Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — Ħsara fi Triq il-Ven. Nazju Falzon

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-kummissarju ta' l-artijiet m'huwiex qed jikkopera ma' l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika ħalli tissewwa ħsara fid-drenaġġ fi Triq il-Ven. Nazju Falzon, f'Birkirkara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-6 ta' Frar 2007, id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' talab lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar sabiex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Fit-23 ta' Marzu 2007 id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' rega' fakkar lid-Dipartiment ikkonċernat sabiex jagħmel ix-xogħlijiet.

Sptar l-ġdid — Ħajt tas-sejjieħ mwaqqa'

Question

Jista' l-Prim Ministra jara għalfejn twaqqa' ħajt tas-sejjieħ f'proprjeta' privata, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Skanska fl-Isptar l-ġdid u jista' jara li dan jerġa' jinbena kif kien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi madwar seba’ metri ta’ ħajt tas-sejjieħ fil-lok imsemmi aċċidentalment twaqqa’ meta kien qed isir xogħol ta’ landscaping minn Skanska fl-iSptar Mater Dei. Din il-parti li twaqqgħet ser terġa’ tinbena kif kienet.

Birkirkara — Fleur-de-Lys Road

Question

Jista' l-Ministru jara tistax tiġi rranġata Fleur-de-Lys Road, Birkirkara għaliex fiha ħafna toqob u dislivelli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjien ser isir xogħol ta' manutenzjoni fit-triq li qed jirreferi għalija l-Onorevoli Interpellant.

Lija/Attard — Triq Sant'Antnin

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn t-tħaffir ta' gandott fit-Triq Sant'Antnin Lija/Attard qed iddum biex jiġi finalizzat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed isir fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed isir mill-Waste Water Department tal-WSC. Huwa mistenni li dan ix-xogħol ser jiġi finalizzat fil-ġimgħat li ġejjin.

Shared ownership scheme

Question

Tista' l-Ministru tara jekk is-shared ownership scheme tistax tiġi estiża minn first-time buyers għal xerrejja oħra speċjalment dawk li jkollhom ċertu żmien fl-eta'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ħarġa taħt l-iskema tax-Shared Ownership kienet miftuha għal applikanti li, bejn id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż u d-data tan-notifika ta’ l-allokazzjoni tal-fond, ma kellhomx proprjeta’ adekwata. Il-kategoriji ta’ persuni li setgħu japplikaw kienu: Kategorija A Miżżewġin li għalqu l-eta’ ta’ 20 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġenitur wieħed ’l fuq minn 20 sena bit-tfal mhux miżżewġa. Kategorija B Għarajjes li t-tnejn ikunu għalqu l-20 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006. Kategorija Ċ Ġuvintur jew xebbiet, persuni separati u romol bla tfal li jkunu għalqu t-30 sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġuvintur jew xebbiet li jkunu għexu xi żmien f’istituzzjoni jew dar tat-tfal u li jkunu għalqu 18-il sena sal-31 ta’ Diċembru 2006; Ġuvintur jew xebbiet u persuni separati li jkollhom xi diżabilita’ u jkunu għalqu 18-il sena sal-31 ta’ Diċembru 2006. Kategorija Ċ 1 Persuni separati legalment jew de facto li ma jkollhomx il-kustodja tat-tfal iżda t-tfal jgħaddu xi ġranet fil-ġimgħa jgħixu magħhom.

Santa Venera — Culverts

Question

Jista' l-Ministra jara jistgħux isiru culverts għax-xita fi Triq il-Brunżar, Santa Venera għaliex il-kunsill lokali ma jridx jagħmilhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq is-sit biex jiġi determinat il-possibilita’ li jsiru culverts tax-xita f’din it-triq li l-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill Lokali.

Pulizija — Liċenzji ta' kaxxi tal-logħob

Question

Jista' pulizija jitlob sid ta' ħanut jipprovdi liċenzji tal-kaxxi tal-logħob tas-sena li tkun skorriet meta l-liċenzja tas-sena kurrenti tkun imħallsa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jista' jkun hemm diversi raġunijiet għal x'hiex il-Pulizija titlob id-dokumenti kif imsemmija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob parir legali fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ.

Unjoni Ewropea

Question

X'inhu l-persentaġġ tal-fondi ġejjin kull sena mill-Unjoni Ewropea komparat mal-GNP p.a. Malti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persentaġġ tal-fondi mill-Unjoni Ewropea komparat mal-GNP għas-sena 2005 huwa ta’ 2.46. Ninforma wkoll mill-Onorevoli Interpellant li l-figuri tal-GNP għas-sena 2006 ser jiġu ppublikati f’Marzu ta’ din is-sena.

SVPR — Sala "Loreto"

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn ċertu kmamar fis-sala "Loreto" fl-SVPR għadhom mingħajr sinkijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Sala Loreto hemm sink wieħed nieqes u dan huwa nieqes għaliex dak li kien hemm tkisser. Dan is-sink dam biex jiġi mibdul minħabba li huwa sink li jitqiegħed ġo Vanity Unit u kellu jinstab wieħed li jiffitja fil-Vanity Unit partikulari.

Birkirkara — Triq Giuseppe Xuereb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Giuseppe Xuereb, Birkirkara hijiex imdaħħla fil-lista tat-toroq li għandhom isiru bit-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali li ħa jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport sas-sena 2008. Ix-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn dan il-program.

Santa Venera — Culverts

Question

Jista' l-Ministra jara jistgħux isiru culverts għax-xita fi Triq il-Brunżar, Santa Venera għaliex il-kunsill lokali ma jridx jagħmilhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Santa Venera — Għassa tal-pulizija

Question

Għaliex l-għassa ta' Santa Venera qegħda tkun magħluqa ħafna ħinijiet? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli, kemm jista' jkun fuq bażi regolari. Madankollu, jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.

Birkirkara — Triq Giuseppe Xuereb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Giuseppe Xuereb, Birkirkara hijiex imdaħħla fil-lista tat-toroq li għandhom isiru bit-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Santa Venera — Scouts group

Question

Billi l-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera baqagħlu biss ħames snin biex jagħlaqlu l-kuntratt mad-dipartiment ta' l-artijiet, jista' jiġġedded għall-perjodu ħafna itwal minn 16-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera qiegħda tiġi kkunsidrata.

MIA

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22953, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx xi ċans illi l-ajruport internazzjonali ta' Malta jingħata xi isem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa ma kien hawn l-ebda suġġeriment jew proposta biex f'Malta tintuża d-drawwa li hemm f'xi pajjiżi oħra li ajruport jissema wkoll għall xi persuna llustri bħal Rome Fiumicino jew Leonardo da Vinci.
Leg 10 PQ #22895 Sitting 481 2007-01-15 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għal Għawdex

Studenti universitarji Għawdxin — Gratuity

Question

Peress li l-Ministru għal Għawdex tifhem sewwa l-bżonnijiet ta' l-Għawdxin u peress li b'riżultat tal-Press Release nru. 1418 bid-data tal-5 ta' Ottubru 2005 qiegħed ikun hemm każi fejn studenti universitarji Għawdxin mhumiex intitolati għal gratuity minħabba li attendew l-iskola sekondarja f'Malta, tista' il-Ministru tgħid jekk din l-anomalija tistax tiġi rranġata b'tali mod li dawn l-istudenti jingħataw il-gratuity li tistħoqqilhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Kif qal l-Onorevoli Nterpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex jifhem sew u japprezza d-diffikultajiet miżjuda li jaffaċċjaw studenti Għawdxin li jistudjaw Malta. Għaldaqstant il-Ministeru joffri għajnuna addizzjonali lill-istudenti Għawdxin, minbarra l-benefiċċji oħra li jingħataw ukoll lill-istudenti Maltin. Minħabba l-ispejjeż addizzjonali li għandhom l-istudenti Għawdxin sabiex ikomplu l-istudji tagħhom f’Malta f’Ottubru 2006 il-Gvern approva żieda sostanzjali f’dan is-sussidju. Għalhekk kien approvat li studenti Għawdxin li qegħdin isegwu kors f’istituzzjoni tal-Gvern f’Malta fuq bażi full-time jingħataw żieda fis-sussidju ta’ Lm 35 fix-xahar basta jkunu għamlu l-edukazzjoni sekondarja jew post-sekondarja f’Għawdex. Din il-miżura ttieħdet sabiex tnaqqas l-abbużi li kienu qegħdin jiġu mwettqa minn persuni li għandhom l-indirizz tal-karta ta’ l-identita’ fuq Għawdex filwaqt li huma jgħixu fil-maġġoranza fil-gżira ta’ Malta, u li in segwitu kienu abbussivament qegħdin jipprovaw jibbenefikaw minn benefiċċji mogħtija lill-Għawdxin. Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Nterpellant, l-indirizz ta’ residenza f’Għawdex fuq il-karta ta’ l-identita’ mhux dejjem tirrifletti l-fatti, cjoe’ li l-persuna konċernata tkun qiegħda tgħix fil-gżira ta’ Għawdex. Għaldaqstant kellha tinqata’ linja sabiex jiġu evitati l-abbużi. Peress li huwa ferm diffiċli li wieħed jistabbilixxi mill-karta ta’ l-identita’ li student huwa verament residenti fil-gżira ta’ Għawdex, l-Ministeru għal Għawdex kellu joħloq tali kriterju li permezz tiegħu jkun jista’ jistabilixxi li student huwa verament residenti f’Għawdex u għalhekk qiegħed verament jaqsam bejn il-gżejjer regolarmant.

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn dawk l-istudenti fl-MCAST li għażlu kors tad-diploma u ġew mis-Sixth Form jew għandhom l-'A' levels mhumiex qegħdin jingħataw l-istipendju tal-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija dwar is-suġġett imqanqal fil-Mistoqsija.