, it-toroq arterjali ta' madwar ir-Rabat ser ikunu saru kollha.

Birkirkara — Triq is-Sisla

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex Triq is-Sisla, Birkirkara - li tiġi wara l-Price Club - ma ġietx mogħtija l-asfalt minkejja li hemm residenti li ilhom joqogħdu hemmhekk aktar minn għaxar snin? Jista' il-Ministru jirrimedja għal din l-inkonvenjenza kemm jista' ikun malajr?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol ta’ toroq fl-inħawi msemmija huwa maqsum f’diversi partijiet. Ix-xogħol fi Triq it-Tempji Megalitiċi, Triq Grosseto u Triq il-Graffiti Navali tlesta iktar kmieni din is-sena. Fil-ġranet li għaddew inbeda x-xogħol tat- tender li tinkludi Triq il-Qattus, parti minn Triq is-Sisla u Triq il-Qanpiena. Infurmat li x-xogħol fuq Triq is-Sisla għaddej bħalissa.

Rabat — Għar Barka - trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jara li l-karozzi tal-linja jibdew jidħlu sa Għar Barka minħabba li ħafna mit-tfal u l-anzjani tagħna kif ukoll ir-residenti jridu jimxu mixja ta' nofs siegħa biex jirkbu l-karozza tal-linja mit-terminus tas-Saqqajja fir-Rabat? Jista' jagħmel dan fl-immedjat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jiena nfurmat li bħalissa fost diskussjonijiet oħra għaddejin diskussjonijiet bejn id-Direttorat tat-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazjoni tat-Trasport Pubbliku biex fil-ġejjieni qarib jinbeda bi prova servizz tat-trasport pubbliku li jservi Għar Barka

Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid għala ġie deċiż li fir-Rabat isiru biss tliet toroq li huma Triq San Martin, Triq il-Mitħna, Triq Doni l-Qadima u parti minn Triq in-Namura fil-Baħrija u l-bankina ta' Ribu Well meta wieħed iqabbel in-numru ta' toroq li saru fil-lokalitajiet oħra li anke huma ferm iżgħar mir-Rabat? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex jiġu stabiliti n-numru ta' toroq li se jsiru f'kull raħal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Meta wieħed iqis it-Toroq arterjali iffinanzjati mill-Protokoll Taljan kif ukoll il-patching estensiv li sar fi Triq tas-Saqajja, kif ukoll fir-Rabat stess ma nistax naqbel mal-konklużjoni tal-Onorevoli Interpellant anzi ngħid li fir-Rabat saru numru konsiderevoli ta' xogħlijiet ta' Toroq.

Rabat — Three phase ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jara l-każ ta' bidwi part-time mir-Rabat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jixtieq idaħħal three phase ta' l-elettriku u qed jintalab iħallas Lm2,700 għal transformer ġdid? Is-somma mitluba hija minnha u tajba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rabat — Tas-Salib - three phase electricity supply

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġi żviluppat it-three phase electricity supply fl-area tas-Salib fir-Rabat li bħalissa qiegħda b'single phase, sabiex il-vultaġġ elettriku jissaħħaħ bħalma sar ġewwa Binġemma u Bieb ir-Ruwa peress li numru ta' bdiewa qed iħallsu mijiet ta' liri f'diesel biex iħaddmu l-generators tagħhom? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn stħarrig li sar riċenti f’tas-Salib limiti tar-Rabat jirriżulta li l-vultaġġ jinstab fil-limiti stabbiliti mill-Malta Standards Authority u għalhekk ma jirriżultax li hemm bzonn li jsir xi xogħol ta tisħiħ. Jekk hemm xi konsumaturi li jixtiequ jdaħħlu t-3 phase, dawn għandhom japplikaw fuq formoli apposta.

Rabat — Howard Gardens

Question

Jista' il-Ministru jara li jitranġa ċ-ċint ġdid li sfronda f'Howard Gardens fejn il-latrina? Peress li ilu 15-il jum li sfronda u huwa perikoluż, jista' jinvestiga ukoll jekk din il-parti biswit il-foss ta' l-Imdina jeħtieġ li tinbidel kollha sabiex ikunu evitati xi inċidenti fatali peress li din il-parti tkun frekwentata ħafna mill-pubbliku li jsegwi l-logħob tal-5-a-side li jsir fil-ground ta' taħt il-ġnien in kwestjoni? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi x-xogħol imsemmi ma jaqax taħt ir-responsabilta’ tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Foss ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi rimedjata l-problema li qed tkerrah il-madwar tal-Belt ta' l-Imdina u cioe' il-foss mad-dawra ta' din il-belt storika? B'riferenza għall-korrispondenza bejn il-kunsill ta' l-Imdina u l-environment landscaping consortium li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, li tikkonferma l-bżonn ta' soluzzjoni immedjata, jista' il-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni fl-inqas żmien possibbli? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-foss ta' l-Imdina jinqasam f'ħames partijiet. Iż-żewġ partijiet li fihom l-imsaġar taċ-ċitru huma responsabilta' tal-gvern kif diġa' ġie indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 20692. Il-parti tal-ground tal-football ukoll taqa' taħt ir-responsabilta' tal-gvern ċentrali u għalhekk l-Onor Membru huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Iż-żewġ partijiet l-oħra, jiġifieri, iż-żona tal-parkeġġ (ħdejn il-Mina tal-Griegi) u fejn hemm il-5-a-side football pitch u t-tennis court, jieħu ħsiebhom il-Kunsill u jiena nfurmat illi dawn iż-żoni jitnaddfu regolarment mill-Kunsill.

Imtarfa Bypass

Question

Jista' il-Ministru jaġġornana bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari 19734?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-tender għax-xogħlijiet għalaq fl-24 ta’ Awissu taħt numru CT 272/06. Bħalissa qed issir l-aġġudikazzjoni ta’ din it-tender biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol.

Wied ta' Burmarrad

Question

Jista' il-Ministru jinformana bil-pożizzjoni tax-xogħlijiet maħsuba li jsiru fil-wied ta' Burmarrad?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ladarba jiġu approvati l-permessi neċessarji jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.L-applikazzjoni għal dan il-proġett saret lill-MEPA fit-2 ta’ Diċembru 2004. F’nofs Awissu 2006 tlestew l-istudji dwar l-impatt ambjentali, dwar l-ekoloġija tal-post u dwar il-Wirt Kulturali u dawn ġew sottomessi lill-MEPA.

Rabat — Għar Barka - asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'Għar Barka fir-Rabat m'hemm l-ebda triq li se ssir mill-gvern ċentrali, meta ħafna mit-toroq f'din l-akkwata għandhom ħsara ta' aktar minn 70% u għalhekk jaqgħu direttament f'idejn il-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Rabat — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-Imtaħleb, il-Kunċizzjoni u tas-Salib u l-akkwati ta' Wied Qlejgħa, l/o Rabat il-gvern ma ddedika l-ebda ċenteżmu biex jitjiebu t-toroq ta dawn l-inħawi, toroq li jagħtu għal postijiet sbieħ tal-paesaġġ Malti u li huma frekwentati kemm minn Maltin u t-turisti? Hemm ħsieb li dawn it-toroq isiru? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Każ dwar sajjied

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20173 u jaġġornana dwar il-passi li ttieħdu a bażi tad-dikjarazzjoni ġuramentata tas-sajjied li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jien stess għaddejt lill-uffiċjali tal-Prim Ministru permezz ta' interpellanza parlamentari xi ġimgħat ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat f’mistoqsija parlamentari Nru 20428.

Każ dwar anzjana

Question

Jista' il-Ministru jgħin fil-każ ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, sabiex preferibbilment tidħol f'Imtarfa home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-azjana msemmija fil-mistoqsija parlamentari qiegħda fuq il-waiting list skond il-mertu tal-każ individwali.

Foss ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir tindifa ġenerali tal-foss ta' l-Imdina, kemm għar-rispett tal-Maltin li jżuru l-Imdina kif ukoll għal aktar minn 800,000 turist fis-sena li jiffrekwentaw dawn l-inħawi? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li l-gnien imsemmi jaqa' taht ir-responsabbilta' tal-Ministeru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.