Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Dħul ta' annimali f'Malta

Question

Meta persuna tinqabad iddaħħal annimali ħajjin jew mejtin kontra l-liġi mid-dwana, jittieħdu proċeduri biss kontra l-ksur tal-liġijiet tad-dwana jew ukoll jinbdew proċeduri tal-pulizija kontra l-liġi tal-moħqrija ta' l-annimali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'każi bħal dawk imsemmija mill-Onor. Interpellant, isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu dawk il-proċeduri kriminali kollha għal kull ksur ta' liġi li jista' jirriżulta.

Tunnellaġġ tat-trakkijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi regoli li trakk u tagħbija ma jistgħux jiżnu aktar minn 16-il tunnellata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferih għall-Leġislazzjoni Sussidjarja bin-numru 65.21 li tirrigwarda "Motor Vehicles (Weights, Dimensions and Equipment) Regulations” u speċifikament l-ewwel skeda ta’ dan ir-regolament fejn għandu jsib id-dettalji kollha dwar id-domanda magħmula. Kopja ta' dan l-avviż legali qiegħed jipoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

B'Kara — Studenti ta' l-iskola primarja

Question

Billi llum xi 750 tifel u tifla fl-iskola "A" u "B" ta' B'Kara baqgħu fix-xita sakemm daħlu l-iskola filgħodu, jista' isir xi forma ta' staggering b'bibien differenti għad-dħul ħalli dan ma jerġax jiġri?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li billi kienet ix-xita nhar it-Tlieta li għaddew, it-tfal ta' l-Iskola Primarja 'C', B'Kara, ddaħħlu l-iskola fit-8.10 flok fit-8.20. It-tfal jidħlu minn bieb wieħed biex ikun hemm sorveljanza u attenzjoni mill-Kap u l-Assistenti Kapijiet f'diversi postijiet ħalli d-dħul ġo l-iskola kjun bl-ordni. Il-Kap ta' l-iskola ssostni li dan ma jkunx jista'jsir jekk jinfetħu aktar bibien.

Ċens

Question

Jista' isir xi ħaġa bil-liġi li ġġiegħel lill-inkwilin iħallas iċ-ċens meta suppost, billi l-każ bil-kontra huwa maħsub bil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Diġa' hemm provdut fil-liġi tal-kera, li l-inkwilin li ma jħallasx żewġ skadenzi wara li jiġi interpellat li jagħmel dana, jista' jiġi żgumbrat mill-post lilu mikri.

Korsijiet fl-Universita' — Refund fit-taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi refund fit-taxxa għal dawk li qed jagħmlu kors ta' l-Universita' part-time u li qed iħallsu għalih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-liġi tat-taxxa, refund tat-taxxa jkun dovt lil min ikun ħallas taxxa żejda. Ma jeżisti l-ebda tnaqqis fil-liġi tat-taxxa għal min jagħmel ħlas għal korsijiet, inklużi korsijiet part-time l-Universita’, u għalhekk ma jistax jinħoloq refund minħabba f’hekk.

Applikazzjoni għal chair lift

Question

Tista' il-Ministru tispjega kif tista' issir l-applikazzjoni għal chair lift għall-anzjani u l-morda u fejn? Hemm xi sussidju fuq ix-xiri ta' dan is-siġġu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar tipprovdi għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi okkupati minn persuni b’diżabilita’. Dan is-sussidju jista’ jservi biex persuna b’diżabilita tistalla stairlift fid-dar fejn tgħix. L-applikazzjoni u l-kundizzjonijiet biex persuna tibbenefika minn din l-iskema jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, il-Furjana. L-applikazzjoni mimlija, flimkien mad-dokumenti meħtieġa kif indikat fl-applikazzjoni, għandhom jiġu ritornati fl-istess uffiċċju.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li l-patrijiet li joqogħdu l-kunvent ma jħallsux rati ta' dawl u ilma b'rati kummerċjali iżda b'rati domestiċi bħalma jagħmlu qassisin djoċesani, ie kif jidher fil-korrispondenza li qed tintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni self-employed — Liċenzja tan-negozju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk bniedem self-employed li għandu permess ta' ħanut, jispiċċax meta jagħlaq il-61 sena din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li persuna self employed tista tibqa taħdem anke wara li tagħlaq il-61 sena, sakelmm tibqa tkun konformi mal-obbligi taghħa fil-kontribuzzjoni tas-Sigurta Soċjali u tinforma lid-dipartiment tas-Sigurta Soċjali dwar dan.

Dwal mas-Swar tal-Belt

Question

Jista' il-Ministru jagħti ordni biex jiġu ċċekkjati d-dwal li jixgħelu s-swar tal-Belt bil-lejl għaliex hemm ħafna maqtugħin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li manutenzjoni u tiswija ta' dawn id-dwal isir perjodikament. Il-ġimgħa li għaddiet biss, per eżempju, tranġaw jew tbiddlu aktar minn 30 floodlight tas-swar fuq in-naħa ta' Marsamxett.

Birkirkara — Triq Mannarino

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir il-kisi tat-tarmac meħtieġ fejn saru t-tiswijiet fi Triq Mannarino, Birkirkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħlijiet imsemmija saru minn kuntrattur privat f’isem il-Water Services Corporation. Dan il-kuntrattur ġie nfurmat biex jiffinalizza x-xogħol ta' reinstatement mill-aktar fis possibli skond il-kundizzjonijiet tal-permess.

Birkirkara — Tindif fi Triq il-Passju

Question

Filwaqt li nifraħ għax-xogħol ta' illuminazzjoni ta' l-Akwedott fi Fleur-de-Lys, Birkirkara, nista' nitlob lill-Ministru jara li t-toroq fejn kienu qed jaħdmu l-ħaddiema jitnaddfu sew speċjalment l-imbarazz li ntefa' fi Triq il-Passju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi t-tindif meħtieġ fit-triq imsemmija tlesta'.

Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li l-Enemalta tieħu ħsieb tagħmel arbli tad-dawl biex iżommu l-cables tad-dawl għaliex dawn se jistrieħu ma' dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u jistgħu jikkawżaw il-ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ ġie nvestigat fil-11 ta' Mejju u jirriżulta li l-cables imsemmijin huma mdendlin minn brackets mal-ħajt kif inhu l-metodu normali. Dal-metodu ġeneralment ma jirriżultax fi ħsarat u f'dal-każ ukoll m'hemm l-ebda ndikazzjoni ta' ħsara.

Birkirkara — Triq Għargħur

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir eżerċizzju ta' street numbering fi Triq Għargħur, Birkirkara?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li din it-triq ser tkun inkluża fil-programm ta' street numbering għal din is-sena.

Santwarji ta' l-Annimali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-esperti li qed jagħtuh parir rigward ir-regolazzjonijiet għas-santwarji ta' l-annimali, meta kienu appuntati u x'inhi l-brief tagħhom? Kif beħsiebu jinforza r-regolamenti u x'beħsiebu jagħmel b'dawk il-klieb li qegħdin f'santwarji li ma jistgħux jaffordjaw li jidħlu fir-regolazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2002 inħatar il-Kunsill għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali skond ir-regoli msemmija fl-Att għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali ta’ l-2001. F’Settembru 2004, dan il-kunsill kien waqqaf sotto-kumitat għas-santwarji ta’ l-annimali li fih kien hemm uffiċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja, nies minn organizazzjonijiet mhux governattivi u esperti mir-Renju Unit. L-għan ta' dan is-sotto-kumitat kien biex iħejji liġi/liġijiet biex iħarsu u jipproteġu s-saħħa tal-klieb u l-qtates li jinsabu ġos-santwarji. L-Att Legali li qed jitħejja dwar iż-żamma tal-klieb u l-qtates f'santwarji, li jaqa' taħt l-Att għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali (Animal Welfare Act), għandu jkun il-liġi li tinforza dawn ir-regoli. Kif din il-liġi tiġi fis-seħħ, tkun ir-responsabbiltà ta' min ikun qed imexxi dawn is-santwarji li jiżgura li l-klieb u l-qtates miżmumin fihom ikunu qegħdin jiġu mħarsa b'mod xieraq. Sadanitant qed jitħejja pjan t'azzjoni biex jindirizza din il-problema taż-żamma tal-klieb u l-qtates.

Birkirkara — Triq Msida - culverts

Question

Jista' il-Ministru jara li l-culvertsfi Triq Msida, Birkirkara li qegħdin quddiem id-dar 148, fl-istess triq jinqalgħu u jintaddfu għaliex meta tagħmel ix-xita l-ilma ma jlaħħaqx u qed jidħol fl-istess dar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilta’ tal-Kunsill Lokali peress li hija triq asfaltata imma mhijiex arterjali jew distributorja

Pembroke — Animal Shelter

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18270, li ġiet risposta fl-24 ta' April 2006, jista' il-Ministeru jikkontattja lin-nies involuti fuq id-dettalji li qed jintbagħtu separatement għaliex lil dawn għadu ma kkontattjahom ħadd u l-klieb għadhom m'għandhomx fejn joqogħdu wara li l-MEPA għalqet il-post tagħhom f'Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Gvern għandu d-dmir josserva li l-klieb u l-anniamli l-oħra f’pajjiżna ikunu ttrattati sewwa. Il-Gvern mhuwiex responsabbli biex isib post biex jinżammu fih il-klieb f’pajjiżna. Minkejja dan il-Gvern jipprova jara jistax jiddedika art pubblika adegwata li tista’ tintuża għal dan l-iskop iżda dan mhux dejjem huwa possibbli. Sadanittant ħadd ma għandu l-jedd jokkupa art pubblika bla awtorizazzjoni u jibdel sit bħala post ta’ akkomodazzjoni għall-klieb mingħajr permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Skond il-liġi ta’ pajjiżna il-kustodju ta’ dawn il-klieb irid jara u jiżgura s-saħħa u l-ħarsien ta’ dawn l-annimali. Jien infurmat li uffiċjali mit-Taqsima għall-Ħarsien ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ikkuntatjaw lil din il-persuna diversi drabi.

Birkirkara — Plot fi Triq il-Knisja il-Qadima

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jsir mill-plot mhux żviluppat li tinsab fit-tarf ta' fuq ta' Triq il-Knisja il-Qadima kantuniera ma' Triq Indri Galea, peress li qed isservi biex nies irresponsabbli jarmu kull tip ta' materjal u żibel hemmhekk b'detriment għas-saħħa tar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed iħejji l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot imsemmi.

Birkirkara — Fleur-de-Lys Road

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra l-istat ta' Fleur-de-Lys Road, Birkirkara għaliex qiegħda fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan l-aħħar saru diversi tiswijiet major patching works f'toroq arterjali u distributorji skond l-esiġenza u l-urġenza tal-każ. Il-ħsarat indikati fi Fleur de-Lys road sejrin jittieħdu in konsiderazjoni f'xogħlijiet simili fil-futur.

Santa Venera — Triq il-Kanun

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra l-istat ta' Triq il-Kanun f'Santa Venera (ħdejn il-BOV) għaliex qiegħda fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan l-aħħar saru diversi tiswijiet major patching works f'toroq arterjali u distributorji skond l-esiġenza u l-urġenza tal-każ. Il-ħsarat indikati fi Triq il-Kanun sejrin jittieħdu in konsiderazjoni f'xogħlijiet simili fil-futur.