Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #29010 Sitting 622 2001-10-22 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Double Arm Poles

Question

Jista' l-Ministru jagħti ordni sabiex id-double arm poles li hemm fi Triq l-Imdina, Żebbuġ bejn il-Kalkar tal-Ġir u r-roundabout ta' ħdejn De Rohan Gate ikunu fi stat tajjeb ta' manutenzjoni u: 1) jitneħħew dawk li huma msaddin jew mgħawġin u jinbidlu ma' oħrajn ġodda 2) jitwaħħlu lantarni fejn ma jeżistux jew ma jixgħelux 3) jitneħħew l-arbli li m'għadx għandhom użu meta ma ġenbhom twaħħlu oħrajn ġodda

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġi nvestigat u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #28355 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Skola

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex l-art li ġiet esproprijata għal estensjoni ta' skola Kindergarten/Primarja fl-area magħrufa 'Ta' Lourdes' f' Raħal Ġdid, qatt ma ġiet utilizzata? (Educ 146/94) Għaliex wara li ħareġ il-Permess mill-Awtorita ta' l-Ippjanar Ref: PA 2408/98 għal iżvilupp ta' estensjoni baqa' ma' ġiex implimentat? Jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni mhux sejjer jagħmel użu minn din l-art jikkonsidrax li din l-art tiġi rilaxxjata lil sidha? (Lands 192/94)

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjon qiegħdha ssegwi mill-qrib l-istatistika demografika tal-lokal, s'issa għadha ma ġietx utilizzata l-art li ġiet esproprijata għal Ċentru ġdid tal-Kindergarten fiż-żona magħrufa bħala "Ta' Lourdes" f'Raħal Ġdid. Kien għalhekk biss li għadu ma ġiex implimentat l-iżvilupp kif approvat mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Għalhekk għadu prematur għall-Gvern biex jieħu d-deċiżjoni li jirrilaxxa l-art li d-Dipartiment ta' l-Artijiet kien esproprija għal dan il-proġett.
Leg 9 PQ #27563 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tmiem tas-sena finali tal-korsijiet fl-iskola tat-Tarġa Gap sejjer ikun f'Novembru ta' din is-sena u mhux wara l-għeluq fis-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet kollha organizzati minn Salvatore Dmech School for Craftsman Tarġa Gap jiġu fi tmiem f'Lulju.

Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha quddiemha l-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita għal għoti ta' computers lill-persuni b'disabilita'? Fuq liema kriterji jingħataw dawn il-computers? Kemm ingħataw computers fis-snin 1998-1999-2000-2001 lill-persuni b'diżabilita?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita għandha 48 applikazzjoni pendenti biex tgħin persuni b'diżabilita jixtru kompjuter li minnhom 42 qegħdin fuq il-waiting list u 6 għad irid jarahom il-bord tas-servizzi Għajnuniet Speċjali. L-għajnuna finanzjarja hi ta' massimu ta' Lm250 li fil-każ ta' persuni b'diżabilita li jridu jixtru aċċessorji speċjali minħabba d-diżabilita tista' titla' sa massimu ta' Lm500. Barra minn hekk il-Kummissjoni tgħin lil kull persuna b'diżabilita biex jixtri kompjuter billi tagħti lura l-VAT li jitħallas fuqu. Il-kriterji li fuqhom tingħata din l-għajnuna lill-persuni b'diżabilita huma dawk tas-Servizzi Għajnuniet Speċjali fejn il-Kummissjoni tilqa' talbiet għall-assistenza finanzjarja għall-apparat li jgħin persuna b'diżabilita tgħix ħajja ndipendenti. Dan jinkludi, barra kompjuters, sodod speċjali, siġġijiet tar-roti, buggies speċjali, hearing aids, eċċ. Il-kriterji li jimxu fuqhom il-bord tas-Servizzi Għajnuniet Speċjali huma dawn: a) il-bżonn ta' l-għajnuna li qed tintalab; b) ir-raġuni għaliex qed tintalab; c) il-benefiċċju li ser jiggwadanja minn din l-għajnuna; d) il-prattiċita ta' l-għajnuna li qed tintalab; e) il-mezzi finanzjarji tal-benefiċċjarju/applikant; f) l-aspett soċjali tal-benefiċċjarju/applikant li huma relatati mat-talba; g) assistenza finanzjarja oħra li jkun ħa minn dan il-bord u/jew minn sorsi oħra relatati. Matul il-perjodu 1998-2001 (sa Lulju), is-Servizz Għajnuniet Speċjali tal-Kummissjoni għinet lil dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jixtru kompjuter: Sena Persuni b'diżabilita li ħadu għajnuna Persuni b'diżabilita li Total finanzjarja u l-VAT lura ħadu l-VAT lura biss 1998 39 6 45 1999 35 12 47 2000 18 23 41 2001 4 15 19

ETC — San Anton

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema li bagħtet l-ETC biex jagħmlu taħriġ fl-agrikoltura f'San Anton u f'postijiet oħra ġew informati li mhux sejrin jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuni li qed jattendu għall-programmi ta' taħriġ fl-agrikoltura f'San Anton u f'postijiet oħra huma nies li qegħdin ifittxu mpjieg. Għaldaqstant mhumiex intitolati għall-ħlas ta' paga. Lil dawn il-persuni il-Korporazzjoni ser tagħtihom allowance li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' trasport.
Leg 9 PQ #27472 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Bord Mediku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati tal-Gvern li qegħdin jistennew li jgħaddu Bord Mediku mit-Tobba tad-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm huma n-numru minn entitajiet li huma kontrollati mill-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' mpjegati tal-Gvern li qegħdin jistennew li jgħaddu Bord Mediku mit-Tobba tad-Divizjoni tas-Saħħa huwa 69. In-numru minn entitajiet li huma kontrollati mill-Gvern huwa 11.
Leg 9 PQ #27481 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Breakdown

Question

Jista' l-Ministru jgħid ġaladarba l-Gvern sejjer jagħmel l-ex-gratia payment lill-dawk l-impjegati li sofrew xi inġustizza, jista' jgħid breakdown detaljat dwar liema raġunijiet jew kif kienu raġunijiet jew kif kienu klassifikati dawn l-inġustizzji? (eż. promotions)

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-raġunijiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-inġustizzji huma dawn li ġejjien: - Dewmien fil-promozzjoni - Telf ta’ promozzjoni - Qbiż fil-promozzjoni - Nuqqas ta’ promozzjoni - Żball Amministrattiv - Nuqqas ta’ Ħatra - “Demotion” kif jidhru mit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #25909 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati serqiet minn djar, stabbilimenti, każini etc f'Ħaż-Żebbuġ xahar b'xahar matul is-sena 1999, 2000 u sal-15 ta' Mejju 2001? Kemm kienu dawk li inqabdu red-handed jew xi żmienijiet wara b'konnessjoni ma' dan is-serq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-1999 u fis-sena 2000, minn Ħaż Żebbuġ ġew irrappurtati 81 u 141 serqa rispettivament, filwaqt li din is-sena, sal-15 ta` Mejju, ġew irrappurtati 33 serqa. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kien hemm żewġ persuni akkużati quddiem il-Qorti in konnessjoni ma` tnax-il każ ta` serq minn residenzi u każ ieħor ta` serq ta` karozza.
Leg 9 PQ #25910 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni ta' personnel fl-għassa tal-Pulizija fi Triq il-Parroċċa, Ħaż-Żebbuġ? Din l-istation għandha għad-dispożizzjoni tagħha vettura sabiex taqdi l-esigenzi pubbliċi tal-personnel kif wkoll bħala ronda matul il-jum/lejl kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija li jkunu ddettaljati xogħol fl-għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma stazzjonati fid-distrett tal-Pulizija numru 2, li minnu din l-Għassa tifforma parti. Infurmat ukoll illi dan id-Distrett għandu tlett vetturi assenjati.
Leg 9 PQ #25911 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Propjeta' ta' l-Għadu

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta ġiet mgħoddija il-liġi minn dan il-parlament dwar il-propjeta ta' l-għadu, kien hemm xi rispons minn individwi jew pajjiżi li tkun tista' tappartieni lilhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda talba.
Leg 9 PQ #25912 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Siġġiewi — Triq San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min ġiet mikrija dar fi Triq San Ġwann, Siġġiewi li hija propejta tal-Gvern? Għal kemm żmien ġiet mikrija? Kemm hija l-kera kull sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra diversi proprjetajiet fi Triq San Ġwann, Siġġiewi. Għalhekk nitlob lil Onorevoli Interpellant biex jispeċifika n-numru tal-fond li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #24813 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Rubble Wall Builders

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jerġa' jsir eżami għal dawk il-labourers fid-dipartiment tax-xogħlijiet li jkunu jixtiequ jiġu kkunsidrati bħala rubble wall builders? Xi grad ikunu meta jikkwalifikaw għal rubble wall builders? Kemm hemm rubble wall builders jaħdmu mad-dipartiment tax-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet bħalissa qed taħdem fuq il-proċess biex tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew postijiet vakanti bħala Senior Operative (Scale 17 - Rubble Wall Builder). L-impjegati kollha minn grupp 1 'il fuq huma eliġibli biex japplikaw għal dan il-post. Fil-preżent, fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, hemm 16-il persuna fil-grad ta' Senior Operative (Rubble Wall Builder).
Leg 9 PQ #24814 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kors ta' Restawr — Venezja

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra dwar il-ħaddiema li marru Venezja jistudjaw fuq kors ta' restawr eż: Jekk dawn il-ħaddiema humiex se jiġu upgraded fil-pożizzjoni attwali tagħhom ta' skola? Hux il-każ li joħorġu applikazzjonijiet jew inkella rakkmandazzjoni minħabba l-esperjenza tagħhom? Meta hemm il-ħsieb li jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li, wara sejħa għall-applikazzjonijet miftuħa lill-impjegati kollha tas-servizz pubbliku bil-kwalifiċi meħtieġa, intgħażlu erba' ħaddiema biex imorru ċ-Ċentru Ewropew għat-Taħriġ fis-Snajja' tal-Wirt Kulturali ta' Venezia għall-kors ta' Mastro fir-Restawr tal-ġebel li nżamm bejn Settembru u Diċembru 2000. L-erba' ħaddiem amagħżula lkoll jaħdmu fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, tlieta fi gradi tekniċi mal-"Ġlormu Cassar Restoration Unit" u wieħed għalliem fi skola tas-snajja'. Dawn għaddew b'suċċess il-kors li għalih intbgħatu u bħal issa qiegħdin jipparteċipaw fit-tħejjija għall-korsijiet ta' bennejja u ta' restawr tal-ġebel liema xogħol qiegħed isir mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenta u Teknoloġija (KMAXT) u ċ-Ċentru Malti għar-Restawr (ĊMR). Hu maħsub li kwalunkwe upgrading ta' dawn il-ħaddiema għandu jsir billi jiġu segwiti proċeduri normali jiġifieri li l-esperjenza u t-taħriġ li huma ħadu jiġu kkunsidrati meta jiġu pproċessati r-risposti għas-sejħiet ta' promozzjoni fis-servizz pubbliku jew għar-rekrutaġġ ma' xi enti pubblika awtonoma bħal m'huma il-KMAXT u ċ-ĊMR. Ninsab informat li l-KMAXT beħsiebu joħroġ sejħiet għall-għalliema fl-Istitut għall-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni.

Qrati — Kawżi Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru. 22744?

Response (GATT, AUSTIN)

Bil-ligi nkjesti magisterjali huma kunfindenzjali u konsegwentament l-informazzjoni tista biss tingabar mill-Magistrati nkwerenti. Saret talba apposta lil kull Magistrat mid-Direttur Generali tal-Qorti u rrispondew is-segwenti Magistrati li taw l-informazzjoni mitluba: Magistrat Silvio Meli xejn Magistrat Michael Mallia 1 Magistrat Noel Cuschieri 84 Magistrat Abigail Lofaro 114 Magistrat Saviour Demicoli 13 Magistrat Joseph Apap Bologna 361 Magistrat Giovanni Grixti 50 Nixtieq nghid li jien ma naqbilx li l-principju tal-kunfidenzjalita tal-inkjesti jestendi ghan-numru pendenti jew meta bdew.

Pensjonijiet — Żidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-pensjonanti li sejjer ikolhom tibdil fid-dħul tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali visavis iż-żidiet li sejrin jingħataw relatati mar-reviżjoni tas-salarji ta' l-impjegati taċ-Ċivil? Liema huma dawk il-pensjonanti li jistgħu ma jibbenefikawx minn din iż-żieda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Numru 22849.
Leg 9 PQ #22957 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħaż-Żebbuġ — Cables ta' l-Elettriku

Question

Jista' l-Ministru jordna sabiex il-cables ta' l-elettriku li qegħdin overhead mal-bini fi Triq l-Anġlu u Triq Vilhena f'Ħaż-Żebbuġ jiġu mibdula minħabba li huma mikxufa u jistgħu jkunu ta' perikolu għall-pubbliku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-linji ta' l-elettriku li qed issir riferenza għalihom huma miġbuda skond is-sengħa u ma jikkostitwixxu l-ebda periklu.

Qrati — Kawżi Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħtina informazzjoni dwar kemm hemm inkjesti tal-qorti pendenti li għadhom ma ġewx magħluqa? Taħt liema maġistrati jinsabu? Fuq liema inċidenti qegħdin isiru dawn l-inkjesti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingabar u r-risposta tinghata f`seduta ohra.
Leg 9 PQ #22125 Sitting 459 2000-12-12 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Barrakka ta' Isfel

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga b'mod dettaljat is-sitwazzjoni ambjentali tal-Barakka ta' Isfel? X'inhi r-raġuni li minbarra l-entratura tagħha, dan il-ġnien huwa magħluq? Għaliex ma tkomplix l-embellisment tal-post? Għaliex il-ħadid tal-gallarija baqa' ma sarx? Jikkonsidra li jeżisti periklu kbir għal dawk li qegħdin jaqbżu l-barrikadi b'periklu kbir għal saħħithom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ġnien tal-Barrakka ta' Isfel m'huwiex magħluq. L-area kollha tal-ġnien hija miftuħa għall-pubbliku. Wara li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta lesta r-restawr ta' l-arkati, intalab permess bħala l-ewwel pass biex isiru faċilitajiet sanitarji ġodda peress li dawk ta' qabel kienu qed jgħattu parti mill-veduta. Wara diskussjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, saru proposti ġodda u riċentement l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat l-applikazzjoni ġdida. Perit issa qed tipprepara t-tenders biex dawn isiru. L-istess perit qed tipprepara proposta għat-tisbiħ kollu tal-ġnien li jinkludi t-tqegħid mill-ġdid tar-railing tal-ħadid, sistema ta' irrigazzjoni, dawl u street furniture ġdid, u pavimentazzjoni.