Jista' il-Ministru jara tistax tinkesa u tinbena Triq Notabile (wara l-Akkwadott) f'Birkirkara li hija l-unika triq li tgħaqqad l-area ta' Fleur-de-Lys ma' dik tal-knisja l-qadima mingħajr ma toqgħod tgħaddi mill-wied u żżid il-konġestjoni tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mal-pajjiż kollu u x-xogħlijiet f'dan il-programm isiru skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw min żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jara li Wied is-Sewda, bejn Birkirkara, Balzan, Attard, Qormi u Ħaż-Żebbuġ, li hu l-uniku post li baqa' fl-area ċentrali ta' Malta li tista' ssejjaħlu 'naturali', jitnaddaf sew mill-ammont kbir ta' żibel li hemm għax il-post qed jiġi trattat qisu miżbla, u l-Gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex id-dumping jieqaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kanna ta' l-ilma mifqugħa fi Triq San Franġisk c/w triq Ċensu Galea San Ġwann li ilha tiġi rrapportata tlett xhur għadha ma ġietx irranġata?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru jiżgura li l-korrispondenza u l-avviżi tal-MEPA ikunu bil-Malti jew almenu bil-Malti u bl-Ingliż iżda mhux bl-Ingliż biss?
Response (BORG, TONIO)
Il-bżonn ta` korrespondenza bl-Ingliż u bil-Malti ilha tinħass, pero` sabiex dan jiġi implementat id-dokumenti kollha li minnhom jiġu estratti il-parti saljenti tal-korrespondenza, inkluż dawk sottomessi mill-applikanti, iridu wkoll ikunu bl-Ingliż u bil-Malti. Dan il-proċess mhux wieħed faċli jew li jista` jintlaħaq malajr iżda tlabt lill-Awtorita` biex tara kif dan jista` jseħħ fuq perijodu ta` żmien..
Billi Wied is-Sewda, bejn Birkirkara, Balzan, Attard, Qormi u Żebbuġ huwa l-uniku post li baqa' fl-arja ċentrali ta' Malta li tista' issejjaħlu "naturali", jista' il-Ministru jikkonsidra żewġ proposti? L-ewwel waħda li jiġi dikjarat zona rurali ta' konservazzjoni u jiġi ttrattat hekk billi jitnissel programm ta' infrastruttura u aċċess għall-pubbliku. It-tieni billi jitnaddaf sew mill-ammont kbir ta' żibel li hemm għax il-post qed jiġi ttrattat qisu miżbla u l-gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex id-dumping jieqaf.
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Wied is-Sewda diġa` huwa inkluż bħala Arja ta` Konservazzjoni Rurali u għalhekk mhux permess żvilupp ħlief għal dawk ix-xogħlijiet li għandhom x`jaqsmu mal-preservazzjoni tal-ħamrija u l-immaniġġjar ta` l-ilma. Partijiet minn Wied is-Sewda huma elenkati u protetti bħala Arji ta` Importanza Ekoloġika ta` Livell 4. Hemm ukoll siti arkeoloġiċi, fosthom oqbra Puniċi u ċisterna Rumana.
Rigward it-tindif minn skart, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-proposta lill-Ministru responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Jista' il-Ministru jiċċekkja jekk huwiex veru li hawn xi Taljani li qed jabbużaw jinżlu bil-karozzi jbigħu l-ħwejjeġ bil-wholesale lill-ħwienet? Dawn għandhom permessi jagħmlu hekk, jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-Sezzjoni għas-Servizzi tal-Kummerċ ma kellha ebda rapport dwar xi każ bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Meta s-Sezzjoni jaslilha rapport ta' din i-xorta, dan jiġi mgħoddi mill-ewwel lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tittieħed azzjoni immedjata.
Jista' il-Ministru jindika għalfejn ma teżistix level playingfield fil-qasam tar-recording studios b'tali mod li min m'għandux il-liċenzja jista' jikkompeti ma' min għandu, anke f'festivals nazzjonali Maltin?
Birkirkara — Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes
Question
Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lid-dipartiment tax-xogħlijiet biex jistħarreġ kif tista' tiġi rranġata r-rokna bejn Triq Bwieraq u Triq is-Salib Imqaddes ġo B'Kara minħabba li wara li twaqqgħet dar, għadha maqlugħa f'nofs ta' triq roqgħa mdaqqsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-twaqqiegħ li sar fi Triq Bwieraq kien pass preparatorju sabiex it-triq tkun tista' tinfetaħ u qed isiru l-istejjem biex ikun jista' jinbena ġibjun taħt l-art f'din il-wesgħa, biex wara tiġi asfaltata t-triq.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal is-set-up għall-eye bank? Jista' il-pubbliku jsir aktar konxju tal-possibilta' ta' donazzjonijiet billi d-dipartiment jagħmel kampanja pubblika fuq hekk?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għadhom għaddejjin il-konsultazzjonijiet interni dwar il-proposta. Id-donor card tad-Diviżjoni tas-Saħħa tkopri wkoll donazzjonijiet ta` l-għajnejn.
Pulizija — Birkirkara - Persuna tgħix ġewwa karrozza
Question
Jista' il-Ministru jara li bniedem li qiegħed joqgħod u jorqod fil-karozza tiegħu (Yugo) u li qiegħed iħammeġ u jarmi mal-bibien tar-residenti fi Triq il-Kollegiata, Birkirkara, jiġi ikkurat għaliex ilu hemm xi erba' xhur? Diġa` sar rapport lill-pulizija u jidher li hu pazjent mentali.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-18 ta` Settembru 2002, il-Pulizija kellha rapport li kien hemm raġel għarwien f`karozza fi Triq il-Kolleġġata, Birkirkara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn ir-rapport kien ikkonfermat. Irriżulta illi dan ir-raġel huwa magħruf li għandu problema tal-alkoħol u huwa wkoll bla dar. Minn aktar stħarriġ sar magħruf li din l-istess persuna kienet taħt kura psikjatrika. In vista ta` dan kollu, il-Pulizija, dak il-ħin stess, talbet assistenza medika u dan ir-raġel ġie rikoverat fl-isptar Monte Carmeli. Jirriżulta ukoll illi dan ir-raġel kien ġie rilaxxat xi ġranet wara. Kif jidher ċar, il-Pulizija ħadet l-azzjoni meħtieġa minn naħa tagħha, u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħarrafna x'sar mit-tender li kellu joħroġ biex isir ġibjun bejn Bwieraq Street u Holy Cross Street, B'Kara? Jista' jagħtina indikazzjoni x'hemm maħsub għall-area maqlugħa ta' fejn twaqqat il-kamra li kien hemm għaliex ir-residenti qegħdin jibżgħu mill-ħsara tax-xita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda pjani għal xi xogħol fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li fejn qed isiru x-xogħlijiet ta' Triq Psaila, B'Kara fil-venda, fejn hemm siġra mejta li din tinqala u jingħata t-tarmak minflokha ħalli jkun hemm aktar spazju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed f'kuntatt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex jiġi stabilit jekk is-siġra inkwistjoni hiex mejta, biex b'hekk jista jiġi deċiż x'għandu jsir.
Jista' il-Ministru jikkonsidra jirranġa parti mill-bypass B'Kara (Iklin) bejn it-traffic lights għaliex it-triq mhijiex tajba?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha programm ta' xogħol ta' manutenzjoni ta' toroq arterjali u distributorji, u x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.
Billi fil-pjazza Sant'Elena, B'Kara saru l-fanali artistiċi flok il-bozoz tal-Gvern, jistgħu dawn tal-aħħar issa jitneħħew mill-Enemalta għaliex huma koroh u m'humiex qed jixgħelu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir il-verifika relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jitħlu kuntistabbli ġodda minn fost ir-rekluti ili hemm? Kemm hu mistenni li jiżdiedu l-kuntistabbli mal-ALE sa biex tiġi msaħħa din it-taqsima dan fid-dawl tal-kummenti li għamel ic-chairman tal-awtorita’ Maltija għat-turiżmu fejn qal li hemm bżonn aktar enforżar tal-liġi f’dal-qasam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi it-72 rekluta li kienu qed jattendu l-kors ta` taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija, temmew b`suċċess dan il-kors, u huwa ppjanat illi dawn jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija nhar il-Ħamis 11 ta` Lulju 2002. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skond l-esiġenzi tal-Korp u n-neċċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jara li lmenti ta' residenti f'Row C Olaf Gollcher Street, Ta' Paris Birkirkara fuq ġuvintur li qed jaqbżu fil-btieħi tan-nies jiġu mistħarġa mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija kellha rapporti kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu dan l-ilment ser ikun mistħarreġ.
Jista' l-Ministru jara li van tal-ħut, li n-numru qed jintbagħat separatament li qiegħed ipparkjat ħażin u ilu ġo St. Helen Square c/w Sanctuary Street, għal ħafna ġimgħat, jitneħħa għaliex qiegħed jostakola it-triq?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment qed jiġi investigat.