Ministeru tas-Saħħa — Ħaddiema li ngħataw scholarship
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħaddiema fid-dikasteru tiegħu ingħataw scholarship tal-gvern jew minn entitajiet oħra jew ingħataw paid study leave fl-aħħar 15-il sena?
Minn dawn l-impjegati: a) kemm minnhom għadhom ma onorawx il-kuntratt mal-gvern? b) kemm minnhom ingħataw xi darba jew oħra estensjoni biex jibdew jonoraw il-kuntratt u f'kull każ x'kienet ir-raġuni? Kemm minnhom spiċċaw biex qatt ma onoraw il-kuntratt? c) kemm minnhom ma onorawx il-kuntratt? d) kemm minnhom il-kuntratt ġie expired? x'kienet ir-raġuni? e) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li qatt ma onoraw il-kuntratt u f'kull każ kemm huma obbligati li jħallsu lill-gvern? Kemm kien hemm każi fejn ġie kkontestat dan il-fatt u x'kien ir-riżultat f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba l-informazzjoni mitluba tirrekjedi ammont kbir ta' sigħat ta' xogħol minn numru ta' mpjegati tad-Diviżjoni u dan iwassal għall-neqfa żejda mill-Fondi Pubbliċi, l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jindika l-utilita' għal fejn qiegħed jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari li tmur lura għal 15-il sena riċerka.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kura tal-għajnejn bil-visudynema tingħatax fl-isptar San Luqa, iżda wieħed irid jirrikorri fil-privat inkella jitlef id-dawl ta' għajnejh?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ebda Gvern qatt ma ntrabat li jipprovdi s-servizzi kollha eżistenti fil-privat. Il-protokollli kliniċi, li permezz tagħhom ġew stabbiliti guidelinesspeċifiċi minn National Institute for Clinical Excellence tar-Renju Unit għall-kura ta' Age-related Macular Degeneration permezz tal-Visudyne, ġew finaliżżati f'Diċembru 2003.
F'sitwazzjoni fejn ma jkunx ġew allokati fondi speċifiċi, jagħmel sens li qabel ma jiġu ntrodotti servizzi ġodda wieħed jara l-impatt sħiħ tal-implimentazzjoni sħiħa tagħhom. Qed jiġi finaliżżat l-istudju neċessarju sabiex jiġi stabbilit kemm persuni jikkwalifikaw għal din il-kura f'Malta skond dawn il-protokolli stabbiliti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fiċ-ċimiterju ta' Braxia fl-2001 u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu llum u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fis-sena 2001 fiċ-Ċimiterju ta' Braxia kienu jaħdmu tliet ħaddiema. Il-grad tagħhom kien ġardinar (1) u deffien (2). Fil-preżent, fiċ- Ċimiterju ta' Braxia hemm jaħdmu żewġ ħaddiema tal-Gvern. Wieħed deffien u l-ieħor health assistant.
Din l-Art Ħelwa tirċievi grant mingħand il-Gvern u tqabbad ħaddiema oħra skond il-bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser tiġi restawrata l-kappella fiċ-ċimiterju ta' Braxia?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li xogħol ta' restawr fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta' Braxia ilu li beda għal xi żmien. Diga' sar xi restawr fil-bieb u anke fit-twieqi bl-stained glass.
Ċimiterju ta' Braxia — Susa fis-saqaf tal-kappella
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi kkontrollata s-susa fis-saqaf tal-kappella taċ-ċimiterju ta' Braxia? Jista' il-Ministru jgħid x'rapport sar dwar il-ħsara li saret mis-susa fl imsemmi saqaf u x'ġie rrikkmandat? Jekk tlesta rapport, jista l-Ministru jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul is-sena 2003 Din l-Art Ħelwa li jirċievu budget mingħand il-Gvern għal xogħol fiċ-Ċimiterju ta' Braxia, kienu qabbdu kumpanija privata li tispeċjaliżża fil-kontroll ta' l-insetti biex jeżaminaw is-saqaf tal-kappella taċ-Ċimiterju ta' Braxia. Dawn innotaw il-preżenza tas-susa. L-istess Din l-Art Ħelwa għamlu kuntatti mal-Ministru tax-Xogħolijiet biex tiġi mistħarġa din il-problema. Din is-sena d-Dipartiment tas-Saħħa nkariga Perit biex jipprepara rapport dwar l-istat ta' tali saqaf u x'jeħħtieġ isir. Infurmat li tali rapport għadu qiegħed jitlesta.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Gvern jiftiehem dwar ħlasijiet lis-sidien ta' l-artijiet, li kienu ngħataw għall-bini tad-djar tal-Gvern fix-Xwieki il-Għargħur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sidien ta' l-artijiet li kienu ngħataw għall-bini tad-djar fix-Xwieki il-Għargħur ġew kollha ikkompensati ħlief għas-sidien li kellhom l-utile dominium temporanju ta' biċċa art waħda. Dan l-utile dominium għalaq fl-14 ta' Awissu 1991. Il-kumpens lil dawn is-sidien ikun jista' jitħallas meta jiġu identifikati il-persuni nvoluti.
Sptar San Luqa/Sptar Sir Paul Boffa — Diviżjonijiet/units
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma d-diviżjonijiet u units fl-isptar San Luqa u fl-isptar Sir Paul Boffa li mhux telgħin fl-isptar il-ġdid Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dipartimenti u l-units fl-Isptar San Luqa u Sir Paul Boffa, li mhux ser jitilgħu l-Isptar Mater Dei fl-ewwel fażi tal-proġett huma kif ġej.
Sptar San Luqa
Id-Dipartiment tad-Dentistrija u d-Dental Outpatients
Id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija (out-patients)
Id-Dipartiment ta' l-Occupational Therapy (out-patient)
Ir-Renal Unit
Is-CDAU, jiġifieri l-Clinics ta' l-Outpatients u d-Dipartimenti tal-Fiżjoterapija u Occupational Therapy, tat-tfal
L-Orthotics u Prosthetics Unit
Iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm
L-Istitut tal-Ħarsien tas-Saħħa
l-Iskola tal-Mediċina
Is-servizzi ta' support kollha li hemm bżonn biex dawn id-dipartimenti jiffunzjonaw
Sptar Sir Paul Boffa
Id-Dipartiment ta' l-Onkoloġija
Id-Dipartiment tar-Radiotherapy
Id-Dipartiment tad-Dermatoloġija
In-Neurorehabilitation/Spinal Unit
Is-servizzi ta' support kollha li hemm bżonn biex dawn id-dipartimenti jiffunzjonaw
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas ta' overtime biex infermiera jitħaddmu fil-ward 10 ta' l-isptar Monte Carmeli meta jkun hemm ħabsin għall-kura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-infermiera li jaħdmu ġewwa Ward 10 ta` l-isptar Monte Carmeli jitħallsu mid-Dipartiment tas-Saħħa u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jieħdu l-bdiewa mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għall-għargħar li l-Gvern Malti ngħata fl-aħħar jiem, biex jagħmlu tajjeb għall-ħsarat li sofrew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-għargħar se jintuzaw fuq proġetti biex jitnaqqsu il-possibilta’ u r-riskju li ilma tal-għargħar jerga' jagħmel diżastru simili, u għalhekk minn dawn il-proġetti ser igawdu nymru konsiderevoli ta’ bdiewa..
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li qed jattendu l-iskejjel sekondarji tal-gvern u tal-privat jew tal-Knisja separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' studenti fl-iskejjel Sekondarji tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti huwa hekk:
Skejjel tal-Gvern 18,733
Skejjel tal-Knisja 7,656
Skejjel Indipendenti 2,334
F'din is-sena skolastika li ninsabu fiha, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fil-junior college ta' l-Imsida? Kemm hemm impjegati fl-uffiċini ta' dan il-kulleġġ? Kemm kien in-numru ta' għalliema u impjegati fl-uffiċini ta' l-istess kulleġġ fis-sena skolastika li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li fis-sena akkademika li ninsabu fiha, hemm 178 għalliem fil-Junior College u 12-il impjegat fl-uffiċini. Fis-sena akkademika li għaddiet kien hemm 181 għalliem u 12-il impjegat fl-uffiċini.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tomna raba' agrikola hija reġistrata u tinħadem? Kemm-il tomna raba' hija dwieli u kemm-il tomna għandna bis-siġar taż-żebbuġ? X'garanzija għandhom dawn il-bdiewa li ma joħorġux permess tal-bini f'dan ir-raba' li ntnefqu eluf kbar ta' liri biex saru msaġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-raba' reġistrat mad-Dipartiment tal-Agrikoltura fl-iskema tal-Amministrazzjoni u Kontroll ta' Art Agrikola (IACS) jammonta għal 13,896 ettari. Dwieli ġew reġistrati 650 ettari filwaqt li ġew reġistrati 7,766 siġar taż-żebbuġ li bejn wieħed u ieħor ilaħħqu xi 570 ettari.
Il-permessi tal-bini joħorġu mill-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skond il-'policies' tal-Pjan ta' Struttura u l-Pjan Regulatur.
OPM — Rapport ta' l-Awditur Ġenerali għas-sena 2002
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-uffiċċju tiegħu sabiex jara min kien responsabbli u li ma jiġux ripetuti l-istess nuqqasijiet u diskrepanzi ta' eluf kbar ta' liri Maltin li ġew murija fir-rapport ta' l-Awditur Ġenerali għas-sena 2002?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Peress li mhux ċar għal xiex qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, nitolbu jkun aktar speċifiku. B’mod ġenerali jista’ jingħad li kull Ministeru jagħti l-attenzjoni xierqa lill-osservazzjonijiet ta’ l-Awditur Ġenerali.
Koperattiva Indafa Pubblika — Proċess ta' likwidazzjoni
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bediex jew fiex wasal il-proċess ta' likwidazzjoni tal-koperattiva indafa pubblika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi għadu ma bediex il-proċess tal-likwidazzjoni tal-Koperattiva Indafa Pubblika Ltd. peress li għad hemm xi proċeduri kriminali pendenti kontra l-koperattiva.
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-koperattiva linen services kellha tieħu mingħand il-gvern fil-31 ta' Diċembru 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' Diċembru 2003 l-KOLS Ltd kellha tieħu l-flus kif ġej.
St. Luke's Hospital Lm184,251.70ċ
Primary Health Care Lm 3,465.78ċ
Head Office Lm 121.44ċ
Mount Carmel Lm 7,479.08ċ
S.V.P.R. Lm 969.11ċ
Gozo General Hospital Lm 53,792.48ċ
_____________________________________________________________
Total Lm250,079.59ċ
_____________________________________________________________
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dejn tal-gvern fil-31 ta' Diċembru, 2003 mas-suppliers tal-mediċini u medical equipment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fil-31 ta' Diċembru 2003, is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern kellu jħallas Lm9,797,564.
Minn dawn f'Jannar 2004 id-Dipartiment ħallas Lm2,480,295.95ċ u fi Frar 2004 ħallas Lm2,000,000 oħra
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm familji jibbenefikaw mill-allowance tat-tfal? Kemm huma t-tfal li għalihom qed tingħata din l-allowance? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-allowance tat-tfal li ma ġewx aċċettati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ familji li qed jibbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal hu ta’ 35,617. In-numru ta’ tfal li ghalihom qed titħallas din l-allowance hu 58,473.
Ninsab infurmat ukoll li mit-talbiet għat-tiġdid għal din l-allowance li saru għas-sena ta’ benefiċċju li bdiet f’Lulju 2003 ġew rifjutati 184.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-pensjoni ta' l-invalidita', il-pensjoni għal diżabilita' u l-pensjoni speċjali għal diżabilita' separatament fix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jinnota li taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ma teżistix pensjoni speċjali għal diżabilita’. Jekk b’pensjoni speċjali għal diżabilita’ l-Onor. Interpellant qed jifhem dik il-pensjoni mhux kontributorja li hi bbażata fuq test tal-meżżi minbarra l-kundizzjoni tas-saħħa ta’ l-applikant, l-informazzjoni mitluba hi nkluża fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Universita'/Junior college — Studenti li jirċievu stipendju
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fl-Universita' u fil-junior college separatament li qed jirċievu l-istipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' studenti universitarji li jieħdu stipendju hu ta' 5631. Dawn jinkludu l-istudenti ta l-Institute of Health Care.
In-numru ta' studenti fil-Junior College li jircievu stipendju hu ta' 2708.