Jista' l-Ministru jikkonferma li biex ittellgħet iċ-ċumnija ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq intnefqu aktar minn Lm9,000 biex inkera l-crane ħalli jsir ix-xogħol fuq iċ-ċumnija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċumnija fl-isptar il-ġdid f' Tal-Qroqq? Fejn inħadmet? Kemm tħallas is-sid tal-crane li tella f'posta ċ-ċumnija msemmija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li ċ-ċumnija ta` l-iSptar Mater Dei inbniet minn Steelcon fid-Danimarka u ġiet tiswa LM131,174 (VAT eskluż).
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ma nħossx li għandi nagħti nformazzjoni peress li hija ta` natura kummerċjali.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ rapporti tal-konsulenti SECTAR mqabbda mill-FSM biex jevalwaw l-offerti mitfugħa għas-sejħa għall-offerti ta' apparat mediku, għamara u affarijiet relatati magħhom għall-isptar il-ġdid f' tal-Qroqq?
Jista' i-Ministru jgħid min kienu u mill-liema pajjiż ġejjin il-kuntratturi li ħadu ħsieb sub-contracting mill-konsortium Skanska għal xogħol ta' disinjar, bini u kull xogħol ieħor relatat mal-bini ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-detail design ta` l-isptar Mater Dei ġie magħmul mill-impjegati tal-konsurzju Skanska Malta J.V.
Is-subcontractors li ġew imqabbda sabiex jaħdmu xogħlijiet diversi ġejjin minn dawn il-pajjiżi: Malta, Rejnu Unit, Italja, Danimarka, Svezja u Ungerija.
Jista' l-Ministru jieħu passi mmedjati biex jitwaqqaf id-drenaġġ li qed jiskula fil-ħofra li tħalliet għal proġett ta' bini fil-kantuniera bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl fin-Naxxar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qatt ma daħal rapport fid-Dipartiment tad-Drenaġġ ta' xi ħofra mimlija bid-drenaġġ fit-toroq imsemmija.
Madankollu, d-Dipartiment se jinvestiga l-każ u jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-insetti riżultat ta' fawran ta' drenaġġ li hemm fil-plot li qed tinbena fil-kantuniera bejn triq il-Parroċċa u triq San Pawl in-Naxxar jiġu kkontollati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-investigazzjonijiet neċessarji għadhom qegħdin isiru. Risposta tingħata f'xi seduta aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-kwistjoni fejn numru sostanzjali ta' enrolled nurses, mingħajr avviż sabu s-salarji tagħhom imnaqqsa minn skala 11 għal skala 12 fis-settur pubbliku? X'kien li wassal għal din l-anomalija? Min kien/u responsabbli għall-iżball li d-dipartiment tas-saħħa jsostni li sar meta dawn l-enrolled nurses ingħataw is-salarju fi skala 11? X'passi ttieħdu kontra dan l-individwu jew individwi li għamlu dan l-iżball?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 33257.
In-numru ta' enrolled nurses li ghalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant huwa ta' tlettax (13) biss.
Peress li l-każ jinsab quddiem il-Qrati u għadu sub judice, tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata meta tinqata' s-sentenza mill-Qrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm laptops fl-inventarju ta' l-isptar Monte Carmeli u min qed jużahom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-iSptar Monte Carmeli hemm żewġ laptops fl-inventarju. Wieħed qed jintuża mis-CEO u l-ieħor mis-social worker on duty fl-uffiċċju tas-Social Work Department.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fi djar għall-anzjani privati u li għalihom qed iħallas il-gvern? F'liema djar għall-anzjani privati qed jibgħat anzjani l-gvern u f'kull każ kemm hemm anzjani mibgħuta mill-gvern? X'inhu l-ħlas għal kull anzjan fid-djar privati? B'liema proċedura jintgħażlu l-anzjani li jibgħat il-gvern fid-djar privati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-iskema tal-'public private partnership', sa l-aħħar ta' Ġunju 2002 kien hemm 61 persuna li kienu qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim kif milħuq ma' Care Services Ltd u Health Care Services Ltd. Filwaqt li l-għażla ssir bl-istess mod kif isir għad-Djar Residenzjali tal-Gvern, il-ħlas mir-residenti jsir ukoll bl-istess mod u l-Gvern jagħmel tajjeb għad-differenza bejn dak li jikkontribwixxi l-anzjan u l-prezz miftiehem mal-operaturi privati.
Peress li l-kontribuzzjoni magħmula mir-residenti tvarja minn wieħed għall-ieħor skond il-mezzi tal-individwi, allura l-element tas-sussidju maħruġ mill-Gvern ivarja wkoll minn persuna għall-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-kċina ta' l-isptar Monte Carmeli? X'jisimhom f'kull każ x'inhu l-grad tagħhom, x'inhu xogħlhom fil-kċina u kemm ilhom jaħdmu fil-kċina ta' l-isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa is-CCTV fl-isptar Monte Carmeli? Meta ġiet installata s-sistema? Is-sistema nxtrat wara sejħa għal tenders bi quotations jew b'direct order? Min għand min inxtrat? Kemm hu t-tul tal-garanzija? Kemm saru modifikazzjonijiet fis-sistema tas-CCTV minn meta twaħħlu u f'hiex kienu jikkonsistu dawn il-modifikazzjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-sistema ta` CCTV inxtrat fis-sena 2000 mingħand id-ditta ELU Ltd. wara sejħa għal quotations għas-somma ta` LM1,084.45. Is-sitema kellha garanzija ta` sena. Dan it-tagħmir ġie installat fis-sena 2000.
Sussegwentement, inħasset il-ħtieġa ta` xi modifikazzjonijiet f'din is-sistema biex titkabbar u ssir aktar effettiva. Dawn il-modifikazzjonijiet saru matul is-sena 2001 u 2002 għall-prezz ta` LM500 u LM400 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-x-rays ta' pazjenti wara l-mewt tagħhom? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-proċedura ma nbidlitx ghal dawn l-ahhar snin.
Ninsab infurmat li wara l-mewt ta' pazjenti, d-Dipartiment tar-Radjoloġija jieħu passi sabiex jiġi stabbilit jekk X-Rays ikinux suġġetti għal xi inkjesta Maġisterjali jew mitlubin bħala materjal għal tagħlim.
F'każ li jiġi stabbilit li l-films ma jkunux meħtieġa, dawn jintbagħtu sabiex jiġi rkuprat il-fidda minnhom. Il-poċess jiġri bejn ġimgħatejn u tliet xhur mill-mewt ta' l-individwu.
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-files personali tal-pazjenti li jmutu u li l-każ tal-mewt tagħhom ikun għaddej minn investigazzjonijiet tal-maġistrat? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-files personali tal-pazjenti li mietu, u li l-każ tal-mewt ikun għaddej minn investigazzjonijiet tal-Maġistrat, jittieħdu fuq struzzjonijiet tal-Qorti, mill-Maġistrat. Wara li tiġi konkluża l-investigazzjoni, il-files jiġu ritornati lid-Dipartiment u jiġu merfuha.
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-files personali ta' dawk il-ħaddiema li jersqu quddiem il-bord biex jiġu boarded out minn mal-gvern? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-dokumenti li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant jiġu merfugħa f'post flimkien ma' dokumenti oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spiżjara fis-servizz tas-saħħa li qegħdin; fuq maternity leave; fuq paternity leave; fuq l-option ta' leave għal erba snin; fuq leave with pay għal skop ta' studju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave with pay; fuq leave without pay għal skop ta' studju - f'kull każ kemm ilhom bil-leave without pay; fuq leave with jew without pay biex jagħmlu xogħol missjunarju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave; fuq scholarship barra minn Malta u f'kull każ kemm hu twil il-perijodu ta' l-ischolarship u għal liema studju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm scientific personnel jaħdmu fid-dipartiment tas-saħħa li qegħdin; fuq maternity leave; fuq paternity leave; fuq l-option ta' leave għal erba snin; fuq leave with pay għal skop ta' studju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave with pay; fuq leave without pay għal skop ta' studju - f'kull każ kemm ilhom bil-leave without pay; fuq leave with jew without pay biex jagħmlu xogħol missjunarju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave; fuq scholarship barra minn Malta u f'kull każ kemm hu twil il-perijodu ta' l-ischolarship u għal liema studju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm infermiera u qwiebel fid-dipartiment tas-saħħa li qegħdin; fuq maternity leave; fuq paternity leave; fuq l-option ta' leave għal erba snin; fuq leave with pay għal skop ta' studju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave with pay; fuq leave without pay għal skop ta' studju - f'kull każ kemm ilhom bil-leave without pay; fuq leave with jew without pay biex jagħmlu xogħol missjunarju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave; fuq scholarship barra minn Malta u f'kull każ kemm hu twil il-perijodu ta' l-ischolarship u għal liema studju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq fuq safar bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-aħħar ta' Settembru 2001 fil-Ministeru li jaqa taħt ir-responsabbilita tiegħek? Kemm min dan l-infieq kien fuq safar relatat mal-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bejn l-ewwel ta' Jannar 2001 u l-aħħar ta' Settembru 2001, fil-Ministeru tas-Saħħa u l-entitajiet li jaqgħu taħtu intefqu lm70,882.
Minn dan l-ammont, Lm16,096 intefqu f'safar relatat ma' l-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-discount store li għandu s-sinjal "opening soon" fi Triq Vincenzo Bugeja, Naxxar, għandux il-permess tal-Planning Authority u jekk għandux spazju għall-parking kif stipulat mil-liġi? Jekk le, jista' jara li dan l-istabiliment ma jinfetaħx qabel ma jkun hemm spazju skond il-liġi għall-parking? Dan minħabba li n-nies li joqogħdu fil-viċin diġa` għaddew minn ħafna problemi u inkonvenjent meta dan is-supermarket kien operat minn owners oħrajn u minkejja li rrapportaw ħafna drabi lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar xorta kien baqa' miftuħ minkejja li ma kienx hemm parking space?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-discount store li saret referenza għalih huwa kopert b`permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, b`referenza PA 2676/95 datat 26 ta` Ottubru 1995. Skond kundizzjonijiet Nru. 4 u Nru. 9, il-livell tal-basement kellu jipprovdi post għal disa` parking spaces. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ma kienux qegħdin jiġu osservati, billi dan il-livell kien qiegħed jintuża, parti bħala store u parti oħra bħala estensjoni tal-ħanut, inħareġ Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 349/97 datat 10 ta` Ġunju 1997. Sar appell kontra dan l-Avviż, liema appell ġie deċiż fit-28 ta` April 1998, fejn ġie ikkonfermat l-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq. Ta` min jinnota li kienet saret ukoll applikazzjoni b`referenza PA 6908/97 bi proposta biex il-livell tal-basement kolpit bl-Avviż jiġi regolarizzat. Din l-applikazzjoni għadha pendenti quddiem il-Bord ta` l-Appell fuq punt ta` Liġi.
Irid jingħad li għalkemm twaħħlu xi sinjali li jindikaw li dan l-istabbiliment dalwaqt jibda jopera, l-Awtorita` mhux se tippermetti il-ftuħ mill-ġdid ta` dan l-istabbiliment mingħajr ma` l-kundizzjonijiet imposti jiġu osservati, jew is-sitwazzjoni tkun regolarizzata skond il-Liġi.