Jista' l-Ministru jindaga għaliex Skanska għadha ma ħaditx passi biex twaqqaf l-overflow tad-drenaġġ li qed imur fl-irżieżet viċini u jikkontaminawlhom l-ilma?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jitlob il-pulizija tiċċekkja abbużi minn jet skis fil-bajja ta' l-Armier u bajjiet oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tieħi passi meħtieġa kontra abbużi kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, ninsab infurmat ukoll illi bejn l-1 ta` Ġunju u l-15 ta` Lulju ta` din is-sena, il-Pulizija qabdet 68 persuna li b`xi mod kienu qed jiksru xi regolament dwar l-użu ta` opri tal-baħar.
Jista' l-Ministru jiċċekkja tistax tiġi rranġata t-triq (main) li minn ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija tagħti għal ħdejn ir-roundabout ta' l-Iklin għaliex hija żlivellata ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-Dipartiment tat-Toroq jara x'jista' jsir dwar din it-triq.
Jista' l-Ministru jiċċekkja każ ta' ħruġ ta' drenaġġ mill-kmamar temporanji fl-isptar il-ġdid li qiegħed inixxi fil-ġibjun tax-xorb tar-razzett li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-kuntrattur Skanska Malta JV, li huma responsabbli mis-servizzi ta` l-ilma, dawl u drenaġġ fuq il-proġett ta` l-isptar il-ġdid, qed jinvestiga dan l-ilment u ntalab jieħu il-passi neċessarji skond il-każ.
Jista' l-Ministru jindika meta Triq il-Fniek f'B'Kara sejra tiġi irranġata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara il-ħtiġijiet li hemm f'din it-triq biex flimkien mal-Kunsill Lokali wieħed ikun jista' jara jekk ix-xogħolijiet għandhomx isiru bħalissa flimkien max-xogħol l-ieħor fi Triq Salvu Psaila.
Jista' l-Ministru jindika jekk it-terminal benefits (sena 2001) mit-tarzna humiex taxxabbli jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fi kwalunkwe każ ta' terminal payments wieħed irid jagħmel riferenza għad-dokument, ftehim eċċ, li a bażi tiegħu jkun qed jingħata t-terminal payment. B'mod ġenerali jingħad li fejn il-pagament ikun fin-natura ta' redundancy payment jew retirement gratuity allura wieħed jista' jgħid li pagament simili ma jkunx taxxabbli f'idejn min jirċevih.
Nixiteq ngħid li ma nbidel xejn f'dan ir-rigward għas-sena 2001 u għalhekk terminal benefits mit-Tarzna, jekk huma ta' dan it-tip, mhumiex taxxabbli għas-sena 2001.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-iskrizzjoni li kien hemm ħdejn is-salib ta' "Rajt ma Rajtx" bejn B'Kara u San Ġwann?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-iskrizzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ġiet maqlugħa minn postha u merfugħa b'ordni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Dan sar biex din l-iskrizzjoni ma ssirilhiex ħsara waqt il-bini ta` toroq li jwasslu għall-Isptar il-Ġdid.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-iskrizzjoni li kien hemm ħdejn is-salib ta' "Rajt ma Rajtx" bejn B'Kara u San Ġwann?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fil-lokalita' qed isir mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi u għalhekk l-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 25628, jista' l-Ministru jerġa' jikkonsidra t-tweġiba mogħtija għaliex jiena staqsejtek fuq il-culverts?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiddiskuti s-sitwazzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant mal-Kunsill Lokali u b'hekk ikun deċiż x'inhu l-aħħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jindaga jistax isiru culverts fit-toroq indikati għaliex partikolarment f'Old Church Street, B'kara, ir-residenti qed jegħrqu meta tagħmel ix-xita? Id-dokumenti relattivi qed jintbagħtu separatament.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant għad hemm ħafna żvilupp xi jsir fiha, u għalhekk għal issa t-triq ma tistax tiġi asfaltata.
Jista' l-Ministru jindia jekk meta l-uffiċjali tad-dwana jkunu fuq xogħol u issirilhom ħsara fuq il-propjeta tagħhom, humiex inxurjati għal dan u jekk il-ħsara titħallasx minn buthom jew mid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ufficjali tad-Dwana mhumiex inxurjati meta jkunu fuq ix-xogħol.
Dwar ħsara li tista' ssir fuq propjeta tagħhom meta jkunu fuq xogħol, tajjeb li l-Onor. Membru jiċċara xi ftit x'irid ifisser.
Jista' l-Ministru jindaga tistax issir xi forma ta' traffic calming viċin il-banka tal-lottu fi Triq Dun Karm, B'Kara biex jiskoraggixxi il-hold-ups li jistgħu jsiru fuqha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt id-Dipartiment tat-Toroq jinvestiga t-talba ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jindika jekk l-istess għajnuna finanzjarja li qed tingħata lill-Belt (football team) għat-turfing tal-ground tal-football hix tingħata wkoll lill-Birkirkara FC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna li qegħda tingħata lill-Valletta F.C. hi skond il-ftehim li kien sar fl-1996 meta kien inħass il-bżonn ta' investiment għal faċilta` sportiva fil-Belt Valletta minħabba n-nuqqas ta' faċilitajiet f'din il-lokalita`.
Ix-xogħol li qiegħed isisr bħalissa huwa mmirat sabiex ikun konkluż il-proġett marbut ma' din l-għajnuna. Il-Club tal-Football ta' B'Kara irċieva għajnuna diretta għall-manutenzjoni tal-pitch tal-Football mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport fis-sena 2000.
L-istess Club irċieva għotja ta' floodlights, arbli u cable tad-dawl mill-Korporazzjoni Enemalta biex jitwaħħlu fil-5-a-side football pitch li kien inawgurat fis-sena 2000. Ma sareb ebda talba oħra għal għajnuna minn B'Kara F.C.
Il-Budget kapitali għall-isports fit-tlett snin li ġejjin huwa kommess għall-bini ta' kumplessi sportivi nazzjonali kif imwiegħed fil-programm elettorali u għal upgrading tal-faċilitajiet li ser jintużaw għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Jista' l-Ministru jindika x'inhuma r-regolamenti biex jirregolaw klieb perikolużi bħall-bull terriers u jekk dawn jistgħux jiġu applikati aħjar jew issikkati iżjed?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21829, ninsab infurmat illi l-leġislazzjoni li b`xi mod jikkonċernaw lit-tip ta` kelb li saret referenza għalih fil-Mistoqsija, huma l-Att dwar il-Klieb; Regolamenti ta` l-1998 dwar l-Importazzjoni ta` Klieb u Qtates u r-Regolamenti ta` l-2000 dwar il-Kontroll tal-Klieb.
Jista' l-Ministru jinvestiga każi ta' allegat abbuż ta' poter minn ċertu uffiċjali tad-dwana fil-port tal-Belt fid-direzzjoni ta' passiġġieri Għarab fejn hu allegat li abbużivament qed jittieħdulhom affarijiet personali, ħwejjeġ, b'konfiska qabel joħorġu mill-pajjiż?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-investigazzjoni li saret ma rriżultax li kien hemm xi abbuż ta' poter minn uffiċjali tad-Dwana kif allegat minnu. Fil-fatt id-Dwana tidħol mill-inqas jew xejn fis-sala tat-tluq sew bil-baħar kif ukoll bl-ajru.
Jekk l-Onorevoli interpellant għandu x'informazzjoni nitolbu jgħaddihieli, anki kunfidenzjalment, ħalli nkun nista' nindaga iżjed.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' kemm hu stmat li jħallu flus għall-ekonomija Maltija, l-vapuri tal-gwerra mall-pajjiżi kollha li żaru Malta fis-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Għalkemm m'hemm l-ebda dubju li dawn iż-żjajjar iħallu ħafna flus f'Malta - kemm mill-ekwipaġġ meta l-membri jinżlu l-art biex jistrieħu kif ukoll mill-provvisti li jinxtraw - sa fejn jien infurmat ma teżistix l-istatistika neċessarja u għalhekk minhiex f'pożizzjoni li nagħmel stima tan-nefqa.
Jista' l-Ministru jindika jekk flok l-iscoliosis clinic ta' Mrs Camilleri (li issa għalqet) li kienet issussidjata mill-gvern, hemmx xi klinika oħra li qed tieħu ħsieb din il-problema u li għaliha jistgħu jiġu riferuti l-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-programm ta' Scoliosis Screening fl-iskejjel huwa mifrux fuq diversi oqsma. L-School Health Service jieħu ħsieb ta' każi ta' Scoliosis fl-iskejjel bħala parti mill-programm ta' sorveljanza tas-Saħħa tat-tfal fl-iskejjel. Il-P.E. teachers ukoll huma mħarrġa biex jindunaw bi problemi tad-dahar fit-tfal.
Dawk it-tfal li jiġu identifikati b'xi problema ta' scoliosis jiġu riferuti fid-Dipartiment tal-Ortopedija l-isptar San Luqa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li jkollha l-pensjoni massima ta' 2/3 tan-National Insurance, tistax tieħu wkoll magħha il-pensjoni privata li tkun ħalset għaliha, hu x'inhu l-ammont?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex nirrispondi d-domanda ta' l-Onor. Interpellant tajjeb li jiġi ċċarat li fil-kalkolu tar-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali tiġi kunsidrata biss 'pensjoni tas-servizz' skond kif definita fl-Att dwar is Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Din id-definizzjoni fi ftit kliem tistabilixxi li pensjoni (barra minn pensjoni tas-sigurta' soċjali) titqies bħala 'pensjoni tas-servizz' għall-finijiet ta' l-istess Liġi kemm il-darba din tingħata jew tiġi akkwiżita bħala rikompens għal servizz mogħti lil xi mgħallem (employer) li kellu l-persuna assigurata.
Għaldaqstant, jekk il-'pensjoni privata' l-persuna tikkwalifika għaliha wara li l-employer ikun ħallas il-premium bħala rikonoxximent għas-servizz li l-impjegat ikun radd lejn l-intrapriża, din titqies bħala pensjoni tas-servizz u trid tiġi kunsidrata skond il-kriterji stabbilit fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali biex tiġi stabbilita r-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali dovuta.
Iżda jekk il-'pensjoni privata' li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġejja minn xi skema privata li ħallset għaliha kompletament il-persuna u m'għandiex rbit mas-servizz li tkun tat lil xi employer, din ma titqiesx għal finijiet ta' sigurta' soċjali.