Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pwales — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tissolva darba għal dejjem il-problema tad-drenaġġ fil-Pwales u jekk parti mis-soluzzjoni se tkun il-mina li tista' tagħmel ħsara lill-ilma ġieri li jinqdew bih il-bdiewa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-problema tad-drenaġġ fil-Pwales se tkun solvuta la darba jsiru mejnijiet ġodda flok dawk eżistenti. Dan ix-xogħol se jibda fil-ġimgħat li ġejjin wara li l-MEPA ħarġet l-permessi meħtieġa. Fl-inħawi tal-Pwales mhix ser issir l-ebda mina tad-Drenaġġ iżda se jsir 'pressure main' li se jkun fil-wiċċ u allura ma' jpoġġix l-ilma ġieri f'xi riskju.

Pulizija — Reserved parking għall-persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jinformana kemm ħarġu ċitazzjonijiet lil vetturi li jipparkjaw fil-post riżervat għall-persuni b'diżabilita' fi Triq il-Parroċċa, San Pawl il-Baħar u jekk huwiex possibbli li di ħadd jieħu ħsieb biex din il-parking bay tibqa' riżervata għall-persuni b'diżabilita' biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kompjuterizzata mill-Pulizija tal-postijiet fejn jinħarġu ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku. Madankollu għaddejt l-ilment fl-aħħar parti tal-Mistoqsija, lill-awtoritajiet kompetenti. Għal dak li jirrigwardja ċitazzjonijiet maħruġa mill-Gwardjani Lokali, ninsab infurmat illi l-informazzjoni qegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Każ dwar tarbija

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinforma fiex waslu l-investigazzjonijiet li d-dipartiment tas-saħħa qed jagħmel dwar il-każ tat-tarbija li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li f'komunikazzjoni mgħoddija miċ-Chairman tal-Bord ta' l-Inkjesta, lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa ġie infurmat li l-Bord ta' Inkjesta issospenda l-investigazzjonijiet tiegħu minħabba l-fatt li t-tobba mgħajta mill-Bord biex jagħtu xhieda għażlu li ma jixhdux fuq direttiva mogħtija lilhom mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM).

Żejtun — Triq Xandru Pulis

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk Triq Xandru Pulis, Żejtun hijiex qiegħda fil-lista biex tiġi irranġata jew meta se jibda x-xogħol ta' tarmak, peress li din l-imsemmija triq tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija tagħmel parti mill-lista ta’ toroq li se jsiru mid-Direttorat. Ix-xogħol f’din it-triq isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-program li qed jiġi mhejji.

ADT — Diretturi/Managers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11872, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx diretturi jew managers fl-awtorita' li għandhom kwota fuq l-infiq tagħhom fuq telefonati? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid jekk l-ammonti li jidhru kenux kollha imħallsin mill-fondi ta' l-awtorita' jew jekk kienx hemm ammonti li tħallsu indirettament mid-diretturi jew managers konċernati permezz tar-refund lill-awtorita' minħabba li qabżu l-kwota tagħhom? Kemm kienu jammontaw dawn ir-refunds?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-nefqa li saret konnessjoni ma' telefonati kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11872 kienet ibbażata fuq it-total tal-kontijiet u mhux fuq kemm ħalset l-Awtorita’. Il-managers għandhom kwota ta' Lm 25 fix-xahar fuq il-kontijiet tal-mobile phones. Kull xahar il-kontijiet kollha li jaqbsu din il-kwota jiġu verifikati u f’ċerti okkażżjonijiet skond id-diskrezzjoni tal-management tal-ADT il-persuni kkonċernati jintalbu jirrifondu d-differenza jew parti minnha, skond il-każ. L-ammont ta’ refunds għall-perjodu Jannar 2004 sa Jannar 2005 kien jammonta għall-Lm755.95.

ADT — Diretturi/Managers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11872, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx diretturi jew managers fl-awtorita' li għandhom kwota fuq l-infiq tagħhom fuq telefonati? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid jekk l-ammonti li jidhru kenux kollha imħallsin mill-fondi ta' l-awtorita' jew jekk kienx hemm ammonti li tħallsu indirettament mid-diretturi jew managers konċernati permezz tar-refund lill-awtorita' minħabba li qabżu l-kwota tagħhom? Kemm kienu jammontaw dawn ir-refunds?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Żejtun — Triq Xandru Pulis

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk Triq Xandru Pulis, Żejtun hijiex qiegħda fil-lista biex tiġi irranġata jew meta se jibda x-xogħol ta' tarmak, peress li din l-imsemmija triq tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq Piscopo Macedonia

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinformana meta hemm il-ħsieb li jingħata t-tarmak fi Triq Piscopo Macedonia, San Pawl il-Baħar, speċjalment fl-isteep hill li hemm fit-tarf tat-triq li tiġi għal Triq Raddet ir-Roti, peress li din l-imsemmija triq tinsab fi stat ħażin ħafna u bħalissa hi ta' periklu kemm għan-nies kif ukoll għall-vetturi? Jista' forsi wkoll isir taraġ fil-ġenb ta' l-isteep hill sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jinżlu n-niżla bil-mixi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat tat-toroq ser jagħmel l-ispezzjoni fil-post imsemmi.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma jekk it-triq 'New Street in Mosta Road - St Paul's Bay' fl-area magħrufa bħala 'Tal-Qarbuni' fejn hemm il-flats tal-Gvern, hiex qiegħda fil-lista biex tiġi rranġata? Jekk fl-affermattiv meta ser jibda x-xogħol ta' tarmac peress din l-imsemmija triq tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija Triq La Cassiere. LA biex tinbena t-triq imsemmija ħarġet fil-11 ta' Jannar 2005. Ix-xogħolijiet jinkludu l-bini mill-ġdid tal-parti tat-triq minn Triq La Vallette sa fejn il-flats il-ġodda tal-gvern. Ix-xogħolijiet hu maħsub li jibdew l-Erbgħa, 2 ta' Frar, 2005 u l-kostruzzjoni tat-triq hi mistennija li titlesta fi żmien sitt ġimgħat.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Frejgatina - Dawl u Ilma

Question

Tista' il-Ministru ġentilment tinformana meta fil-blocks ta' l-appartamenti tal-gvern fi Triq il-Frejgatina San Pawl il-Baħar ser ikun hemm il-faċilita' ta' dawl u ilma? Tajjeb insemmi li dawn il-postijiet ingħataw lill-inkwilini fl-2003.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar mistennija tissottometti l-applikazzjoni għas-servizzi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant kif jinħareġ il-'compliance certificate' dwar il-bini mill-MEPA.

Xemxija — Triq Katerina Vitale

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinformana meta fi Triq Katerina Vitale fix-Xemxija se jingħata t-tarmac u jekk hux possibbli jitwaħħlu d-dwal neċessarji għax it-triq imsemmija tinsab fi stat ħażin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat qed iħejju program tax-xogħlijiet li jinkludi bini ta' toroq f'diversi lokalitajiet. Ix-xogħol tat-triq imsemmija se jsiru skond il-prijoritajiet li tirriżulta minn dan il-program. Rigward id-dawl fit-triq hi responsabilta tal-Kooperazzjoni Enemalta.

Għajn Tuffieħa — Triq Għerien

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex Triq Għerien l/o Għajn Tuffieħa tiġi rranġata minħabba li tinsab f'kondizzjoni ħażina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-Triq Għerien u Ħida, triq sekondarja fi triq ta' Għajn Tuffieħa, (fejn kien is-Sienja Bar and Restaurant), taqa' taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali u għalhekk mhiex imdaħħla fil-programm tax-xogħolijiet tad-Direttorat.

Mellieħa — Triq Isaac Newten - Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta x-xogħol tad-drenaġġ fin-naħa tal-Kortin, il-Mellieħa, fi Triq Isaac Newten 'l isfel se jkun lest billi x-xogħol ilu wieqaf għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li jirriżulta li n-numru ta' djar mingħajr servizz ta' drenaġġ fl-inħawi msemija hu ta' 21. Dawn id-djar ma jistgħux jitqabbdu mal-mejn eżistenti għax il-livell tagħhom hu baxx wisq u għaldaqstant mhux il-kas li ssir estensjoni ta' dan il-mejn. Biex din il-problema tinstabilha soluzjoni, hemm ħtieġa ta' xogħol ta' ċerta spiża li hi kkonsidrata bħala waħda kbira meta wieħed iqabilha man-numru ta' djar li ser tkun isservi. Hu għalhekk li dan ix-xogħol mhux konsidrat bħala ta' prijorita minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Madankollu l-Korporazzjoni għada qed tfittex issib soluzzjoni li permezz tagħha l-ispiza nvoluta tkun aktar kompattibli man-numru ta' djar li ser jinqdew.

Proġett Skart — Għajnuna mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-għajnuniet kemm finanzjarji kif ukoll tekniċi li l-Unjoni Ewropea se tagħtina fir-rigward tal-proġett skart u ta' l-engineered landfill? Se tagħtina dawn l-għajnuniet qabel ma nsiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi għajnuniet finanzjarji u tekniċi li l-Unjoni Ewropea ser tgħaddi lil pajjiżna. Bħala fondi pre-accession, Malta diga` gawdiet għajnuna finanzjarja ta' iktar minn 1.9 miljun EURO f'diversi studji u proġetti, bħalma huma:- Evaluation of Solid Waste Management Proposals, 92,000 Euro Environment - Strategies for Compliance with Environmental Acquis 200,000 Euro and other Feasibility Studies, Analysis and Approximation for Malta in the field of Environmental 200,000 Euro Legislation, Establishing Institutional Capacity in the Environment Sector, 1,400,000 Euro A Solid Waste Management Strategy for the Maltese Islands. 92,000 Euro Valur Totali 1,984,000 Euro Fir-rigward tal-proġett skart, l-għajnuna finanzjarja u teknika tikkonsisti f'għajnuna li l-Unjoni se tipprovdi matul il-kumplament ta' din is-sena. Din l-għajnuna tiswa iktar minn 4.2 miljun EURO u tikkonsisti f'għajnuna teknika u fil-proġett tal-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ f'Għawdex. Technical assistance for the preparation of a project to upgrade the 198,000 Euro composting plant and the material recycling and recovery facility, Technical assistance for the support of waste collection services and 179,000 Euro management, Technical assistance for the development of implementation systems for 150,000 Euro producer responsibility directives, Gozo Sewarage Treatment Plant {Valur totali 7.2 miljun EURO 3,700,000 Euro (EU Funds: 3.7 miljun EURO, Malta Funds 3.5 miljun EURO)} Valur Totali 4,227,000 Euro Fir-rigward ta' l-engineered landfill, l-għajnuna li Malta rċeviet s'issa tikkonsisti f'żewġ żjajjar ta' familjariżżazzjoni, waħda minnhom (li diġa` saret) għall-benefiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Naxxar, fejn żewġ kunsillieri u s-Segretarju Eżekuttiv attendew żjara ta' familjariżżazzjoni dwar l-operat ta' l-engineered landfill, u t-tieni waħda ( li ser issir aktar tard dan ix-xahar) fejn grupp ta' nies tekniċi Maltin minn numru ta' entitajiet governattivi (bħal WasteServ Malta Ltd., Malta Environment and Planning Authority, the University Environment Institute, the Federation of Industries, Ministeru tas-Saħħa u oħrajn) ser iżuru diversi stabbilmenti (inkluż hazardous waste management facility) ġo l-Ingilterra. Tajjeb li nżid ngħid li hemm żjajjar oħrajn ippjanati li ser isiru iktar tard din is-sena.

Proġett Skart/engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi kontribuzzjonijiet mill-familji jew xi tip ta' ħlas biex il-proġett skart u engineered landfill jiffunzjonaw tajjeb?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jiffinanzja dawn il-proġetti mill-voti allokati għal dan il-għan.

LEACHATE — Prekawzjonijiet għall-kontaminazzjoni fil-baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet se jittieħdu biex il-LEACHATE ma jikkontaminax il-water table jew il-baħar viċin?

Response (BORG, JOE)

Peress li l-Mistoqsija hija ta' natura teknika nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmilha lill-Ministru responsabbli għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

Greenhouse gases

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet se jittieħdu biex jiġu kkontrollati l-greenhouse gases li jiġġeneraw il-landfills u jekk hemmx pjanat fil-futur li dawn ir-renewable energy sources jintużaw biex jiġġeneraw l-elettriku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Waħda mill-aspetti mportanti ta' ‘engineered landfill’ hi li il-‘greenhouse gases’ li tipproduċi jiġi mmonitorjati u kkontrollati. Fil-fatt il-‘greenhouse gases’ iġġenerati minn ‘engineered landfill’ jiġu miġbura permezz ta' sistema ta' ‘pipes’ u pompi u jispiċċaw maħruqin ġo ‘flare’ biex ma jagħmlux ħsara amjentali. Din is-sistema ta' ġbir tal-gassijiet tinkludi wkoll strumenti li kontinwament jimmornitorjaw il-gassijiet li jkunu qed jiġu ġġenerati. Jekk tiġi żviluppata ‘engineered landfill’ fil-viċinanzi tal-Magħtab hu mistenni li ftit li xejn ikunu ġġenerati ‘landfill gases’ addizzjonali. Fil-fatt, hu mistenni li meta tibda tintuża l-‘engineered landfill’ il-ġdida jonqsu l-gassijiet li jiġu ġġenerati mill-Magħtab minħabba l-fatt li ma jibqax jiżdied l-iskart domestiku li bħalissa jintrema f' din il-miżbla. Filwaqt li jekk tieqaf topera l-Magħtab preżenti u tibda topera ‘engineered landfill’ l-ammonti ta' ġenerazzjoni ta’ ‘greenhouse gases’ fl-inħawi huma mistennija li jonqsu drastikament. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru hu responsabbli mir-regolamentazzjoni għall-proġetti ta’ l-iskart u mhux għall-implementazzjoni tagħhom.

Magħtab — greenhouse gases

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-volum ta' greenhouse gases ġenerati mill-Magħtab humiex se jiżdiedu mal-greenhouse gases li tista' tiġġenera landfill daqshekk viċina? Dan l-effett se jiġi monitorjat rigorożament u kif se jiġi monitored? Dawn jistgħu jkunu ta' periklu għall-abitanti tan-Naxxar u ta' San Pawl il-Baħar u l-viċin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1226.

Għallis l/o Naxxar — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'inhuma l-vantaġġi li tinbena engineered landfill fl-Għallis l/o Naxxar u mhux fi bnadi oħra ta' Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-fażi preliminarja tal-Environment Impact Assessment (EIA) ħarġu numru ta' vantaġġi, għaliex is-sit ta' l-Għallis ta' ġewwa joffri l-aħjar potenzjal biex jakkomoda dan il-proġett meta mqabbel mas-siti l-oħra li ġew ikkunsidrati. Il-kriterji li fuqhom ġiet ibbażata din id-deċiżjoni jinkludu, fost oħrajn, possibilitajiet aħjar ta' ppjanar, aċċessibilita', impatt ridott fuq il-landscape, fuq agrikoltura, fuq wirt kulturali u saħansitra fuq it-turiżmu għaliex is-sit propost joffri opportunita' biex l-attivita' kollha tkun moħbija viżwalment mis-siti turistiċi. Apparti minn dan, hemm vantaġġi ta' natura teknika għaliex l-infrastruttura diġa' eżistenti għas-sit tal-Magħtab, tista' tibqa' tiġi utiliżżata. Barra minn hekk, l-infrastruttura l-ġdida toffri vantaġġi oħrajn biex il-miżbla tal-Magħtab tiġi ttrattata fil-futur qrib.

Għallis l/o Naxxar — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm se jkun il-kobor stmat tal-proġett kollu fil-fażijiet differenti tiegħu, kemm finanzjarjament kif ukoll fl-infrastruttura tiegħu? (engineered landfill fl-Għallis)

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan kollu tal-Gvern fir-rigward tal-fażijiet kollha tal-proġett ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart, kemm dak finanzjarju kif ukoll fl-infrastruttura tiegħu, jinsab elenkat fid-dettal fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart li dan il-Gvern ippubblika fis-sena 2001. L-istima kapitali ta' l-engineered landfills tammonta għal madwar Lm8.5 miljun li huwa stmat li jiġu nvestiti sas-sena 2023.