Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għadira — Caravan Site

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22741, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u jara għalfejn għal applikazzjonijiet għad-dawl fil-caravan site ta' l-Għadira qed jintalab il-compliance certificate tal-MEPA meta dan mhuwiex bini kopert bil-permess imma caravan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 22741, ninfurmah li l-Korporazzjoni EneMalta titlob compliance certificate mingħand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tiżgura li l-elettriku jingħata għal żvilupp li għandu l-permessi meħtieġa.

Birkirkara — Health Centre

Question

Jista' l-Ministru jitlob li jinbidel il-ħġieġ tal-health centre ta' Birkirkara għaliex ma jidhrux l-uċuh ta' dawk li jkunu qegħdin jagħtu l-mediċini u dan jista' iwassal għal abbuż? Dawn għandhom ikunu trasparenti u mhux smoked jew bojod?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħġieġ ta' l-ispiżerija tal-Gvern taċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara huwa frosted in-naħa ta' fuq tal-partition li jissepara l-ispiżjar mil-klijenti. Dan kien hekk sa mil-bidu tal-ftuħ taċ-ċentru u sar b'dan il-mod peress li l-ispiżerija tidher mit-triq. Madankollu, l-ispiżjar jidher sew meta jkun qed jaqdi l-klijent minn bilqeda.

Għadira — Caravan Site

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn għal applikazzjonijiet għad-dawl fil-caravan site ta' l-Għadira qed jintalab il-compliance certificate tal-MEPA meta dan mhuwiex bini kopert bil-permess imma caravan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Compliance Certificate tal-MEPA jintalab ma’ kull applikazzjoni tad-dawl permanenti biex l-Enemalta tassigura li jkun hemm il-permessi meħtieġa. Dan skond l-Att dwar l-ippjanar ta’ l-i¿vilupp Kap 356 Artiklu 61.

Birkirkara — Dawl tal-Milied

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn applikazzjonijiet għad-dawl tal-Milied f'Birkirkara ma ngħatawx id-dawl fil-ħin, avolja l-applikazzjoni kienet magħmula fil-ħin (10 days)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-provista ta’ l-elettriku għal dekorazzjoni tal-Milied f’Birkirkara ingħata fil-ħin stipulat ħlief għal triq waħda partikolari fejn il-provista ngħatat ġurnata wara minħabba xogħolijiet oħra importanti jew ta’ prijorita’ għolja.

Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jara jekk il-ħaddiema barranin li qed iqiegħdu l-kanen ħdejn il-play ground ta' Wied il-Għajn humiex kollha bil-ktieb tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig għamlet spezzjonijiet f’erba’ postijiet f’Wied il-Ghajn illum is-7 ta’ Diċembru 2006. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, instabu jaħdmu llegalment żewg persuni, wieħed minnhom pensjonant. Il-Korporazzjoni ser tieħu l-passi skond il-liġi kontra l-imgħallmin ta’ dawn il-ħaddiema illegali talli ma nfurmawx lill-Korporazzjoni bl-impjieg tagħhom.

Fleur de Lys — Traffic Jams

Question

Minħabba li qed ikun hemm konġestjoni kbira ta' traffiku fi Fleur de Lys waqt ir-rush hours u bl-istudenti ta' l-iskola Santa Monica, partikolarment bejn is-7.00 a.m. u t-8.30 a.m. u s-1.00 p.m. u s-2.00 p.m., jista' il-Ministru jordna li tiċċaqlaq il-bus stop li hemm ħdejn l-Istitut Vincenzo Bugeja u z-zebra crossing aktar 'l isfel lejn Santa Venera li qed ikunu kaġun ewlieni ta' traffic jams, kif ukoll jingħataw struzzjonijiet biex ma jsirx taħriġ ta' sewwieqa ġodda f'din l-area kif ukoll issir sistema ta' one way, partikolarment Triq Brighella u Triq l-Indjana u ssir senjaletika ġdida fi Triq Fleur de Lys, quddiem Triq l-Indjana?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tal-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta kif ġej: · Għalkemm fil- peak hour Triq Fleur de Lys tintuża minn ammont sostanzjali ta’ vetuuri iżda fl-ebda ħin ma rriżulta li t-traffiku kien wieqaf. L-akbar queue li kien hemm kien ta’ seba’ karrozzi li riedu jidħlu ġor- roundabout ta’ Fleur de Lys. Id- delay ta’ tali karrozzi ma kienx ta’ aktar minn 180 sekonda. · Il- bus stop u l- pelican crossing fi Triq Fleur de Lys ġew spezzjonati u nstabu li huma f’post sikur u li qed jaqdu l-użu tagħhom. · L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta mhux f’posizzjoni li tikkontrolla r-rotot li jittieħdu mid- driving instructors waqt il-lezzjoni tas-sewqan ma’ l-istudenti tagħhom. · Fi Triq Brighella u Triq Indjana ma nstabx li hemm xi problemi ta’ konġestjoni ta’ traffiku u minħabba s-sistema tat-traffiku fl-inħawi u r-restrizzjonijiet imponuti mill-posizzjoni ta’ l-akwedott, għaldaqstant huwa rakkomandat li l-arranġamenti tat-traffiku fi Triq Brighella u fi Triq l-Indjana jibqgħu kif inhuma. · Fir-rigward tas-senjaletika ġdida fi Triq Fleur de Lys li għaliha qed jirreferri l-Onorevoli Interpellant, jista' jingħata aktar dettal dwar tali talba sabiex l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta tkun tista’ tara li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Fleur de Lys — Traffic Jams

Question

Minħabba li qed ikun hemm konġestjoni kbira ta' traffiku fi Fleur de Lys waqt ir-rush hours u l-ammont ta' studenti ta' l-iskola Santa Monica, partikolarment bejn is-7.00 a.m. u t-8.30 a.m. u s-1.00 p.m. u s-2.00 p.m., jista' il-Viċi Prim Ministru jordna li pulizija tikkontrolla d-dħul u l-ħruġ minn Triq l-Indjana u Triq Brighella?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tat-traffiku, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, ikunu preżenti f'din il-lokalita' fil-ħinijiet meta l-istudenti jibdew u jispiccaw l-iskola.

Birkirkara — Triq il-Knisja l-Qadima

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq mistoqsija parlamentari li tirrigwarda plot mhux żviluppat li kellha toħroġ xi offerta fuqha f'kantuniera ta' Triq il-Knisja l-Qadima ma' Triq Indri Galea, Birkirkara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għadu qiegħed iħejji l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot imsemmi.

Asperina out of stock

Question

Jista' il-Ministru jara għalfejn l-asperina 75mg hija out of stock mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-asperina 75mg hija temporanjament out of stock minħabba li fl-aħħar sejħa għall-offerti li ħareġ il-Gvern ma kien hemm l-ebda offerta għal dawn it-tip ta' pilloli. L-offerti kollha kienu għall-pilloli enteric coated li d-dipartiment diġa' jixtri minn kuntratt ieħor. Bħalissa l-GPS ħarġu sejħa oħra għal dawn il-pilloli biex jinxtraw dirett minn barra minn Malta.

Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn in-nies qed jingħataw il-boroż tal-mediċini (atonolol 100mg) bin-nieqes miċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkirkara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ispiżerija tal-Gvern ta' B'Kara qassmet ftit boroż ta' l-Atenolol 100mg li kien fihom pilloli nieqsa. Dan ġara għaliex it-tabletcounting machine kellha xi ħsarat u bdiet tqabbeż in-numri waqt li l-pilloli kienu qed jiġu ppakkjati f'boroż. Din il-ħsara issa issewwiet. Il-pazjenti li sabu pilloli nieqsa u li ġew lura l-ispiżerija, ingħataw spjegazzjoni ta' li ġara kif ukoll il-pilloli nieqsa li kellhom.

Birkirkara — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jara għalfejn fl-iskola primarja C Anthony Valletta ta' Birkirkara, m'hemmx teacher fil-klassi 6C, għaliex it-tfal qed jiddejqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Supply Teacher intbagħtet l-iskola primarja 'C' Anthony Valletta ta' B'Kara fit-22 ta' Novembru 2006. Qattgħet il-jum tosserva t-tfal biex minn nhar it-23 ta' Novembru ħadet il-klassi u bdiet it-tagħlim regolari.

Furjana — Monumenti

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jinxtegħlu l-monumenti ta' Kristu Re u ta' l-Indipendenza fil-Mall, il-Furjana?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi sabiex dawn iż-żewġ monumenti jkunu mixgħula fil-futur qarib, wara li nqalgħu xi ħsarat fis-sistemi ta' l-illuminazzjoni tagħhom.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li l-patrijiet li joqogħdu l-kunvent ma jħallsux rati ta' dawl u ilma b'rati kummerċjali iżda b'rati domestiċi bħalma jagħmlu qassisin djoċesani, ie kif jidher fil-korrispondenza li qed tintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fiċ-ċirkostanzi partikulari ta' dan il-każ, ser jittieħdu passi biex il-kont imsemmi jibda jinħadem bir-rati applikabli għal organiżżazzjonijiet filantropiċi.
Leg 10 PQ #21614 Sitting 445 2006-10-30 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Universitarji Għawdxin

Question

Peress li hemm każi ġenwieni ta' studenti universitarji Għawdxin li għaliex għamlu s-sekondarja f'Malta mhumiex qed jingħataw l-allowance speċjali ta' l-istudenti Għawdxin, ma taħsibx il-Ministru li din hija miżura diskriminatorja? Qed nirriferi partikolarment għal każi simili għal każ Nru GO281 li ġie investigat mill-ombudsman.

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lil-Onorevoli Nterpellant għall-Press Release Numru 1418 bid-data tal-5 ta' Ottubru 2005.

Fleur-de-Lys junction

Question

Billi r-residenti ta' Triq il-Ħajjata u Triq il-Mastrudaxxa Sta. Venera ma jistgħux jidħlu d-dar waqt il-ħin ta' l-iskola billi Fleur-de-Lys junction tkun magħluqa u billi ma tteħditx azzjoni mill-Kunsill Lokali ta' Sta. Venera, jista' isir xi ħaġa biex dawn ir-residenti jkunu jistgħu jidħlu d-dar anke billi Triq il-Bir issir one way bil-kontra li qegħda issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' Santa Venera rigward il-proposta ta' one ways kif deskritta f'din il-mistoqsija parlamentari. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku jidher li l-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant tista' tkun alternattiva sabiex tkun indirizzata din il-problema. It-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ser jikkuntattja lill-Kunsill Lokali ta' Santa Venera għal kummenti rigward tali proposta.

Prezzijiet tal-mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-każ ta' ftehim mad-distributuri tal-mediċini biex dawn l-istess mediċini jonqsu fil-prezz, li huwa pass tajjeb, jekk l-ispiżeriji humiex se jieħdu refund fuq il-prezzijiet tal-mediċini li jkollhom in stock?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-roħs fil-prezzijiet tal-mediċina li ġie mħabbar dan l-aħħar, sar direttament mad-distributuri tal-mediċini, u mhux direttament ma' l-ispiżjara.