Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bdiewa, raħħala u sajjieda ma tħallsux kumpens għat-telf li sofrew meta nofs il-ħlas tal-bolla ta' l-NI ma ġiex assorbit bl-asigurazzjoni li kienet ġiet imwiegħda? Jista' iħallas il-kumpens dovut sa l-aħħar ta' din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-iskema ta’ rifużjoni tan-nofs bolla tas-Sigurtà Nazzjonali ma kenitx kompatibbli mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea din kellha titneħħa. Fl-istess waqt ittieħdu miżuri, bħal miżura ad hoc fil-qasam tal-biedja kif ukoll għajnuniet finanzjarji lis-sajjieda. L-għajnuniet kollha kienu ferm aktar mill-miżura waħda li kienet teżisti qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Irrid inżid li fuq l-iskema ta’ assigurazzjoni il-Kummissjoni Ewropea ġiet notifikata bil-proposta ta’ Malta u dan wara eżerċizzju dettaljat u konsultazzjoni dwar skema ta’ assigurazzjoni għall-biedja u s-sajd skond ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.
B'riferenza għall-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u għall-fatt li saqaf ta' l-imsemmi fond huwa perikoluż, tista' il-Ministru tirrimedja tali manutenzjoni meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li m'hemm ebda talba quddiem id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar dwar l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. B'dankollu rreferejt il-każ lill-imsemmi Dipartiment biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumitat li qed jimmoniterja l-marġini/perċentwali tal-kompetittivita' fl-oqsma varji tal-biedja lokali f'Malta u Għawdex separatament? Min huma l-persuni nvoluti u xi kwalifika għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement il-Ministeru qed jgħin finanzjarjament lill-oqsma kollha tal-biedja skond l-istrateġija mfassla waqt in-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea filwaqt li qed titfassal strateġija biex tindirizza l-kompetittività ta’ l-oqsma tal-biedja fost ħwejjeġ oħra permezz tal-pjan ġdid għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li filwaqt li kien jgħid kemm il-bdiewa/raħħala ħadu flus matul l-2005, l-Agriculture Income Factor naqas b'5% għas-sena 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ għajnuniet li ingħataw lill-bdiewa fl-2005 żdiedu bi 2.1% fuq l-2004.
L-ammont ta’ għajnuna li l-bdiewa ħadu fl-2005 ammonta għall-Lm8.2 miljun. Minn dawn, Lm5.4 miljun kienu sussidji fuq produzzjoni, u Lm2.8 miljun li mhux relatati ma produzzjoni.
Fl-2004 it-total ta’ għajnuniet li ngħataw lill-bdiewa/raħħala ammontaw għal Lm8.0 miljuni. Minn dawn, Lm5.0 miljun kienu sussidji fuq produzzjoni, u Lm3.1 miljun li mhux relatati ma’ produzzjoni. (nota : minħabba rounding xi figuri jistgħu ma jaqblux eżatt).
L-Agricultural Factor Income naqas b’5% primarjament minħabba nuqqas fi qtil ta’ tjur, fejn il-valur tal-produzzjoni naqas b’24%, u fil-produzzjoni tal-patata fejn il-valur ta’ din naqas bi 11%.
Fatt ieħor naqas l-Agricultural Factor Income huwa minħabba li l-ispejjeż tal-bdiewa/raħħala żdieu b’2.3% fuq l-2004. Dan primarjament minħabba l-fatt li l-ammont ta’ flus li ntefq u fuq l-enerġija (fuels u żjut) żdied bi 22% fuq l-2004.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jingħata breakdown ta' l-Agriculture Factor Income qasam qasam, fis-settur tal-biedja f'Malta u Għawdex minflok b'ċifra globali kif ġie ppubblikat fl-NSO report ta' Awissu 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pjan li qed jiġi koordinat bejn id-dipartiment, il-produtturi/proċessuri tat-tjur sabiex il-produzzjoni tal-laħam abjad tat-tiġieġ tilħaq il-produzzjoni li kellha fl-2003 u l-2004 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-settur tat-tjur (broilers) ittieħdu diversi miżuri sabiex fis-settur isir l-istrutturar meħtieġ, u ġew imfasslin skemi biex tiżdied il-produzzjoni. Dawn il-miżuri u skemi ittieħdu wara konsultazzjonijiet ma’ operaturi f’dan is-settur. Il-mira hi li nilħqu produzzjoni sostenibbli għas-settur f’suq liberallizat u abbażi ta’ l-effetti fuq l-ambjent u animal welfare.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex il-produzzjoni tat-tjur fl-ewwel sitt xhur ta' l-2006 waqgħet b'51.7% meta paragunati ma' l-ewwel sitt xhur tas-sena 2003 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull tibdil li sar fil-produzzjoni tat-tjur mill-2003 jirriżulta minħabba diversi fatturi inklużi suq liberalizzat u għażla aktar wiesgħa għall-konsumatur għall-prodotti lokali flimkien ma’ ristrutturar meħtieġ fil-proċessar u t-trobbija, b’mod partikulari minħabba animal welfare u iġene u l-effetti indiretti ta’ l-influwenza tat-tjur.
Skond iċ-ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, is-settur tal-biedja in ġenerali qed jassimila ruħu tajjeb mar-realtà ta’ suq ħieles u ma’ żvilupp fil-konsum.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21413 u 21607 u jgħid kemm kien id-dħul tal-korporazzjoni Enemalta fuq is-surcharge tad-dawl u l-ilma matul din is-sena separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont f'ċifra ta' flus f'overtime dovut lill-ħaddiema tal-ministeru u tad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ sahra (overtime) li qed jiġi pproċessat għall-pagament lill-ħaddiema tal-Ministeru u tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sa Ottubru 2006 huwa ta’ Lm 11,837.
Jista' il-Ministru jgħid kemm swew f'ċifra ta' flus l-imħażen li nbnew u ġew żviluppati għall-ħasil tal-kaxxi fil-Pixkerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux qiegħed f’pożizzjoni li nagħti ċifra ta’ kemm swew biex inbnew l-imħażen li qed jirreferi għalihom għaliex dawn inbnew fl-1700. Nixtieq ngħarrfu li r-restawr tagħhom u l-modifikazzjoni neċessarja biex isiru ċentru għall-ħasil tal-kaxxi swew Lm 77,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-Border Inspection Points ta' l-Airport, Birżebbuġa u Marsa separatament mill-1 ta' Mejju 2004 'il hawn separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-Border Inspection Point fil-Malta Freeport kien ta' Lm 94,910. Fl-ajruport u Zammit Dock ma kienx hemm dħul.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21608 u jgħid: Peress li l-Ministru in kwestjoni ma pprovdiex l-informazzjoni, jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21414?
Jista' il-Ministru jgħid kemm jeħtieġ investiment addizzjonali biex jitħaddem l-inċineratur il-ġdid tal-biċċerija tal-Marsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jiddetermina kif l-impjant għandu jiġi modifikat biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Wara dan l-istadju jibda l-proċess ta’ negozjati biex tkun iffissata l-ispiża meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-deboning plant mhux jitħaddem? Kemm sewa flus dan l-impjant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża ta’ l-impjant, li kienet iffinanzjata taħt il-ħames Protokol Taljan, kienet ta’ €1,080,080. Rigward l-operat, il-Ministeru qiegħed jesplora l-possibiltà li dan l-impjant jitħaddem fuq il-mudell tal-Public Private Partnership.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' sajjieda full-time u part-time u oħrajn li għad baqgħalhom jieħdu flus dovuti lilhom abbażi tal-kuntratti li ffirmaw qabel ir-referendum ta' qabel is-sħubija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sajjieda full-time u part-time u oħrajn li ffirmaw il-kuntratti qabel ir-referendum jew warajh, 35 tħallsu fil-ġimghat li għaddew. Dan wassal biex il-kuntratti konklużi għaddew minn 117 għal 151. Barra dawn il-ħlasijiet, ġew ipproċessati u ser jitħallsu 31 kuntratt ieħor u 25 bastiment ieħor qed jiġu pproċessati biex jitħallsu sal-aħħar tas-sena. Meta jsiru l-ħlasijiet ta' dawn iż-żewġ gruppi jibqa’ biss 18-il kuntratt li ma jistgħux jiġu konklużi għaliex is-sidien tal-bastimenti għadhom ma ssottomettewx id-dokumenti meħtieġa jew ma laħqux il-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li żdiedet bħala perċentwali l-kompetittivita' fil-produzzjoni tal-produtturi lokali ta' l-għeneb dwieli minn wara l-1 ta' Mejju 2004 sal-lum abbażi tas-sussidji li ngħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 21684.