B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3317, jista' l-Ministru jgħid min ħallas għall-kartolini li ntbagħtu lill-familji kollha fil-XI-il distrett għall-Milied ta' l-1998? Min ħallas għall-posta li kienet f'envelopes "Il-Gvern ta' Malta"? F'każ li l-ħlas kien minn xi vot li jaqa' taħt il-Ministeru, kemm kienu l-ammonti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mhux minnu li ntbagħtu kartolini lill kull familja tal-Ħdax il-Distrett. Il-kartolini mixtrija mill-Ministeru tas-Saħħa għall-Milied 1998 tħallsu mill-istess sorsi li minnhom kienu tħallsu l-kartolini li nxtraw u ntbagħtu mill-Ministru preċedenti, għall-Milied ta' 1997. Bħal ma għamel il-predeċessur tiegħi, ġew ordnati numru ta' kartolini biżżejjed biex iservu għas-snin li ġejjin. B'hekk ingħatajna prezz aktar favorevoli.
Il-posta tal-kartolini li ntbgħatu tħallsu minni personalment għajr għal xi mitt kartolina. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq, nista' nurih kopja tal-irċevuti li tħallsu minni personalment bħala konferma li ma ntbgħatux kartolini lill kull familja kif inhu allegat.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonjiet saru dwar ħruq fil-basement ta' l-Isptar San Luqa nhar il-Ħamis, 4 ta' Marzu, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ħruq imsemmi kien nar żgħir f'wieħed mit-tankijiet fejn jinġabar l-iskart, u ġie mitfi fi ftit sekondi bla ma saret ebda ħsara.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir l-operazzjoni f'saqajn it-tifel ta' 15-il sena, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u li jbati minn diversi problemi mediċi oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma li l-pazjent imsemmi ġie mqiegħed fuq il-waiting list ta' Mr A. Bernard fl-4 ta' Marzu 1998. Peress li jien infurmat li l-każ mhux urġenti (sakemm ma nbidlux xi ċirkustanzi - li m'għandna l-ebda prova li ggravaw), il-pazjent issirlu l-operazzjoni meta jmissu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża petrol għall-karozza Nru. DBB 702 tad-Dipartiment tas-Saħħa bejn Ottubru 1998 u l-aħħar ta' Frar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' petrol li ntuża għall-karozza Nru. DBB 702 bejn Ottubru 1998 u Frar 1999 kien jammonta għal 596.40 litri, li jlaħħaq is-somma ta' Lm214.48.
Peress li fi żmien gvern preċedenti kienu bdew diskussjonijiet bejn il-gvern u l-knisja biex isir użu minn proprjeta'li hi tal-knisja f'post ċentrali f'Malta ħalli jintuża bħala tarġa oħra biex pazjenti b'mard mentali jiġu riabilitati u ntegrati lura fis-soċjeta', jista' l-Ministru jgħid fiex waslu dawn id-diskussjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew 'Policy paper' u pjan t'azzjoni maqbula bejn rappreżentanti tal-Gvern u tal-Knisja. Qabel ma wieħed jimxi għall-implimentazzjoni qed nistennew li l-awtoritajiet rispettivi japprovaw il-'Policy Paper' u l-pjan t'azzjoni biex nimxu lejn time table t'implimentazzjoni.
Billi qed jinħass il-bżonn li tinfetaħ fi żmien kemm jista' jkun qasir l-acute integrated admission ward maġemb il-FW6 ħalli jittaffew il-problemi ta' l-Admission Ward 2 (irġiel) li għandha numru aktar milli suppost ta' pazjenti, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li tinfetaħ l-Acute Integrated Admission Ward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestiet il-Medical Brief ta' Unit integrat akut u bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex jiġu determinati l-'options' dwar disinji. Għadu għalhekk ftit prematur li wieħed jikkommetti ruħu dwar dati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex wieħed japplika għal course ta' local wardens organizzat mill-ETC intalab il-ħlas ta' Lm50?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qed titlob ħlas ta' Lm50 mingħand l-applikanti għall-kors ta' local wardens biex tkun tista' tiffinanzja parti mill-ispejjeż li daħlet għalihom biex torganiżża dan il-kors. Meta wieħed iqis il-kontenut tal-kors, il-kapaċitajiet ta' l-għalliema u s-sigħat involuti, wieħed jirrealizza li l-ħlas huwa baxx. Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol ma ntalbux iħallsu l-Lm50.
15.3.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-ħadid li twaħħal bħala lqugħ mal-ground ħdejn il-bandli tan-Naxxar mill-kunsill lokali tal-post? Fejn inħadem? Kienet ħarġet tender għal dan ix-xogħol? Kien hemm permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Peress li ċertu ħwienet li jorganizzaw tours madwar Malta ġewwa Buġibba u l-Qawra qed jiġu mġiegħla jagħlqu nhar ta' Ħadd wara nofsinhar, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq servizzi lit-turisti li jiġu jżuru pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet hu regolat bl-Att dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol tal-Ħwienet u tal-Bejjiegħa fit-Toroq (Kap. 155). Skond Artikolu 10(3) ta' l-imsemmi Att, il-Ministru responsabbli għax-xogħol jista' jagħmel regolamenti li bihom jeżenta l-ħwienet kollha jew xi kategorija minnhom, li jinsabu f'lokalita' turistika, fost affarijiet oħra mill-provvedimenti dwar il-ħinijiet ta' l-għeluq.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
10.03.99
Wara r-rapport li deher fil-paġna ta' quddiem tal-ġurnal tal-Ħadd "The Malta Independent on Sunday dwar ħlas ta' flus biex wieħed jitqabbeż il-lista biex issirlu operazzjoni, jidhirlu l-Ministru li għandu jagħmel l-investigazzjonijiet kollha possibbli nkluż dawk li huma pprovduti fil-liġijiet tar-Repubblika ta' Malta ħalli jara kemm hu veru dan ir-rapport, u jekk jinstab li dan ir-rapport huwa veru jittieħdu l-passi kriminali neċessarji? Jidhirlu l-Ministru li dan il-każ, sar meta sar, m'huwiex biss każ ta' etika medika iżda huwa wkoll wieħed kriminali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant, bħala ex-Ministru tas-Saħħa missu jaf li sakemm id-Dipartiment ma jirċevix 'statements' iffirmati ma jistax jibda jinvestiga, la din l-allegazzjoni u lanqas allegazzjonijiet oħra. Japprezza wkoll li l-ġurnalist li kiseb din l-informazzjoni hu obbligat li, skond il-kodiċi ta' etika ġurnalistika, ma jagħtix dettalji. Għalhekk nieħu din l-okkażjoni biex għal darb'oħra nitlob il-koperazzjoni tal-persuni nvoluti biex jagħmlu l-kuraġġ u jressqu l-ilmenti tagħhom bil-miktub.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun ir-rwol tal-Project Management fil-kuntratt ta' Design and Build fl-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-rwol tal-'Project Management' fil-kuntratt ta''Design & Build' tiġi stabilita meta x-xogħol fuq il-'Memorandum of Understanding' ikun aktar avanzat.