Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' mpjieg bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u ċ-Chief Executive Officer tal-isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta` mpjieg bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u ċ-Chief Executive ta` l-iSptar Monte Carmeli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa, fl-aħħar ġimgħat, m'għandhomx it-tilqima tal-HIB (Haemophilus Influenza B) li tingħata lit-trabi fl-ewwel sena wara t-twelid tagħhom? Meta mistenni li fiċ-ċentri tas-saħħa terġa tingħata din it-tilqima?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għad-domanda Nru 33078.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa għal xhur sħaħ, m'għandhomx it-tilqima tal-cholera?
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li fiċ-ċentri tas-saħħa tingħata din it-tilqima minħaba li diversi impjegati Maltin li jaħdmu barra minn Malta jingħataw il-prekawzjoni kontra l-cholera?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa kien ħareġ sejħa għall-Offerti għal din il-vaccine fit-13 ta` Awissu 2001, iżda ma rċieva l-ebda offerta. Sussegwentement, ġew maħruġa tliet PFIs oħra fis-sena 2001 u bidu tas-sena 2002. Minn dawn, id-Dipartiment tas-Saħħa rċieva kwotazzjoni dan l-aħħar minn aġent wieħed. Din l-offerta qed tiġi kkunsidrata.
Il-vaccine kontra l-cholera tingħata bil-ħlas mill-immunisation centre tal-Furjana u mhux miċ-Ċenti tas-Saħħa kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fiċ-ċentri tas-saħħa jeżisti nuqqas tat-tilqima MMR (Measles, Mumps, Rubella) li tingħata lit-tfal ta' ħmistax il-xahar u lejn l-aħħar tal-primarja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa kellu tilwima legali ma` l-aġent li kellu jissuplixxi l-MMR. Dan kien l-uniku aġent li offra l-ispeċifikazzjonijiet adegwati u aċċettati mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Riċentement kien hemm żviluppi ġodda rigward din il-vaccine u qed isir minn kollox biex terġa` tkun fiċ-Ċentri tas-Saħħa mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċertu kura għall-marda tal-kanċer qed tingħata mill-community chest fund u mhux kif inhuma intitolati kull pazjent tal-kanċer li huma intitolati għal kull kura, tal-kanċer b'xejn?
Billi din il-kura tiswa madwar ħamsin lira kuljum, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-gwida tad-Dipartiment dwar din il-kura? Jekk id-Dipartiment tal-Onkoloġija jidirlu li din il-kura mhux daqshekk effettiva x'pariri ngħataw il-membri tal-community chest fund?
Jekk id-Dipartiment tal-Onkoloġija jidhirlu li l-effett ta' din il-kura hija ta' benefiċċju kbir x'inhu jżomm id-dipartiment tas-saħa li jagħti din il-kura b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Community Chest Fund ma tagħtix kura għall-kanċer. Dan il-fond iżda jagħti għajnuna finanzjarja lil xi pazjenti biex jixtru ċerti mediċini li m'humiex approvati mid-Drug Therapeutic Committee.
Din il-proċedura għadha l-istess bħal meta l-Onor Interpellant kien Ministru, jiġifieri li talbiet għal mediċini ġodda mhux dejjem jiġu milqugħa mid-Diviżjoni tas-Saħħa għal diversi raġunijiet inkluż l-effettivita` tal-mediċina u l-liċenzjar tal-mediċini.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu permessi ġodda fil-futur qarib għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Jekk fl-affermattiv, kemm se jingħataw liċenzji u xi kriterji ntużaw fl-għoti ta' dawn il-liċenzji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pożizzjoni għadha l-istess kif indikata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 29357 (Seduata 632).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kmamar riservati għall-koppji fir-residenza San Vinċenz u li fihom hemm persuna waħda jew żewġ residenti tal-istess sess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li f'San Vinċenz de Paule m'hemm l-ebda kmamar riservati għall-koppji u li fihom persuna waħda. Filwaqt li hemm 4 kmamar riservati għall-koppji u fihom żewġ persuni tal-istess sess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kmamar fir-residenza San Vinċenz li suppost huma riservati għal koppji? Jista' l-Ministru jgħid wkoll f'liema swali qegħdin il-kmamar għall-koppji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li f'San Vinċenz de Paule hemm 25 kamra li huma speċifikament riservati għall-koppji. Dawn qiegħdin imqassmin hekk:
St Joseph Ward 11 - 11
St Joseph Ward 12 - 10
RB 4 - 4
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-applikazzjoni għaċ-Chief Executive Officer fl-isptar Tal-Qroqq? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li kien ġie ppubblikat u f'liema ġurnali dehra r-riklami?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikazzjoni għal Chief Executive Officer ta` l-Isptar il-Ġdid f'Tal Qroqq ħarġet fil-5 ta` Lulju 2001 u għalqet fl-20 ta` Lulju 2001.
Ir-reklam deher fuq The Times, The Malta Independent, in-Nazzjon u l-Orizzont fil-5 u fis-6 ta` Lulju 2001, filwaqt li fit-8 ta` Lulju 2001 deher fuq is-Sunday Times.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam ippublikat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet l-applikazzjonijiet għaċ-Chief Executive Office fl-isptar Monte Carmeli? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li kien ġie ppublikat u f'liema ġurnali dehru r-riklami?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikazzjoni għal Chief Executive Officer ta` l-Isptar Monte Carmeli ħarġet fid-29 ta` Lulju 2001 u għalqet fid-9 ta` Awissu 2001.
Dan ir-reklam deher fid-29 ta` Lulju 2001 fuq is-Sunday Times, filwaqt li fl-1 ta` Awissu 2001 deher fuq The Times, The Malta Independent, in-Nazzjon u l-Orizzont.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-reklam ippublikat.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom il-vażi (gwarniċi antiki) fis-swali li ġew irranġati fl-isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li wħud minn dawn il-vażi (gwarniċi antiki) kienu mkissrin u kellhom jitwarrbu wara li ġew irranġati xi swali. Oħrajn qegħdin jintużaw, filwaqt li xi wħud oħra huma merfugħin fl-istores ta` l-iSptar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm spiss isiru laqgħat fl-Isptar Boffa fejn it-tmexxija tal-isptar tiltaqa' mal-ħaddiema ħalli jkun jista' jsir review tal-progress f'kull settur?
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-proċeduri tal-health and safety fl-isptar Boffa?
Xi training kellu f'dan is-settur?
Dan it-training kien sponsorjat?
Minn min?
Kull meta dan il-health and safety officer jiddiskuti mal-ħaddiema l-proċeduri neċessarji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-isptar Boffa teżisti sistema dettaljata tal-protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Radjuterapija.
Bi ftehim man-National Protection Board tal-Ingilterra jsiru testijiet regolarment fuq il-ħaddiema f'dak li għandu x'jaqsam ma' "exposure" għal materjal radjuattiv.
l-Infection Control Unit tal-isptar San Luqa tikkollabora mal-ħaddiema tal-isptar Boffa biex fl-isptar jiġu mplimentati protokolli u "guidlines" għal protezzjoni tal-ħaddiema f'każijiet ta' mard infettiv kif ukoll il-metodi tal-immaniggjar tal-iskart kliniku.