Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdiewa — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 570 tat-2/11/98?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-ewwel lott ta' pagamenti bħala rifużjoni ta' flus ta' nofs il-kontribuzzjoni ta' s-Sigurta Soċjali għandhom joħorġu matul Diċembru 1998. It-tieni lott joħroġ f'Jannar 1999. Dan minħabba raġunijiet amministrattivi. Ma hemm ebda arretrati dovuti, iżda fadal xi talbiet li saru tard u li jekk jissodisfaw ir-regolamenti jieħdu dak li ħaqqhom.
Leg 9 PQ #1887 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Burdnara

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa ta' dawk il-burdnara li għandhom liċenzja biex jagħmlu dan ix-xogħol? Dawn il-liċenzji jkunu fuq persuna jew anke fuq kumpanniji? Jekk hemm żewġ kategoriji, jista' jpoġġihom it-tnejn fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien man-numru uffiċjali allokat?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed inqiegħed ma` din it-tweġiba lista ta` burdnara li għandhom liċenzji biex jagħmlu dan ix-xogħol skond il-`Cargo Clearance u Transport Act` (Cap. 203). Il-parti l-kbira tal-liċenzji joħorġu fuq individwi iżda hemm uħud li joħorġu fuq partnership `en nom collectif` u ftit ħafna fuq `limited liability Companies`. Dawn iż-żewġ kategoriji ta` l-aħħar huma mmarkati fil-lista.

Maltacom plc — Direttorju tat-Telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpannija ġiet afdata lilha d-distribuzzjoni tad-Direttorju tat-Telephone mill-Maltacom plc? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-offerti li ħarġu għat-tqassim ta' dan id-direttorju? Kemm huwa kkalkolat li jieħu żmien biex jitqassam id-direttorju l-ġdid?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif tħabbar uffiċċjalment it-tqassim tad-direttorju l-ġdid qed isir direttament mis-17 -il fergħa li l-Korporazzjoni għandha f`Malta u Għawdex. Jiena nfurmat li ma ħarġet ebda sejħa għall-offerti għat-tqassim tad-direttorju li qed isir proprju bħalissa. Kemm idum biex jitqassam id-direttorju, dan ma jiddependix mill-Korporazzjoni iżda mill-klijenti. Madankollu nżid ngħid li fl-aħħar ta` Diċembru ser isir eżerċizzju biex dawk l-anzjani u morda li m`għandhom lil ħadd biex jiġrilhom id-direttorju, jkunu jistgħu jirċievu l-kopja tagħhom id-dar.
Leg 9 PQ #1889 Sitting 18 1998-12-01 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Burdnara — Liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji ta' burdnara f'dawn l-aħħar tliet snin? Lil min ħarġu u x'inhu n-numru uffiċjali allokat għal kull persuna jew kumpannija? Kemm-il liċenzja ħarġet bħala burdnara għal prodotti mportati bil-baħar u kemm bl-ajru?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` liċenzji ta` burdnara li nħarġu f`dawn l-aħħar tliet snin kien hekk: 1996 - 113 1997 - 110 1998 - 113 Wieħed jista` jgħid illi l-liċenzji tal-burdnara jiġġeddu minn sena għal oħra lill-istess detenturi tal-liċenzja. Matul is-snin li għadew kien hemm talbiet minn individwi liċenzjati biex il-liċenzja tagħhom iddur fuq l-isem tal-partnership` `en nom collectif` li jkun ġie mwaqqaf skond il-`guidelines` Ministerjali li ilhom jiġu segwiti mill-1985. Tajjeb li wieħed igħid li ma jinħarġux liċenzji fuq `limited liability companies` u dak in-numru żgħir ħafna f`din il-kategorija li għandhom il-liċenzja ilha tinħarġilhom minn qabel ma kienu ħarġu l-ewwel `guidelines` Ministerjali fl-1978. Mill-1995 `l hawn, il-liċenzja ta` burdnar saret ma tiddistingwix bejn xogħol fil-port jew fl-ajruport.

Agrikoltura — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx promotions matul is-sena 1996, 1997 u 1998 fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura minn Senior Tradesman għal chargehand? Meta se joħorġu applikazzjonijiet għal dawn il-promotions partikolari?

Response (ZAMMIT, NINU)

Skond l-agreement dwar il-klasifikazzjoni, ristrutturazzjoni u assimiliazzjoni tal-Klassi Teknika li ġie ffirmat fis-26 ta'Awissu, 1994, il-grad ta'Chargehand ġie assimilat f'dak ta' Assistant Technical Officer. Ma ngħatawx promotions matul is-snin 1996, 1997 u 1998 fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura minn Senior Tradesman għal Assistant Technical Officer. Fl-4 ta' Dicembru, 1997 is-Sur Nazzareno Cortis minn Senior Tradesman laħaq Assistant Foreman. L-iskala ta' paga ta' Assistant Technical Officer u Assistant Foreman hija l-istess, jiġifieri Skala 13. Bħalissa qed issir ristrutturazzjoni tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd. Għaldaqstant joħorġu l-applikazzjonijiet hekk kif jiġi ffinaliżżat dan l-eżerċizzju.

Skema Awżiljari — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal ħaddiema taħt l-iskema Awżiljari u Taħriġ li għadhom f'din il-kariga magħluqa għal kull promozzjoni? Fejn qegħdin jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm xi ħsieb li dawn l-impjegati jiġu mogħtija impjieg permanenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema ta' l-AWTS kienet ġiet xolta xi snin ilu, jidhirli fl-1992, u l-maġġoranza kbira ta' dawn il-ħaddiema kienu ġew assorbiti f'wieħed mill-gradi ndustrijali fis-Servizz Pubbliku. Ninsab infurmat iżda li għad baqa' grupp ta' ħaddiema li għadhom ma ġewx assorbiti bl-istess mod u li-l-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qed jikkunsidra l-każ tagħhom. Għalhekk nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru responsabbli. 30.11.98
Leg 9 PQ #1742 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Eżerċizzju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-eżerċizzju li sar mill-uffiċċju tiegħu fis-sena 1996 għar-rigward ta' employers on light duties? Kemm kien in-numru totali ta' returns mid-dipartimenti (individwalment)? X'kienu l-passi li ttieħdu f'dan l-eżerċizzju? Kemm kien hemm impjegati li rtiraw iċ-ċertifikati mediċi ta' light duties?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-eżerċizzju dwar l-impjegati tal-Gvern fuq light duties kien inbeda fl-1995, u minn dan l- eżerċizzju jirriżulta li dak iż-żmien kien hemm 282 impjegat fuq light duties, kif jidher fit-tabella hawn taħt. Ministeru Numru Uffiċċju tal-Prim Ministru 5 Ministeru għall-Affarijiet Barranin 1 Ministeru tal-Finanzi 6 Ministeru tal-Intern 16 Ministeru tal-Edukazzjoni u Riżorsi 10 Umani Ministeru tal-Agrikultura u Sajd 13 Ministeru tal-Gustizzja u l-Arti 11 Ministeru għal Għawdex 18 Ministeru tal-Ambjent 86 Ministeru tal-Iżvilupp Soċjali 82 Ministeru tat-Transport u 35 Telekommunikazzjoni Total 282 B'riżultat ta' dan l-eżerċizzju kien deċiż f'Jannar tal- 1996, li l-impjegati fuq light duties għandhom: i) jiġu assimilati fl-iskali l-ġodda tal-grad sostantiv tagħhom; ii) ikollhom l-increments li jmiss miżmumin u f'każ li jkunu miżmuma għal iżjed minn sena għandha tintalab ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. iii) ma jikkwalifikawx għall-progression minn skala għal oħra qabel ma jkunu qed jagħmlu x-xogħol kollu tagħhom u għal dak in-numru ta' snin imsemmija fil- Ftehim tar-Riforma. Ma nħassitx il-ħtieġa li d-dipartimenti jiġu mitluba jgħidulna kemm kienu l-impjegati li rtiraw iċ-ċertifikat mediku. Sar eżerċizzju ieħor fl-1997/98 li minnu rriżulta li fl- 1998 in-numru ta' persuni fuq light duties tela' għal 599.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Scholarships barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx kien hemm prospetti ta' foreign scholarships fuq studju agrikolu li l-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd kellu għad-dispożizzjoni ta' l-impjegati tiegħu? Hemm xi scholarships pendenti bħalissa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kien hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships fuq studji agrikoli hemm għall-impjegati tad-Dipartiment kif ukoll għal persuni oħra interessati. Dawn l-ischolarships ġew meħuda sakemm ippermettew il-fondi addizzjonali li jkun hemm il-ħtieġa li joħrog id-Dipartiment, u skond il-Kwalifika meħtieġa. Hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships bħal issa. Kull minn hu nteressat għandu javviċina d-Dipartiment tal-Agrikoltura.

Scholarships fuq l-agrikoltura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qattx bagħat xi persuni fuq foreign scholarships fuq studju agrikolu? Meta kienu ngħataw dawn l-ischolarships? Hemm xi pajjiż jew entita' barranija li bħalissa qiegħda tirċievi applikazzjonijiet għal scholarships fuq agrikoltura?

Response (MARCO, GUIDO DE)

a) Iva ntbagħtu persuni fuq foreign Scholarships fuq studju agrikolu. b) Dawn ingħataw kif ġej: Ċipru: 1989/91: 1997 Greċja: 1993/94: 1995/98 Israel*: 1995: 1998 Spanja*: 1995: 1996 Sirja*: 1995 c) Israel* * Dawn offerti taħt ko-operazzjoni teknika lill-dipartimenti konċernati u mhux lill-pubbliku.

Qormi — Asfaltar ta' Triq Nikol Baldacchino

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi asfaltata Triq Nikol Baldacchino f'Ħal Qormi viċin is-showroom tad-Daewoo Motors u l-imħażen tad-ditta kombinati? Jekk ix-xogħol mhux pprogrammat fil-viċin, jista' d-Dipartiment tat-Toroq jagħti ftit żrar temporanjament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti tat-triq li kienet diġa asfaltata trid issirilha l-manutenzjoni mill-Kunsill. L-asfalt fil-parti mhix asfaltata irid isir mid-Dipartiment tat-Toroq skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona u jara x`jista jsir.

Agrikoltura — Agricultural Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-riżultat ta' l-intervisti għal postijiet ta' Agricultural Officer fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li ħareġ kmieni din is-sena ġiex pubblikat? Kemm kien hemm persuni intervistati? Kemm kien hemm u fil-fatt kemm hemm bżonn numru ta' agricultural officers?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ir-rizultat ta' l-intervisti għall-postijiet ta' Agricultural Officers għadu ma ġiex ippubblikat għaliex dan il-Ministeru qed jistenna konferma mingħand il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Kien hemm sitt persuni ntervistati. Meta saret is-sejħa għall-applikazzjonijiet kien hemm bżonn ta' erba' (4) Agricultural Officers. Fil-preżent hemm bżonn ta' sitta (6). Ir-riżultat jiġi mħabbar malli jkollna konferma mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #1511 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Sistema ġdida monenetarja — EURO

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi programmi hemm imħejjija mill-Bank Ċentrali u l-banek l-oħra kummerċjali kif ukoll l-exchange agencies dwar is-sistema ġdida monetarja EURO li se tidħol fis-seħħ kmieni f'Jannar li ġej? Il-Ministru jaħseb li għandu jagħmel stqarrija dwar din il-munita ġdida fil-kamp internazzjonali monetarju?

Response (DALLI, JOHN)

Is-sistema bankarja Maltija qed tagħti importanza kbira għall-introduzzjoni tal-EURO. L-ewwel net qed iżżomm il-pubbliku nfurmat bl-iżviluppi li qed iseħħu f`dan il-qasam, u kif dawn jistgħu jinfluwenzaw l-investimenti finanzjarji. Is-sistema bankarja qiegħda wkoll tirranġa l-operazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-pagamenti internazzjonali u fil-qasam ta` l-investimenti f`muniti Ewropej, kemm dawk tagħhom kif ukoll dawk li huma joffru lill-klijenti. Huwa importanti li nsemmu li l-Bank Ċentrali qiegħed jeżamina l-effett tas-sistema tal-EURO fuq il-valur tal-Lira Maltija. Bħala informazzjoni lill-pubbliku, nħareġ pamphlet mill-Bank Ċentrali u mill-Assoċċjazzjoni tal-Bankiera Maltin li jispjega ċar l-implikazzjonijiet prinċipali ta` din il-munita ġdida għall-pubbliku. Saru u qed jitħejjew seminars u konferenzi fuq is-sinifikat u l-effett tal-EURO mill-banek u anke minn organizzazzjonijiet bħall-Malta Comercial Banks Association. Meta jkun il-waqt nagħmel l-istqarrijiet meħtieġa.

ETC — Persuni b'diżabilita'

Question

B'riferenza għal P.L. mal-mistoqsija parlamentari numru 1084 tal-11.11.98, jista' l-Ministru jgħid: Mill-każijiet ta' mard u kawża ta' diżabilita', liema huma dawk li huma ntitolati għal mediċini fuq Schedule V?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tkun ċertifikata li tbati minn xi marda jew kundizzjoni kif speċifikat fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas. 23.11.98
Leg 9 PQ #1054 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Teżor — Hospital Auxiliaries

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'aġġustament sar riċentement fuq pensjonijiet mit-Teżor fejn jirrigwarda Hospital Auxiliaries? Kemm żdiedet il-pensjoni fix-xahar u kemm laħqet is-somma globali ta' din il-kategorija?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor Interpellant illi riċentement ma sar l-ebda aġġustament fuq pensjonijiet mit-Teżor fejn għandhom x`jaqsmu l-Hospital Auxiliaries. L-aħħar aġġustament li sar kien is-sena l-oħra u dan kien jirrigwarda aġġustament fuq pensjonijiet minħabba r-Riforma ta` l-1991. Iż-żieda tal-pensjoni minħabba din ir-riforma kienet minn minimu ta` Lm8.50,0 fis-sena sa massimu ta` Lm43.06,7 fis-sena. Iż-żieda globali laħqet Lm113 fis-sena fil-pensjoni u Lm1,609 fi gratuity.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni qegħdin jistennew li tinħadmilhom il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali? Minn meta jibda dan il-case-load? X'passi qiegħed jieħu d-dipartiment sabiex jitħaffef il-proċess tal-N.I. pension lil dawk li għalqu l-61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xi Pensjoni Kontributorja huwa ta' 546. Din il-figura hija maqsuma f'37 applikazzjoni għal Pensjoni għar-Romol; 119 għal Pensjoni għal Invalidita' u 390 għal Pensjoni għal min jirtira. Fir-rigward tal-Pensjoni għar-Romol ma hemmx backlog imma s-37 applikazzjoni huma applikazzjonijiet ġodda li daħlu fid-Dipartiment riċentement. Hija policy tad-Dipartiment f'dawn il-każi li l-pagament tal-Pensjoni għar-Romol isir mill-aktar fis possibli u fil-maġġoranza tal-każi din tkun mħallsa sad-data tal-pagament ta' dawn il-pensjonijiet li jkun jmiss wara li din l-applikazzjoni tkun daħlet fid-Dipartiment. Fir-rigward tal-Pensjoni għall-Invalidita' jrid jingħad li minn dawn il-każi madwar 30 applikazzjoni huma pendenti biex jidhru quddiem panel mediku - 26 huma pendenti biex jibda l-proċess ta' l-applikazzjoni u l-kumplament ta' 63 każ għandhom ikunu mħallsa mall-pagament li jmiss tal-Pensjonijiet għal Invalidita' fl-aħħar ta' dan ix-xahar. Fir-rigward tal-każi pendenti quddiem il-panel mediku, dawn mistennija li jitlestew minn dan il-proċess sa ħmistax oħra. Fir-rigward ta' Pensjonijiet għal min jirtira jien infurmat li billi l-proċedura hija li persuna tapplika għal Pensjoni tlett xhur qabel ma tilħaq l-eta' tal-Pensjoni, l-maġġoranza tal-każi pendenti huma ta' persuni li għadhom ma laħħqux l-eta' tal-pensjoni. Ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment kontinwament u fejn possibli qiegħed jirevedi l-policies tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' applikazzjonijiet għal pensjoni. Infatti fil-bidu ta' dan ix-xahar ġie rivedut il-proċess fil-każi ta' applikazzjonijiet ta' persuni li jinpjegaw lilhom infushom. Bil-proċess il-ġdid huwa ttamat li d-dewmien li f'każijiet kienet tlaħħaq ix-xhur issa hu mistenni li jitħaffef aktar għal-benefiċċju ta' dawn il-persuni. 17.11.98

Sigurta' Soċjali — Ħlas ta' għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jippermettix li ħlas (b'cheques) ta' għajnuna soċjali lill-ħandikappati ma jkunux jistgħu jiġu ddepożitati direttament fil-Bank ta' l-għażla tar-riċevitur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li effettivament id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qiegħed f'kuntatti mal-Banek kummerċjali biex tiġi implimentata sistema li biha l-benefiċċjarju jkun jista' jkollu depożitat il-benefiċċju tiegħu direttament fil-kont li jindika hu. F'każ ta' persuna li għandha diżabilita' mentali fejn il-Bord Mediku jindika li din il-persuna ma tistax taġixxi, il-proċess ta' hawn fuq se jkun jista' jsir fuq talba tal-Amministratur ta' dik il-persuna. 17.11.98
Leg 9 PQ #945 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsijia parlamentari numru 572, huwa aċċettabbli għad-dipartiment li jħalli individwu bħala watchman fiċ-ċimiterju ta' Sant'Andrija meta din il-kategorija taqa' taħt skala anqas minn dik l-iskala li għandu dan il-ħaddiem? Ma jidihirlux il-Ministru li dan huwa ħela ta' man-power?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed ninvestiga dan il-każ partikulari.
Leg 9 PQ #1049 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Triq il-Kandlora - Esproprjazzjoni ta' art

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 568, jista' l-Ministru jgħid kif jista' jiġi spjegat li s-sidien ta' l-art għadhom ma ġewx stabbiliti meta qabel ittieħdet l-art kemm id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u d-Dipartiment ta' l-Art ġew avviċinati u ntlaħaq xi forma ta' ftehim mas-sidien direttament? It-tieni paragrafu tar-risposta huwa korrett?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm jista' jkun li diġa' ġew identifikati l-'apparent owners', xorta waħda jridu jsiru r-riċerki neċessarji sabiex jiġi aċċertat li dawn huma s-sidien proprji tal-art li qegħdha tiġi esproprjata. Fi żmien qasir għandha tiġi ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern l-esproprjazzjoni ta' l-art u d-Dipartiment ta' l-Artijiet jkun jista' jibda r-riċerki biex jiġi stabbilit min huma s-sidien attwali. Wara dan id-Dipartiment ikun jista' jinfurmahom bil-prezz. Jiena nfurmat li mill-'file' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jirriżultax li l-'apparent owners' ġew avviċinati u ntlaħaq xi forma ta' ftehim. 16.11.98
Leg 9 PQ #1050 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterji — Watchmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kemm-il ċimiterju li jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Saħħa hemm watchmen? X'inhuma l-ħinijiet li jaħdmu dawn il-watchmen? Għand min tinżamm iċ-ċavetta tal-katnazz taċ-Ċimiterju ta' Sant Andrija, Ħaż-Żebbuġ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li erba` ċimiterji li jaqgħu taħt id-Dipartiment tas-Saħħa għandhom il-watchmen. Dawn huma: iċ-ċimiterju ta` Santa Marija Addolorata - Paola; iċ-ċimiterju Ta` Braxia - Pieta`; iċ-ċimiterju ta` u ċ-ċimiterju ta` Santa Marija - Għawdex. Il-ħinijiet li jaħdmu dawn il-watchmen huma: Ċimiterju Ħin ________________________________________________ __________________________ Santa Marija Addolorata, Paola 7.00am u l-5.00pm (xift ta` bil-lejl 5.00pm sa 7.00am) Ta` 7.00am sal-500pm Santa Margerita, Rabat (Malta) 7.00am sa 2.00pm Santa Marija, Għawdex 6.30pm sa 1.10 pm Ċavetta tal-katnazz taċ-ċimiteju ta` Santa Andrija Ħaż-Żebbug tinżamm fl-uffiċċju amministrattiv tad-dfin fiċ-ċimiterju ta` Santa Marija Addolorata u kopja taċ-ċavetta tinżamm għand persuna ta` fiducja tal-Arċipriet tal-paroċċa ta` Ħaż-Żebbuġ.
Leg 9 PQ #1051 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 572, jista' l-Ministru jgħidli minn min qiegħed jitħallas dan il-watchman, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet jew mid-Dipartiment tas-Saħħa? Jaf il-Ministru li dan iċ-ċimitrju jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Saħħa? Dan il-watchman iżomm ċavetta tal-katnazz ta' dan iċ-ċimiterju? Jista' l-Ministru jirrispondi l-kumplament tal-mistoqsija jiġifieri numri 2 u 3?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan il-watchman qed jitħallas mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Iċ-ċimiterju jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Saħħa. Dan il-watchman iżomm ċavetta tal-katnazz ta' dan iċ-ċimiterju minħabba li waħda mill-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu hija li jiftaħ u jagħlaq l-istess ċimiterju. Fiż-żewġ ġonna msemmija ma hemm ħadd jaħdem ma' l-Uffiċju Ċentrali tad-Distretti fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.