Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar — Skola Vincenzo Bugeja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8507 u cioe' jara li jittieħdu passi biex studenti li qed jattendu l-annex fin-Naxxar ta' l-iskola Vincenzo Borg Braret u li joqogħdu fl-area Tas-Sagħjter in-Naxxar jiġu provduti bi trasport minħabba li ta' spiss qed jiġi rifjutat trasport lilhom minħabba li l-private tkun imballata bl-istudenti, inkluż studenti bil-wieqfa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li issa r-rotta Knisja tas-Sagħjter / Greenwich Supermarket / Labour Avenue qed taħdem regolari.

Għargħur — Twessigħ ta' Trejqa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8505 u cioe' jgħid meta se titwessa t-trejqa li tagħti għall-kamra tan-nar tal-Għargħur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħolijiet ta’ tiswija fit-Triq imsemmija bl-iskop li jiġi ffaċilitat l-aċċess fl-inħawi. It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżulta fil-programm ta’ asfaltar u bini ta’ toroq li qed jitħejja mill-istess Direttorat.

Telgħa ta' Alla u Ommu — Pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsiru pelican lights tul il-bypass li saret bejn it-Telgħa ta' Alla u Ommu, Naxxar u l-Iklin? Jekk fl-affermattiv, jista' jikkonsidra fost oħrajn li jsiru pellican lights biswit Triq Sir Hannibal Scicluna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li se jsiru tliet pelican crossings fit-Triq imsemmija, waħda ħdejn Triq ir-Rixtellu, oħra ħdejn Triq Sir H.Scicluna u t-tielet bejn Triq G.Sandys u Triq Prof.Arbery. L-ADT qed tistudja l-possibilitajiet li ssir ir-raba’ pelican crossing qrib Triq l-Imnarja.

Naxxar — Xogħol fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ ħalli jitwaqqaf darba għal dejjem il-fawran tad-drenaġġ fit-toroq Sir Hannibal Scicluna u H. Megiser fin-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Naxxar — Asfaltar ta' Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu asfaltati Triq Hannibal Scicluna u Triq H. Megiser fin-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-tenders għaż-żewġ toroq imsemmija ħargu aktar kmieni din is-sena u bħalissa qed jiġu aġġudikati. In vista l-irħas offerta fiż-żewġ każi taqbeż l-Lm20,000, u ż-żewġ tenders ġew mgħoddija lid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-approvazzjoni tagħhom.

Saħħa — Nefqa/Ħlasijiet Pendenti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7541 u cioe' jgħid, item, item skond l-estimi għal din is-sena, kemm kienet in-nefqa bejn Jannar u Awissu 2004 u kemm hu l-valur ta' ħlasijiet pendenti għall-istess perjodu tad-dipartiment tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-Saħħa — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7824 u cioe jgħid kemm hemm u f'liema dipartimenti qegħdin: 1) nursing aides; 2) health assistants; 3) hospital auxiliaries li qed jaħdmu mhux f'xi dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteri tas-saħħa u ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Ministeru tas-Saħħa u Kura fil-Komunita' ma jżommx statistika dwar kemm hemm u f'liema dipartimenti qegħdin il-ħaddiema fil-kategoriji indikati u li bħalissa mhumiex jaħdmu f'xi dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteri tas-Saħħa u l-Anzjani. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jikseb tali informazzjoni mill-Management & Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Sptar San Luqa — Post ta' senior consultants

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-post ta' senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina fl-isptar San Luqa? Min huma s-senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina? Jekk qatt ma ħarġet sejħa għal dawn il-postijiet, jista' il-Ministru jgħid kif intgħażlu l-konsulenti fid-dipartiment tal-mediċina għal grad ta' senior consultants? Dawn is-senior consultants fid-dipartiment tal-mediċina qed jitħallsu xi allowances marbuta ma' dan il-grad?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-providementi fil-ftehim bejn Gvern u l-MAM dwar konsulenti li jmexxu speċjalitajiet fid-dipartiment kliniċi fis-servizz tas-saħħa, u fejn ikun meħtieġ dmirijiet amministrattivi ta' superviżjoni mill-konsulent konċernat. L-istess ftehim bejn il-Gvern u l-MAM jistipula wkoll li talli jmexxu speċjalitajiet il-konsulenti jingħataw allowance ekwivalenti għan-nofs tas-salarju bejn skala 3 u skala 4. Il-ftehim jgħid ukoll li l-ispeċjalitajiet jiġu determinati mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Ninsab infurmat li d-Diviżjoni dan tagħmlu wara li tikkonsulta maċ-Chairman tad-Dipartimenti kliniċi. L-ewwel lista saret f'Ġunju 1994. Din ġiet riveduta fi Frar 1995, Settembru 1996, April 1998, Ġunju 2000, Mejju 2002, Lulju2004. Qatt ma nħarġet sejħa għall-applikazjonijiet. Dwar ir-reviżjoni li ġiet konkluża f'Lulju 2004, ngħid li ittieħed il-parir bil-miktub taċ-Chairmen tad-diversi dipartimenti kliniċi qabel ġiet determinata l-lista finali mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Il-konsulenti nkarigati fid-diversi dixxiplini bħalissa huma kif ġej: Dr.Michael A. Borġ Infection Control Dr.Anthony Samuel Mediċina Nukleari Dr.Robert Camilleri Emerġenza Dr.Javed Shah Emerġenza Dr.Marthese Licari Anestesija(Amministrazzjoni) Dr.David Spiteri Anestesija(ITU) Dr.Peter Cauchi Anestesija(ITU) Mr.Karl German Uroloġija Dr.Mario Said ENT Dr.Alex Aquilina Trasfużjoni tad-Demm Prof.Joe Azzopardi Dijabete u Endokrinoloġija Dr.Emanuel Farruġia Nefroloġija u Dijaliżi Prof.M.Cacciattolo Mediċina Respiratorja Dr.A.Galea Debono Newroloġija Prof.Carmel Mallia Rhewmatoloġija Dr.David Busuttil Haematoloġija Dr.Safraz Ali Cytology u Mortuary Services Dr.Chris Barbara Viroloġija Dr.Gerald Buħaġiar Biokimika Dr.Paul Cuschieri Batterjoloġija Dr.James Degaetano Histopatoloġija Dr.Joe Deguara Laboratorju tal-Emerġenza

Saħħa — Assistant care workers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati assistant care workers minn mal-privat biex jagħtu s-servizzi tagħhom fl-isptarijiet San Luqa, Monte Carmeli u Sir Paul Boffa? Kemm hi r-rata tal-ħlas tal-kuntratturi għal kull siegħa li jaħdem kull assistant care worker?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa m'għandha l-ebda assistant care workers li qed jagħtu servizz mall-privat.

Sptar San Luqa — Ration items

Question

Jista' il-Minsitru jgħid liema swali, teatri, uffiċini, eċċ fl-isptar San Luqa huma eliġibbli għal ration items mill-provision stores bħal:- 1) cereali; 2) flavourtal-ħalib; 3) squash tal-larinġ; 4) ilma bbottiljat; u 5) pakketti tal-gallettini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar San Luqa — Provision Stores

Question

Jista' il-Ministru jgħid, xahar b'xahar bejn l-1 ta' Novembru 2003 u l-31 ta' Ottubru 2004, kemm intnefqu mill-provision stores ta' l-isptar San Luqa fuq xiri ta' ċereali, flavour tal-ħalib; squash tal-larinġ; ilma bbottiljat u pakketti tal-gallettini? Dawn il-prodotti ħarġu sejħa għall-offerti għalihom jew jinxtraw b'mod dirett? Bejn l-1 ta' Novembru 2003 u l-31 ta' Ottubru 2004 kemm tqassmu minn dawn il-prodotti, sala, sala, teatri, uffiċini differenti, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każi ta' Tuberkolosi

Question

Jista' il-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm kien hemm f'Malta u f'Għawdex każi ta' tuberkolosi bejn l-1996 u l-2003 u fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm kien hemm każi ta' barranin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet ta' Tuberkulożi rrapurtati lit-Taqsima Tħaris tal-Mard bejn is-sena 1996 sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 huwa skond it-tabella ta' hawn taħt: Sena Tuberkulożi Pulmonari Tuberkulożi Pulmonari Tuberkulożi Mhux Pulmonari Tuberkulożi Mhux Pulmonari Residenti Mhux Residenti Residenti Mhux Residenti 1996 14 3 8 3 1997 7 2 1 1 1998 11 1 4 - 1999 15 4 2 1 2000 15 - 2 1 2001 14 1 1 - 2002 11 8 5 - 2003 3 1 1 2 2004 (Sa l-aħħar ta' Ottubru) 4 6* 4* 1 (Dawn jinkludu każijiet li kienu oriġinati minn pajjiżi oħra. In-numru ta' każijiet indikati bi stilla jinkludu xi każijiet li għadhom pendenti.)

Persuni Diabetiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' diabetiċi f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma type 1 diabetics u kemm huma type 2 diabetics? Kemm hemm type 1 diabetics u type 2 diabetics fi gruppi ta' etajiet: 0 - 10 snin; 11 - 20 sena; 21 - 40 sena; 41 - 60 sena u 61 sena u aktar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tax Compliance Unit — Konsulenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fuq liema bażi jsir il-ħlas tal-konsulenti fit-tax compliance unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

EU — Impjegati fis-Settur Governattiv

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hijiex policy tal-gvern li fis-settur governattiv jiġu mpjegati biss ħaddiema li ġejjin mill-Unjoni Ewropea filwaqt li jiġu rifjutati persuni oħra li jkollhom l-istess kwalifiki u li jkunu ġew approvati minn bordijiet statutorji governattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li impieg fis-Servizz Pubbliku jsir skond il-parametri ta’ eliġibbiltà stabbilita fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet kif maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Mill-ewwel ta’ Mejju, 2004 applikazzjonijiet bdew jiġu aċċettati wkoll minn applikanti minn pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, li jissodisfaw il-parametri stabbiliti tas-sejħa. Ma neskludix li jista’ jkun hemm każi fejn applikazzjonijiet jinfetħu wkoll għall-persuni li m’humiex mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Servizz Pubbliku — Persuni 'l fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati f'kull ministeru, dipartimenti, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ. persuni li għalqu l-61 sena? X'inhu l-ħlas f'kull każ u x'perkaċċi qed jieħdu? Kull persuna f'liema ministeru, dipartiment, aġenzija, fondazzjoni, awtorita', eċċ qiegħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8200 fis-Seduta Numru 176.

Sptar Mater Dei — Cost Controllers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li f'Jannar 2004 il-cost controllers ta' l-isptar Mater Dei, Howarth Harris kellhom ir-rata tal-ħlas tagħhom miżjuda minn 0.8% għal 0.82%?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata li biha kienu jitħallsu l-Cost Controllers sal-31 ta' Diċembru 2003 kienet tinkludi l-VAT. Peress li l-VAT żdiedet minn 15% għal 18%, iż-żieda minn 0.8% għal 0.82% tirrifletti ż-żieda fil-VAT. Il-ħlas net lill-Cost Controllers ma żdiedx.

Affarijiet Barranin — Konsulent

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - inħatret konsulent għall-ministeru ta' l-Affarijiet Barranin? Il-kuntratt ġie tterminat? Jekk fl-affermattiv, meta? Kemm kien il-ħlas kollu tal-konsulenza? X'xogħol għamlet għall-ministeru tul il-perjodu tal-konsulenza?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-persuna li isimha ntbagħat separatament iffirmat kuntratt ta' konsulenza mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin b'effett mill-1 ta' Ġunju 2002 għall-perjodu ta' sena. Il-kuntratt ġie sussegwentament mitmum fl-aħħar ta' Mejju 2003. Il-ħlas sar kif stipulat fil-kuntratt imsemmi jiġifieri total ta' Lm12,990 eskluża l-VAT għal 430 siegħa ta' konsulenza lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Kif hemm spjegat fil-kuntratt stess, ix-xogħol kien jikkonsisti "designing and implementing, in collaboration with Ministry staff, a communication strategy aimed at raising awareness of Malta overseas, and raising awareness of Malta's foreign policy both locally and overseas".