Fir-riċeviment li Sar Palazzo Castellania fl-okkażjoni tal-festa ta' San Luqa fis-17 ta' Ottubru, 1998, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mistiedna persuni?
Fuq liema kriterju kienu mistiedna?
Kemm ġew mistiedna persuni li m'humiex impjegati tad-Dipartiment tas-Saħħa?
Kemm ġie jiswa dan ir-riċeviment?
Kemm tħallas overtime biex sar dan ir-riċeviment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-riċeviment lit-tobba fil-festa ta' San Luqa ilu jiġi ċelebrat u sar parti mit-tradizzjoni tad-Dipartiment. Fl-1997 dan ir-riċeviment ma sarx. Kif inhi konswetudni stabbilita għal din l-attivita' ġew mistiedna persuni distinti, uffiċjali mediċi tad-Dipartiment tas-Saħħa, uffiċjali fi gradi maniġerjali, assoċjazzjonijiet u bordijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Dipartiment tas-Saħħa, l-istaff tas-Segretarjat u mistiedna tagħhom. Din id-darba ma ġewx mistiedna t-tobba kollha li jidhru fuq ir-Reġistru Mediku.
Ħargu madwar 400 invit u l-attendenza kienet ta' madwar 350 ruħ.
Peress li għad jonqos xi kontijiet x'jaslu l-figura finali tingħata f'seduta oħra iżda mhux mistennija li taqbeż it-Lm300.
Jista' l-Prim Ministru jgħid bejn l-1992 u l-1996 kemm kienu t-talbiet li tressqu quddiem il-Public Service Commisson għal talbiet biex persuni jiġu ngaġġati taħt l-iskema "buying of service" mal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Buying of Services mhux ingaġġ ta' mpjegati mal-gvern u għaldaqstant ma jitressqux quddiem il-Public Service Commission.
Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1992 u l-1996 kemm ġew impjegati persuni taħt skema "Buying of service" fis-settur tas-saħħa? X'servizz kienu qed joffru? Minn liema belt jew raħal ġew dawk li kienu impjegati taħt din l-iskema? Min kien jiffirmalhom l-invoice li kienet tintbagħat kull xahar? X'kienu l-prezzijiet mitluba f'kull każ? Min approva d-dħul ta' dawn il-persuni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-elezzjoni sal-lum daħlux impjegati f'Zammit Clapp Hospital? Jekk fl-affermattiv, kemm daħlu? F'liema grad? Minn liema lokalita' huma?
Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 14 intqal li t-tibdil ta' l-istaff fid-dar ta' l-anzjani tal-Mosta sar minħabba traskuraġni, jista' l-Ministru jkun iktar ċar għal xiex qed jirriferi ħalli t-tajn li qed jintefa' ikun jista' jiġi ribattut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lil Onor. Interpellant għall-allegazzjoni ta' traskuraġni li saret mill-Assistenta Personali tiegħu fl-4 ta' Settembru, 1998 fuq l-istaff li jaħdem fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta. Fir-risposta tiegħi għall-mistoqsija Nru. 18 ma għidtx li kien hemm traskuraġni wara li sar l-istħarriġ meħtieġ. It-tibdil tal-istaff fid-Djar tal-Anzjani kollha qed isir skond l-esiġenzi tas-servizz.
9.11.98
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kemm kien hemm persuni li kellhom bejn Lm1,000 - Lm2,000; Lm2,000 - Lm3,000; Lm3,000 - Lm4,000; u aktar minn Lm4,000 overtime fl-1996 u fl-1997 fid-dipartimenti kollha tas-saħħa? X'kien il-grad f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fuq id-dokument anness.
Mis-6 ta' Settembru, 1998 jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk il-persuni fis-segretarjat, ministeri u dipartimenti kif ukoll barra mid-dipartimenti li ngħataw il-faċilita' ta' pagers mikrija jew mixtrija fuq id-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' persuni li ngħataw il-faċilita' tal-pager mis-6 ta' Settembru 1998 kienu maqsumin hekk:
Ministru - 2
Dipartiment-Head Office - 2
Dipartiment-Sptarijiet - 9
Ma jidhirlix li għandi ngħati dettalji ta' l-ismijiet għaliex in-numru tal-pager jista' jiġi identifikat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord ta' Tmexxija ta' l-iSptar Zammit Clapp?
X'inhi r-remunerazzjoni tagħhom?
X'inhu l-grad tagħhom?
Barra r-remunerazzjoni,każ każ humiex intitolati għal benefiċċji oħra bħal karozzi, mobile, ħlas personali tat-telefon eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-membri tal-Kumitat (mhux Bord) ta' tmexxija tal-Isptar Zammit Clapp huma:
----------------------------------
ISEM GRAD
----------------------------------
Profs. Frederick Fenech Chairman
Mr. Emmanuel Micallef Membru
Dr. Anthony Fiorini Membru
Ms. Nikolina Farrugia Membru
Mr. Joseph Micallef Membru
Mr. Saviour Sciberras Membru
Mr. Emanuel Attard Membru
----------------------------------
2. Ir-rimunerazzjoni tal-Kumitat ma nbidlitx u għadha l-istess ta' meta l-Onor. Interpellant kien Ministru. Membri tas-Segretarjat tal-Ministeru ma jirċievu l-ebda rimunerazzjoni minkejja li fil-Kumitat preċedenti kien hemm żewġ membri li kienu qed jirċievu Lm1,000 kull wieħed. Dan minkejja li kienu membri tas-Segretarjat tal-Ministeru tas-Saħħa, Kura tal-Anzjani u Affarijiet tal-Familja u tas Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Kura tal-Anzjani. Dan il-ħlas kien imur kontra ċ-ċirkolari maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru fit-3 ta' Novembru 1997, li kienet tgħid li l-ebda membru ta' Segretarjat ma jista' jieħu onorarja għal xogħol li jagħmel bħala membru f'Bord jew Kumitat.
3. Il-Kumitat tat-Tmexxija huma ntitolati għal rimunerazzjoni biss.
Dipartiment ta' l-Obstetrija u Ġinekoloġija — Mobile Ultra Sound Machine
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-mobile ultra sound machine fid-Dipartiment ta' l-Obstetrija u Ġinekoloġija kienx bil-ħsara din il-ġimgħa? Kemm ilu? X'azzjoni qed tittieħed biex isir l-ultra sound lill-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma li fil-'Labour Ward' tal-Isptar San Luqa hemm 'mobile ultra sound machine' li ilha bil-ħsara dawn l-aħħar erba' snin. Qed jiġi evalwat jekk fil-fatt ikunx 'cost-effective' li tissewwa, minħabba problemi ta' 'spare parts'.
Meta jkun meħtieġ 'ultra sound' urġenti, tinfetah il-'main ultra sound unit' li tinsab 25 metru 'l bogħod mill-'Labour Ward' u jintużaw il-makni aktar moderni li hemm hemmhekk.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ċaqlieq uffiċjali u mhux uffiċjali li sar fid-Dipartiment tas-Saħħa jew mid-Dipartiment tas-Saħħa għal dipartimenti oħra, jew minn dipartmenti oħra għal Dipartiment tas-Saħħa, mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' ċaqlieq li sar fid-Diviżjoni tas-Saħħa jew mid-Diviżjoni tas-Saħħa għal Dipartimenti oħra jew minn Dipartimenti oħra għad-Diviżjoni tas-Saħħa mis-6 ta' Settembru sa llum huwa ta' erbgħa u erbgħin(44). Qed nehmeż lista bid-dettalji tagħhom.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx xi kors li huwa relatat mal-kura psikjatrika fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
M'huwiex ċar mill-mistoqsija jekk "twaqqafx xi kors" tfissirx li xi kors ma tkompliex jew li xi kors ġdid imbeda.
Ma kien hemm ebda tibdiliet fid-Diploma tan-Nursing li huwa l-kors relatat mal-kura psikjatrika fl-Universita' ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jimplimenta l-bidliet fl-out-patients ta' l-Isptar San Luqa skond ir-rapport li kien ġie ppreżentat lill-Amministrazzjoni Laburista preċedenti, fejn fost oħrajn pazjent kien se jkollu l-ħin eżatt ta' l-appuntament? Jekk fl-affermattiv, meta mistenni jibda dan il-programm? Jekk fin-negattiv, għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda hi fil-pożittiv. Il-programm diġa' beda jiġi implimentat u fil-fatt fejn jidħlu appuntamenti diġa qegħdin jingħataw bil-ħin f'dawn id-dipartimenti: Diabete, Dipartiment tar-Radioterapija, Pulmonary Function Lab., Klinika tar-Rheumatology u fl-Out patients' tal-Kirurġija Pedjatrika.
L-għan aħħari hu li kull pazjent li jattendi l-Out-Patients' Department ikollu l-ħin eżatt ta' l-appuntament tiegħu (skond il-kompjuter). Nikkonferma li miexi ix-xogħol biex dak li twettaq s'issa fid-dipartimenti fuq imsemmija jiġi estiż għad-dipartimenti l-oħra kollha fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret sabiex is-segretarjat tal-ministru u s-segretarju parlamentari u l-Ministeru ta' l-Intern iġorru għal Casa Leone?
Response (BORG, TONIO)
L-ispiża sabiex il-Ministeru ta' l-Intern, is-Segretarjat tal-Ministru, s-Segretarjat Parlamentari u s-Segretarju Permanenti jġorru mill-'House of the Four Winds' għal 'Casa Leoni', St. Venera kienet tammonta għall-Lm460.
Din l-operazzjoni kellha ssir minħabba li l-post fil-'Four Winds' kien żgħir wisq biex jakkomoda l-Ministeru, is-Segretarjat Parlamentari u s-Segretarjat Permanenti.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret biex sar it-trasferiment tas-segretarjat u l-Ministeru tas-Saħħa minn Casa Leone għal Palazzo Castellania?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-nefqa li saret biex sar it-trasferiment tas-Segretarjat u l-Ministeru tas-Saħħa minn Casa Leoni għal Palazzo Castellania kienet ta'Lm750.
Billi tħabbar pubblikament li mhux se jkun hemm bżonn ta' sular ieħor fl-Isptar il-Ġdid f'Tal-Qroqq, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-bed space area, min kienu l-konsulenti li tawh dan il-parir, kemm se jkun hemm sodod fl-isptar Tal-Qroqq bħala in-patients u day beds rispettivament?
Ladarba kien hemm din l-istqarrija, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport u d-disinji li juru li m'hemmx bżonn sular ieħor, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fir-rapport 'Development Strategies Issue One' presentat f'Awissu 1998, il-konsulenti tad-disinji i.e. 'Norman and Dawbarn Ltd.' akkomodaw il-bżonnijiet kollha tal-'Medical Brief', inkluż in-numru ta' sodod, mingħajr il-bżonn ta' sular ieħor.
Id-disinji għadhom għaddejjin mill-proċess ta' evolviment u għaldaqstant m'humiex finali.
N.B. B'sular ieħor hu mifhum sular fuq Block D.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fuq każ ta' traskuraġni li kien irrapportat mill-uffiċċju tiegħu, dakinhar stess, fit-3 ta' Settembru, 1998, fuq moħqrija ta' anzjani minn numru ta' care workers fil-Mosta Home?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar dan 'il-każ ta' allegat traskuraġni irrappurtat fit-3 ta' Settembru, 1998' - ma jirriżultax li kien hemm l-ebda moħqrija fuq anzjani minn-naħa tal-Care Workers fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta. Skond ir-rapport li għamel l-Officer i/c Home, in-Nursing Aide kienet bil-leave u ghalhekk ċertu xogħol kellu jsir minn Care Workers. Billi dak in-nhar l-quddiesa bdiet tliet kwarti tard mis-soltu u billi dawn il-Care Workers riedu wkoll iqassmu l-ikel, dan ix-xogħol li kien jikkonsisti f'tibdil tal-ħrieqi, sar siegħa tard.
Nista nassigura lill-Onor. interpellant li f'dawn l-aħħar ġranet ittieħdu u ser ikomplu jittieħdu deċizjonijiet dwar l-istaff fid-Djar ta' l-Anzjani
kollha biex żgur ma jkunx hemm lok ta' ebda traskuraġni. Fil-fatt ċertu tibdil tal-Istaff fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta diġa ġie effetwat.
2.11.98
Billi kien hemm rapport f'ġurnal lokali li 1/5 tal-bini ta' l-isptar Tal-Qroqq se jitwaqqa', jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-disinji l-ġodda u r-rapport li jikkonferma dan?
Ladarba jidher li d-disinji huma lesti, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex il-problema maħluqa fis-second basement li huwa għoli biss żewġ metri skond kif kien iddisinjat mill-Ortesa u mibni skond kif disinjati minn Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti (1992 - 1996), tiġi riżolta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-allegazzjonijiet li dehru fir-rapport tal-ġurnal imsemmi ġew imwieġba mill-F.M.S. f'ħarġa oħra ta' l-istess ġurnal.
Fir-rapport "Development Strategies Issue One" presentat f'Awissu 1998, il konsulenti tad-disinji i.e. "Norman and Dawbarn Ltd." akkomodaw il-bżonnijiet kollha tal-'medical brief', inkluż in-numru ta' sodod, mingħajr il-bżonn ta' sular ieħor.
Id-disinji għadhom għaddejjin mill-proċess ta' evolviment u għaldaqstant mhumiex finali.
N.B. B'sular ieħor hu mifhum sular fuq Block D.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-impjegati li mid-dipartiment tas-saħħa marru ma' segretarjati ta' ministri jew segretarji parlamentari? X'kien il-grad f'kull każ? F'kull każ, x'inhu l-indirizz u n-numru tal-karta' ta' identita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jsir programm ta' breast screening f'Malta u f'Għawdex skond kif titlob l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv, meta huwa mistenni li jibda dan il-programm? Jekk fin-negattiv għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif jaf sew l-Onor. membru hemm diversi problemi tekniċi biex iddaħħal programm bħal dan. Minħabba dawn il-problemi għadu m'hux il-waqt li nintroduċu 'screening programme' nazzjonali għall-kanċer tas-sider.