B'riferenza għal mistoqsija 34154, jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-konsultazzjoni ma l-utilities humiex konklużi? F'każ affermattiv meta se joħorġu l-offerti biex jsir ix-xogħol meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha ma waslitx minn għand il-utilities.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq l-Imdina Ħal Qormi għad hemm il-lights fuq iż-zebra crossings li mhux qegħdin jiffunzjonaw? Meta fl-istess triq se jsir il-kumplament ta' landscaping fiċ-central strips?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li rigward il-lights fuq iż-żebra crossing fi Triq l-Imdina Ħal Qormi, d-Direttorat għat-Toroq diġa nforma lill-Korporazzjoni Enemalta biex tara x'jista' jsir.
Jien infurmat ukoll li l-landscaping fis-central strip, id-Direttorat għat-Toroq mistenni joħroġ it-tenders fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jordna li tiġi asfaltata Triq il-Għabex B'Kara? Ġaladarba l-livellar temporanju li sar madwar sena ilu, inqala' kollu, jikkonsidrax li ssir xi ħaġa b'mod permanenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għal asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk kienux il-ħaddiema mid-distrett tad-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi li bnew ħajt tas-sejjieħ bejn id-Drug Rehabilitation Centre u ċ-Ċimiterju ta' Sant'Andrija f'Ħaż-Żebbuġ? Min ta' l-ordni biex jinbena dan il-ħajt? Kemm tħallas id-dipartiment talli bena dan il-ħajt u minngħand min tħallas? Ta' min hija l-propjeta li fuqha inbena dan il-ħajt tas-sejjieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li waqt li xi patching li kien qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Distretti, dan il-ħajt intlaqat mir-romblu u ġratlu xi ħsara. Għaldaqstant il-ħajt kellu jerġa jiġi rranġat għall-istat li kien.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet politiċi, soċjali, trade unions, etc, li qegħdin jirċievu xi forma ta' għajnuna finanzjarja (dwar studji jew għal xi raġuni oħra) dwar l-UE? Kemm kienu jammontaw sena b'sena f'dawn l-aħħar tlett snin?
Response (BORG, JOE)
Il-fondi allokati mill-Gvern bħala għajnuna finanzjarja għall-iskop ta' familjariżżazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea lill-organiżżazzjonijiet rappreżentattivi għas-snin 2000, 2001 u 2002 huma kif indikati fil-listi annessi. Il-listi jinkludu wkoll il-flus li attwalment tħallsu lill-organiżżazzjonijiet imsemmija sad-9 ta' Lulju 2002.
Dawn il-flus huma allokati taħt fond apposta fil-vot tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
B'riferenza għar-risposta li kelli għal PQ 34410, fejn mill-investigazzjoni qiegħed jirriżulta li l-kundizzjonijiet tal-kurja huma kollha onorati, jidhirlux il-Ministru li Klawsoli 3 u 4 humiex qegħdin jiġu mittiefsa? Dwar Klawsola 7 qiegħed il-konsum jiġi mħallas mill-inwilin? Fuq liema permess infetħet gate oħra barra dik stipulata fil-Klawsola 4?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Fuq żewġ partijiet tal-kirja il-
boundary wall
sar b`
chain link fence
u mhux b`ħajt ta` erba` filati. La darba il-
boundary wall
sar, id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma jħossx li dan ifisser li il-klawsola 3 qiegħda tiġi mittiefsa.
Rigward il-klawsola 4 l-inkwilin qiegħed juża aċċess li ilu jużah għal dawn l-aħħar tmintax-il sena. Ma jidhirx li hemm xi aċċess ieħor għal dik il-parti tas-sit li l-inkwilin għandu mikrija.
Rigward il-klawsola 7, id-Dipartiment ta` l-Artijiet qatt ma ħallas id-dawl u l-ilma tas-sit u ma għandu l-ebda informazzjoni li l-inkwilin mhux qiegħed iħallas. Għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jagħmel din il-parti tad-domanda lill-Ministru tas-Servizzi Ekonomiċi.
B'riferenza għal PQ 34359 jidhirlux il-Ministru li minħabba id-djuq tat-Triq San Martin, Żebbuġ, u minħabba l-fatt li minn din l-istess triq jgħaddi kwantita kbira ta' ilma li jaqleb lejn in-naħa tal-bini l-qadim, għandux jitneħħa kompletament il-front garden minn quddiem kull residenza/garage li għamlu l-front garden?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress il-'front gardens' li jeżistu ġewwa din il-parti ta` Triq San Martin huma koperti bil-permessi tal-bini meħtieġa, u dan kif diġa` ġie spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34359, il-MEPA għalkemm għandha kompetenza li tibdel l-allinjament ta` triq u tneħħi l-ħtieġa tal-front gardens, ma tistax tordna it-tneħħija fiżika ta` dawn il-front gardens. Rigward ilma li jgħaddi minn din in-naħa tat-triq huwa ssuġerit li din il-problema għandha tiġi riferuta lill-Awtorita` kompetenti.
Waqt it-tiġdied tal-karta ta' l-identita` qiegħed jiġi enfasizzat li fejn hemm in-numru tar-residenza dan għandu jieħu l-priorita` fuq kull mezz ieħor ta' identifikazzjoni ta' dik ir-residenza partikolari?
X'inhi l-policy li qiegħda tuża l-kummissjoni elettorali f'din il-materja?
In-numru tar-residenza qiegħed jiġi rifless u jkun aġġornat fuq ir-reġistru elettorali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kummissjoni Elettorali Ewlieni li n-numru tal-bieb tar-residenza jieħu l-priorita` fuq il-mezz l-ieħor ta’ identifikazzjoni (jiġifieri l-isem) tar-residenza minħabba li n-numru jkun dak uffiċċjali mogħti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Insfrastruttura. L-Uffiċċju Elettorali jaġġorna d-“database” tiegħu sabiex sew ir-reġistru elettorali u sew il-karta ta’ l-identita` l-ġdida jkunu stampati bin-numru l-ġdid. Meta jkun il-każ, l-isem tar-residenza, li għandu l-importanza tiegħu, jidher ukoll fuq il-karta ta’ l-identita` wara n-numru tal-bieb. Fejn m’hemmx numri allokati jidher biss l-isem tar-residenza. Iżda, minħabba raġunijiet tekniċi, fir-reġistru elettorali jidhru l-ewwel l-isem tad-dar, imbagħad in-numru tal-bieb.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq San Martin, Ħaż-Żebbuġ hemmx indikat li jsir front garden fuq xi naħa waħda tat-triq? Ħarġu permessi f'xi residenza fi Triq San Martin biex isiru front gardens?
Hemm xi enforcement pendenti fi Triq San Martin biex jitneħħew front gardens li saru mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-pjan regolatur attwalment viġenti, it-triq in kwestjoni mhix indikata bħala waħda għall-bini bil-front gardens.
Għalkemm it-triq hija kommessa bl-iżvilupp, din taqa` f`żona l-barra mill-iskema uffiċjali tal-bini hekk kif indikata fl-Iskemi ta` Provvedimenti Temporanji ta` l-1988. Għaldaqstant m`hemm l-ebda gwida uffiċjali jekk għandux ikun imponut 'front garden' jew le f`din iż-żona u kull każ jitqies fuq il-meriti tiegħu.
Jirriżulta li pjanti approvati f`permess partikulari, ċioe` PB 4972/89/650/89, maħruġ fis-26 ta` Diċembru 1989, hemm indikati ħitan quddiem il-faċċata tal-bini u dan sabiex jiġi iffurmat 'front garden'. Barra minn hekk u iżjed riċenti, inħareġ permess ieħor PA 1712/01 datat 2 ta`Ottubru 2001. Dan jindika xatba u ħajt il-barra mill-linja tal-bini fejn ġie iffurmat 'front garden'. Mill-banda l-oħra, permess li kien maħruġ fid-9 ta` Mejju 1996 (PA 1799/95) impona l-eliminazzjoni tal-front garden li kien rikjest mill-applikant. Sa llum dan baqa` ma sarx.
Rigward l-aħħar parti ta` l-Interpellanza jirriżulta li fil-preżent m`hemm l-ebda każ ta`infurzar pendenti sabiex jitneħħa xi 'front garden'.
Jikkunsidra l-Prim Ministru li jinħatar kumitat biex jirrevedi dik il-parti tal-gazzetta tal-gvern li tirrigwarda emendi għall-liġijiet sussidjarji fis-sens li jkun hemm fuq naħa l-pubblikazzjoni sħiħa ta' l-artiklu eżistenti waqt li fuq parti l-oħra l-istess artiklu kif qiegħed ikun emendat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tibdil propost mill-Onorevoli Interpellant joħloq diskrepanzi kbar fil-“layout” li jintuża għall-istampar tal-liġijiet (avviżi legali, liġijiet u abbozzi ta’ liġijiet) u jista’ jagħti lok għal kumplikazzjonijiet u żbalji billi jkollok taħlita ta’ liġijiet eżistenti, żidiet, emendi u tħassir fl-istess dokument. Minbarra hekk, żgur joħloq żieda sostanzjali fl-ispiża li d-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni diġa` għandu fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern.
F’każijiet fejn tinħass il-ħtieġa li emendi proposti jiġu spjegati aktar fid-dettal il-Ministru responsabbli għal dik il-liġi partikolari normalment jagħti konferenza stampa jew tinħareġ “press release”. Xi kultant spjegazzjoni għal xi liġi jew emendi għal liġi eżistenti tingħata f’pubblikazzjoni separata.
B'riferenza għall lease LD/88/86 jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-investigazzjoni li kellha ssir mid-dipartiment u jgħid x'passi neċessarji ttieħdu minn Novembru 2001 'il hawn? Kien hemm xi kondizzjonijiet minn din il-kirja li mhux qegħdin jiġu osservati u x'passi ħa d-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
L-investigazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant saret minn impjegati tad-Dipartiment ta` l-Artijiet. Ir-riżultat ta` din l-investigazzjoni, bħal f`każijiet oħra, ġie miktub fil-file relattiv. Ġie konfermat illi l-kundizzjonijiet tal-kirja huma kollha onorati. Filwaqt li nagħmel referenza għar-risposti li ngħataw għal-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 28941, 29378 u 30102, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għadu qiegħed f`kuntatt mal-Ministru tar-Riżorsi u Infrastruttura, li hu l-promoter tal-proġett, biex jinstab sit alternattiv li jkun tajjeb għal użu speċifiku li qiegħed isir mill-proprjeta` in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li tiġi ippubblikata l-offerta għal xogħol fuq il-parti l-ġdida ta' Triq Għarram Ħaż-Żebbuġ (li tiġi tinfed mal-HOS ta' Ħal Qormi)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq għamel l-inspection meħtieġa f'dawn it-toroq u qiegħed fil-proċess li jikkonsulta ma' l-Utilities biex jiġi stabbilit x-xogħlijiet li għandhom bżonn isiru fuq is-servizzi f'din it-triq.
Meta dawn ix-xogħlijiet jitlestew ikunu jistgħu jsiru s-sejħiet għall-offerti li jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti Maltin għal scholarships mid-diversi li jiġu ippubblikati fil-gazzetta tal-gvern matul is-sena 2000 u 2001? Kemm minn dawn ġew awarded l-ischolarship u f'liema pajjiżi u fl-liema suġġetti ta' għażla?
Response (BORG, JOE)
Qed nagħti t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant fiż-żewġ tabelli mehmuża ma' din it-tweġiba.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hawn persuni mill-Eritrea li jistgħu jkunu hawn Malta bħala refuġjati jew xort'oħra? X'inhi l-etajiet tagħhom? X'inhu l-proċess li għaddejjin minnhom bħalissa sabiex jintbgħatu f'artijiet oħra inkuż pajjiżhom stess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` l-Eritrej li jinsabu Malta u li applikaw għal status ta` refuġjat hu ta` 131 li jikkonsisti f`96 raġel, 18-il mara u 17-il tifel u tifla. Is-sena tat-twelid tal-persuni ikkonċernati tvarja mill-1954 sal-2002. Dawn il-persuni waslu Malta fl-4 ta` Marzu 2002.
Il-Kummissarju għar-Refuġjati ra u intervista lill-Eritrej kollha li applikaw għal status ta` refuġjat. Numru minnhom ngħataw tweġiba negattiva u appellaw. Oħrajn għadhom iridu jirċievu r-risposta mingħand il-Kummissarju.
S`issa kien hemm żewġ irġiel imweldin l-Eritrea li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati. Wieħed minn dawn l-irġiel għandu ċittadinanza ta` pajjiż ieħor, mhux ta` l-Eritrea. Ir-raġel l-ieħor hu akkompanjat minn martu, li mhix mill-Eritrea.
X`ser jiġri minn dan il-grupp ta` l-Eritrej, b`mod ġenerali, jiddependi minn jekk jiġux rikonoxxuti bħala refuġjati jew le. Jekk fosthom ikun hemm min jikseb id-dokumenti meħtieġa biex imur legalment f`pajjiż ieħor fejn għandu xi qraba, jingħata l-faċilita` meħtieġa biex jagħmel dan.
Jista' l-Ministru jordna li titneħħa bajla li fiha jitqiegħed il-concrete li hemm mal-ġenb ta' Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ quddiem l-iskola St Dorothy fl-istess inħawi?
Tribunal Industrijali — Każ bejn il-UĦM u Sant'Iermu Shipping Co.Ltd.
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana dwar deċiżjoni nru. 1135 tat-tribunal industrijali li jirrigwarda każ nru. 1376 bejn il-UĦM u Sant'Iermu Shipping Co. Ltd. fejn wara li kien hemm deċiżjoni favur il-ħaddiema sentejn ilu mhux kulħadd ġie mogħti lilu l-ammont ta' flus kif awarded mill-istess tribunal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara d-deċiżjoni 1135 mgħotija fil-31 ta' Lulju 2000 ma saru l-ebda proċeduri legali ulterjuri sabiex it-Tribunal jieħu xi provvedimenti in segwitu għad-deċiżjoni msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid f'kemm-il fażi se tinqasam Triq Imdina, Ħaż-Żebbuġ li tibda mill-KIA showroom sar-roundabout ta' taħt ir-Rabat sabiex tiġi mibnija mill-ġdid?
L-area ta' madwar De Rohan Gate se tiġi riabilitata skond il-pjanti approvati mill-MEPA?
Meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq l-aktar partijiet urġenti ta' din it-triq arterjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li oriġinarjament dan ix-xogħol kien se jsir f'fażi waħda meta kienu ħarġu s-sejħiet għall-offerti għall-bini ta' din it-triq f'April 2000. Peress li l-kuntratt ma kienx ingħata, hemm il-ħsieb li din it-triq tinqasam fi tlett fażijiet meta jiġi biex jinbeda.
Dan ix-xogħol, ser jinkludi wkoll ir-rijabilitazzjoni ta' l-area ta' ħdejn De Rohan Gate kif kien meħtieġ.
Il-proġett jitwettaq skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu bħalissa quddiemu d-Direttorat.
Jista' l-Ministru jesiġi aktar sorveljanza stretta mill-forzi ta' l-ordni fil-pajjiż, partikolarment il-pulizija, fir-rigward ta' ħafna logħob ta' l-azzard u mħatri, partikolarment fuq logħbiet tal-football f'dawn il-ġranet? Kemm saru raids mill-pulizija f'postijiet magħrufa fejn titwettaq din l-attivita` illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tissorvelja kemm jista` jkun sabiex tippreveni u taqbad logħob illegali. Pero` jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni dwar xi post speċifiku, nitolbu jagħtina aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jinformana meta se joħorġu l-offerti sabiex tiġi asfaltata l-kumplament ta' Triq Fra Fred Mattei, Ħaż-Żebbuġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-toroq għamel l-ispezzjoni meħtieġa f'dawn it-toroq u qiegħed fil-proċess li jikkonsulta mal-Utilities biex jiġi stabbilit ix-xogħlijiet li għandhom bżonn isiru fuq is-servizzi f'din it-triq.
Meta dawn ix-xogħlijiet jitlestew ikunu jistgħu jsiru s-sejħiet għall-offerti li jkun hemm bżonn.
Jikkunsidra l-Prim Ministru li jinħatar kumitat biex jirrevedi dik il-parti tal-gazzetta tal-gvern li tirrigwarda emendi għal liġijiet sussidjarji fis-sens li jkun hemm fuq naħa l-pubblikazzjoni sħiħa ta' l-artiklu eżistenti waqt li fuq parti l-oħra l-istess artiklu kif qiegħed ikun emendat?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lil-Prim Ministru.