Jista' il-Ministru jindika ż-żmien meta parti minn art espropjata f'Ħaż Żebbuġ (ir-referenzi qegħdin jintbagħtu separatament) li ma ġietx użata terġa tiġi rilaxxata lis-sidien tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet qed jistenna tweġiba mingħand id-Dipartiment tat-Toroq dwar it-talba li s-sidien għamlu biex tiġi rilaxxata l-proprjeta`.
Jista' il-Ministru jinfurmani x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawk il-persuni li applikaw biex iħaffru borehole? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti? Meta hemm il-ħsieb li jingħataw permessi ġodda għal boreholes?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinfurmani jekk l-Enemalta għandhiex xi applikazzjoni għal substation fl-inħawi ta' Triq Mikelanġ Sapiano f'Ħaż Żebbuġ? Kemm ilha li saret din l-applikazzjoni? Kien hemm approvazjoni għaliha mill-MEPA? Jekk fl-affermattiv meta sejjer jibda ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fl-1 ta' Ottubru 2001, il-Korporazzjoni Enemalta kienet applikat għand l-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jinħareġ permess biex tinbena substation fi Triq Mikielanġ Sapiano, Ħaż-Żebbuġ. Dan il-permess inħareġ fl-31 ta' Mejju 2002. Ix-xogħol ma setax jinbeda peress li l-Kurja oġġezzjonat li tbiegħ l-art in kwistjoni lill-Korporazzjoni. Minħabba f'hekk, fl-10 ta' Ottubru 2002, l-Enemalta applikat għand it-Taqsima tal-Proprjeta' tal-Gvern biex issir "compulsory acquisition".
Karti tal-flus bl-istampa ta' l-ex President Agatha Barbara
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' karti (flus) ta' dominazzjoni ta' Lm20 bl-istampa ta' ex President ta' Malta Agatha Barbara li kien ħareġ oriġinarjament il-Bank Ċentrali ta' Malta?
Kemm f'ammont globali ta' flus ġew irtirati minn dawn l-għoxrin lirijat?
Kemm hu stmat li għad fadal fl-idejn u ma' nbidlux sa l-aħħar ġurnata li kellhom jispiċċaw miċ-ċirkolazzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali ta' Malta oriġinarjament ħarġet fiċ-ċirkolazzjoni 8,499,416 karta ta' l-għoxrin lira tal-verżjoni msemmija (4th Series) li jammontaw għal Lm169,988,320.
Minn dawn, 8,475,701 b'valur ta' Lm169,514,020 ġew irtirati sat-2 ta' Diċembru, 2002, id-data li fiha kellhom jispiċċaw miċ-ċirkolazzjoni.
Għalhekk, 23,715 b'valur li jammonta għal Lm474,300 ma ġewx irtirati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħtini tagħrif dwar il-pożizzjoni tal-lift fil-binja ta' Wied Ħasri entratura numru 7 s-Siġġiewi? Għaliex dan il-lift li ilu nstallat żmien twil għadu mhux jiffunzjona? X'passi ħadet l-amministrazzjoni responsabbli dwar din il-problema? X'inhuma r-rimedji li qegħdin jittieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Blokki N, O u P fis-Siġġiewi, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet tender biex il-lifts eżistenti jissewwew. Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol tlesta u t-tlett lifts issa qed jaħdmu.
Jista' l-Ministru jagħti ordni sabiex isir tindif ġenerali fl-area kollha ta' madwar il-Port il-Kbir, partikolarment fl-area tal-Menqa fejn persuni rresponsabbli qegħdin iħallu kull xorta ta' materjal għal għonq it-toroq ta' dawn l-inħawi?
Jista' jikkonsidra li dan it-tindif isir bħala rutina matul is-sena kollha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-tindif ġenerali ta' madwar il-Port il-Kbir diġa' jsir fuq bażi regolari. L-area tal-Menqa hija post fejn isir l-iżjed ammont ta' dumping u għalhekk ser tingħata iżjed attenzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li fl-SVPR u fi djar oħra b'residenza ta' l-anzjani jiġi ntrodott is-sistema ta' mobile phone sabiex dawk il-pazjenti ''bed ridden'' jkunu jistgħu ikellmu lil qrabathom bis-servizz tat-telephone?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-wards fl-SVPR qed tiddaħħal is-sistema li biha r-residenti jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt ma' qrabathom bis-sett tat-telefon.
Jista' l-Ministru jordna li fi Triq is-Sienja, Ħ'Attard iż-żewġ arbli li saru quddiem id-dar ''Redeemer'' jiġu utilizzati billi jitwaħħlu magħhom il-cables tad-dawl flok dawk li qegħdin mal-faċċata tar-residenza partikolari u oħrajn fil-viċinanzi li qegħdin jikkawżaw ħsara fl-istess bini?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol li qed issir riferenza għalih għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari 37552 jikkonsidra l-Ministru li l-konsegwenza ta' l-għadira ta' ilma quddiem stage tal-karozzi tal-linja fil-ġranet tax-xitwa għandha tiġi solvuta b'mod spedit minflok ma wieħed joqgħod jistenna sejħa għall-offerti bil-proċess twil li din tieħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat tat-Toroq biex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant u jara x'l-aħjar li jsir.
Kemm huwa l-ammont globali ta' flus li qegħdin depożitati fil qrati Maltin minħabba diversi raġunijiet? Għal liema skop qegħdin jinżammu u kif inhuma klassifikati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma tinżammx statistika ta` l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru, b'mod spedit, jordna li quddiem l-istage tal-Bombi (Portes des Bombes) isir xi ħaġa biex ma tibqax dik l-għadira ta' l-ilma li takkumula bir-riżultat li vetturi jtajru l-ilma proprju fuq in-nies li jkunu qed jistennew ix-xarabank?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għadu kif ħareġ sejħa għall-offerti biex isir xogħol fil-
junctions
tal-lokalita' inkonnessjoni mal-proġett tal-
Park and Ride
tal-Bombi u x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isisr bħala parti minn dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' street lamps f'Ħaż-Żebbuġ approvati mill-ministeru għadhom ma ġewx implimentati?
1) Triq Andre Borg
2) Triq Mikelang Sapiano
3) Triq Vincenzo Adrario
4) Triq Lucas Garnier
5) Triq 12 ta' Mejju
6) Triq Andrea Bogdan
7) Triq il-Perit
8) N/S in Triq l-Isqof Caruana
Meta hemm il-ħsieb li dawn l-istreet lamps jitwaħħlu u jixgħelu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-lampa fi Triq il-Perit ġiet installata u dawk fit-Toroq Andre' Borg u Mekelanġ Sapiano ser jitwaħħlu fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward tat-talbiet l-oħra, ninsab infurmat li x-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjoni Nru. 1481/02 għal provvista ta' elettriku f'dar privata mal-Korporazzjoni Enemalta għadha ma ġietx milqugħa?
Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dan is-servizz jingħata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru hija waħda mill-applikazzjonijiet li hemm pendenti u li qed tiġi pproċessata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti mal-Korporazzjoni Enemalta għal servizz domestiku ta' provvista ta' dawl fi djar privati madwar Malta kollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal servizz domestiku fil-gżejjer Maltin huwa ta' erba' mija u tlieta u erbgħin.
X'inhi r-raġuni li proprjeta' privata qiegħda tinżamm mill-MDC fl-ex Jablo Factory Ħal Luqa (31 Industrial Estate)? Fuq min kienet din il-fabbrika qabel ma għalqet? X'inhu l-ammont ta' ħlasijiet ta' kera li hemm pendenti fuqha? X'inhi r-raġuni li din il-fabbrika qiegħda tinżamm magħluqa meta hemm tant ħtieġa ta' lokalitajiet bħal dawn għal dawk l-industrijalisti li qegħdin ifittxu areas għall-produzzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minħabba l-provvedimenti tal-Business Promotion Act, Kapitlu 325 tal-Liġijiet ta' Malta, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni liċenzjati bħala nassaba qegħdin jiġu konfrontati mill-ALE għas-sempliċi raġuni li jkollhom persuni ħbieb tagħhom fil-kumpanija tagħhom waqt li jkunu qegħdin jonsbu fid-dura tagħhom?
Għaliex meta persuna liċenzjata tħalli l-post ta' l-insib tagħha għal ftit minuti, qiegħda tiġi konfrontata mill-ALE, il-persuna li tħalli għassa minflokha u f'każi ġew ikkonfiskati x-xbieki kif ukoll l-għasafar?
Kemm kien hemm każijiet bħal dawn f'din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ, hija meħtieġa liċenzja sabiex wieħed jonsob. Parti mid-dmir u dover tat-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Korp tal-Pulizija huwa li tara li dawn ir-Regolamenti jiġu osservati. Huwa għalhekk li membri ta` din it-Taqsima jagħmlu spezzjonijiet fejn ikun qed isir l-insib u fejn ikun il-każ tieħu l-passi skond il-liġi. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm 14-il persuna li tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed jonsbu mingħajr liċenzja.
Jista' l-Ministru jgħid x'organizzazzjoni teżisti bħala administrative law enforcement sabiex iffittxu ħaddiema barranin li qegħdin jaħdmu illegalment f'Malta?
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra x'koperazzjoni hemm bejn id-Dipartiment ta' l-Immigrazzjoni, l-Pulizija u l-ETC sabiex dawk li m'għandhomx dritt jaħdmu Malta u qegħdin jieħdu ħobż il-Maltin jiġu mfittxija bl-akbar mod intensiv u jitkeċċew mill-pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minbarra r-raids li l-Pulizija tagħmel minn żmien għal żmien, membri mit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni, regolarment jassistu lil enforcement officers ta` l-ETC fi spezzjonijiet fuq lantijiet tax-xogħol għal persuni ta` nazzjonalita` barranija li jistgħu jkunu qed jaħdmu llegalment.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-MPO milli tagħti l-approvazzjoni tagħha sabiex persuni li kienu fis-servizz ċivili li ġew trasferiti għal MEPA u f'din l-azjenda jista' jkunu żejda, ma' jiġux trasferiti mill-ġdid f'dipartiment li hemm verament bżonnhom minħabba l-ispeċjalita` tax-xogħol tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Talbiet li jsiru minn haddiema li huma ‘detailed’ ma’ Awtoritajiet jew Korporazzjonijiet ghal trasfiment lura fis-Servizz Pubbliku jigu kkunsidrati fuq il-meriti taghhom u skond il-htigijiet tas-Servizz.
B'referenza għal mistoqisja parlamentari numru 37000, jista' il-Ministru jikkonsidra li fil-ħruġ ta'permessi għal-discos ikun hemm il-kundizzjoni dwar kemm għandu jkun għoli l-volum tal-mużika biex ma tagħmilx ħsara awdita lil dawk preżenti u ma tkunx ta' l-istess ħsara u ta' inkonvenjenza għal min ikun fil-viċinanza?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-kriterji stabbiliti mill-Awtorita’ tat-Turiżmu jitfasslu wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jieħdu in kunsiderazzjoni l-volum tal-mużika biex ma tagħmilx ħsara jew tikkaġuna nkonvenjent għall-ġirien.