Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4062 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Xogħol fuq il-Bażilika - Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti risposta u jgħid jekk il-ħaddiema tad-dipartiment li qed jagħmlu xogħol ta' restawr fuq il-faċċat tal-Bażilika f'Birkirkara humiex jingħataw danger money u jekk le, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi din mhix materja tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #3698 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Teknoloġija Dentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex beħsiebha tibda l-kors dwar it-teknoloġija dentali fuq livell ta' diploma f'Ottubru ta' din is-sena peress li, għalkemm ir-rakkmandazzjoni sabiex jibda dan il-kors ilha li saret ħames snin, sal-lum għadu ma bediex minkejja l-fatt li ilhom isiru l-korsijiet tal-paramediċi tul dawn l-aħħar snin u wħud minnhom saħansitra qegħdin isiru llum fuq livell ta' degree u anke fuq livell ta' masters?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-diskussjonijiet fuq it-twaqqif ta' dan il-kors ilhom għaddejjin mill-1997. Id-Dekan tal-Fakulta' tad-Dentistrija indika li l-kors ikun jista' jibda hekk kif jinstabu riżorsi neċessarji kemm dawk ta' laboratorju kif ukoll dawk umani. F'dan ir-rigward qed ikomplu diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Saħħa bl-iskop li tinstab soluzzjoni.
Leg 9 PQ #3760 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Segretarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jekk jogħoġbu jindika meta kienet l-aħħar sena li ħarġu l-applikazzjonijiet għal kors li jħarreġ persuni għal post ta' segretarju mal-Kunsilli Lokali? Jista' jindika wkoll meta hemm il-ħsieb li jerġgħu joħorġu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-aħħar kors mħejji mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex iħarreġ persuni għall-post ta` Segretarju mal-Kunsilli Lokali sar mill-31 ta' Mejju 1996 sal-14 ta' Ġunju 1996. Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bi ħsiebu jorganizza kors ieħor simili f'Mejju ta' din is-sena.

B'Kara — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb mill-gvern li l-private roads bl-isem ta' Santa Rita u F. Geveste f'Birkirkara jingħataw il-kisi ta' tarmac meħtieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fi Triq Santa Rita għadu ma jistax isir għax il-`mains` ta` l-ilma għadhom temporanji fil-waqt li Triq Geveste għad jonqos żvilupp xi jsir qabel tkun tista` tiġi asfaltata.
Leg 9 PQ #2745 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Propjeta' b'Ref. No. 253/97

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2201, tas-Seduta Nru. 22 tas-7 ta' Diċembru, 1998, jista' l-Ministru jindaga l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gudja fuq il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, meta kien ikkonsultat dwar l-applikazzjoni PA 4417/96 dwar it-twessigħ tat-triq in kwestjoni, il-Kunsill Lokali tal-Gudja (fid-9 ta' Settembru, 1997), kien esprima opinjoni li t-triq titwessa' u d-dar nru. 12 fl-istess triq titwaqqa'. Meta l-Awtorita' skedat id-dar in kwestjoni, wara li l-Heritage Advisory Committee kien spezzjona d-dar minn ġewwa, il-Kunsill ma esprima ebda opinjoni. Ta' min jgħid ukoll li qabel ma ġiet skedata, din id-dar kienet awtomatikament protetta bil-liġi ta' l-antikitajiet, li għadha in vigore. 17.12.98 (6pm)

Birkirkara — Fleur de-lys - Pelican light

Question

Jista' l-Ministru jindaga biex jara jekk tistax issir pelican light quddiem il-knisja tal-Karmnu (Parroċċa) fi Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` L-Onor. Interpellant għall- konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku.
Leg 9 PQ #2201 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Proprjeta' b'Ref. No. 253/97

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li fil-Gudja hemm post li ġie ddikjarat bħala proprjeta' skedata b'Ref. No. 253/97 u bħala konsegwenza Triq San Mark li kienet twessgħet fi żmien Gvern Nazzjonalista reġgħet djieqet fl-Amministrazzjoni Laburista bir-riżultat li issa t-triq hija idjaq minn żewġ metri? Il-Ministru huwa konxju li r-residenti oġġezzjonaw għal aktar minn darba għal dan l-iskedar bla bażi, anke qabel ma ġiet sketata permanentement,iżda ma kellhomx il-mezzi biex jagħmlu appell bl-ispiża ta' Lm80? Jikkonsidra l-Ministru li l-provvediment li biex wieħed jappella minn deċiżjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fejn wieħed irid iħallas is-somma ta' Lm80 jmurx kontra id-drittijiet tal-bnedmin u li qed ikun hemm ċirkostanzi fejn minħabba din ir-restrizzjoni il-ġustizzja qed tiġi mxekkla? Jikkonsidrax ukoll il-Ministru jekk, fejn kien hemm każi li ma ġewx appellati minħabba dan il-provvediment, għandhomx jiġu kkonsidrati mill-ġdid?

Response (BORG, TONIO)

Din il-parti tat-Triq baqgħet fl-istat oriġinali tagħha u hija triq karatteristika bħal toroq oħra fir-raħal tal-Gudja. Din it-triq hija iżjed wiesgħa minn żewġ metri u fil-fatt tintuża mit-traffiku bħala one way. Skond l-informazzjoni li għandha l-Awtorita`, l-unika oġġezzjoni għal dan l-iskedar (li ġie meqjus bħala rikonsiderazzjoni) sar minn terza persuna li toqgħod f`din il-parti tat-triq. L-iskedar ta` din il-proprjeta` mhux bla bażi u fil-fatt kull skedar isir fuq il-Policy Guidelines u l-livelli ta` protezzjoni indikati fil-Pjan ta` Struttura. Din l-istruttura ġiet skedata bħala Grad 2 minħabba dan li ġej: (i) minħabba l-karatteristiċi ta` l-arkitettura vernakulari (ii) minħabba li tagħmel parti mill-qalba tar-raħal Fuq it-tieni punt ta` min jgħid illi hija karatteristika tar-raħal Malti li jkollok toroq b`dawn il-karatteristiċi li bla dubju jagħtu d-dimensjoni storika ta` l-ispazju u tessitura urbana. Minħabba dawn il-kwalitajiet, it-talbiet ta` din it-terza persuna twieżnu u nstabu li huma bla bażi. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar, minkejja l-provvedimenti tal-liġi, ikkunsidrat l-oġġezzjoni tat-terza persuna bħala rikonsiderazzjoni mingħajr ebda ħlas. Izda ta` min jgħid li t-terza persuna ma` tista` bl-ebda mod toġġezzjoni għall-iskedar u terza persuna tista` biss tappella skond Att Nru I ta` l-1992. Is-sistema u proċedura preżenti tipprevedi li jkun hemm żewġ possibbilitajiet sabiex wieħed joġġezzjoni għall-iskedar (a) b`rikonsiderazzjoni (bla ħlas) u (b) b`appell għad-deċiżjoni tal-Bord ta` l-Ippjanar (tmenin lira). Il-ħlas ta` appell huwa stabbilit bil-liġi u hija proċedura tal-Qrati. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar dejjem tikkunsidra kull talba minħabba li l-konsultazzjoni hija fundamentali fil-proċess ta` l-Ippjanar. Kemm-il darba li l-Awtorita` ma taqbilx ma talbiet proposti ma jfissirx li qed tinjora dawn it-talbiet. 07.12.98
Leg 9 PQ #1751 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mandat fuq bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlet mandat fuq bejgħ ta' proprjeta' għax kien hemm xi bini fuq il-proprjeta' mhux skond il-permess minn mindu twaqqfet l-istess awtorita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li nħarġu 22 mandat tat-tip imsemmi fid-domanda. 30.11.98
Leg 9 PQ #1810 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Akkwadot ta' Wignacourt — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara tistax issir xi ħaġa fuq l-istat ħażin ħafna ta' l-akkwadot ta' Wignacourt, partikolarment quddiem il-fabbrika tad-Devon Biscuits fejn huwa fi stat iminenti ta' kollass?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li jkun aħjar li l-mistoqsija tiġi riferita lill-Ministru għall-Ambjent, tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet biex isegwi l-kwestjoni ma' l-awtoritajiet konċernati.
Leg 9 PQ #1886 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Cardiac defibrillators

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni jekk hemmx cardiac defibrillators disponibbli biex joħorġu ma' l-ambulanzi u jekk le, jistgħu jiġu pprovduti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ambulanzi normalment ma joħorġux bil-cardiac defibrillators magħhom sakemm l-informazzjoni dwar il-każ li għalih tkun ħarġet l-ambulanza, ma tirrekjedix li dan isir. Hemm pjanijiet proġettati biex in-numru ta' erba' defibrillators li hemm fl-E.& A. Department jiżdied.