Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — Arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-korporazzjoni Enemalta biex arblu antik imsaddad quddiem Rizzo Service station f'Birkirkara jitneħħa kif ukoll jitnaddfu wires elettriċi quddiem l-istess arblu li huma miksija ħaxix ħażin u wasslu biex jinqatgħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol meħtieġ biex jinbidlu arbli fl-Area msemmija għandu jibda dil-ġimgħa. Dan ix-xogħol mistenni li jieħu numru ta' ġimgħat mgħax hu pjuttost estensiv.

Enemalta — Birkirkara - Borg Street

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk il-korporazzjoni Enemalta tistax tagħmel upgrading tal-bozoz (mhux kollha) ta' Borg Street, Birkirkara għaliex hemm id-dlam f'ċertu partijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant l-isem sħiħ tat-triq biex tkun tista' issir l-investigazzjoni meħtieġa. Dan minħabba li hemm sebgħa toroq kollha b'kunjom 'Borġ' f'Birkirkara.

Skola Primarja — Birkirkara

Question

Jista' il-Ministru jara li xi ħadd jindaga l-istat tat-toilets fl-iskola Primarja B fi Triq Brared Birkirkara għaliex jinsabu fi stat ħażin?

Response (GALEA, LOUIS)

Huwa fatt li t-toilets fl-Iskola Primarja B fi Triq Brared Birkirkara huma antiki u jeħtieġ li jinbidlu. Dan hu wieħed mix-xogħolijiet li ġew identifikati lill-FTS biex isir.

Pulizija — Petizzjoni dwar sparar tal-bombi tal-festa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien sar wara petition li kienet ippreżentat il-ġurnalista Pamela Hansen, dwar l-isparar eċċessiv tal-bombi tal-festa?

Response (BORG, TONIO)

Il-Pulizija diġa' ħadet passi sabiex ma jingħalqux toroq arterjali importanti għal ħruq tan-nar. Il-Pulizija tieħu azzjoni fuq ilmenti li hi tirċievi minn żmien għal żmien.

Triq il-Wied Birkirkara

Question

Jista' il-Ministru jara li triq il-Wied bejn B'Kara u l-Msida li hija main road,titnaddaf regolarment minn weraq tas-siġar li ilhom hemm ħafna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant tiġi mnaddfa regolarment. Hemm ippjanat li ser terġa' titnaddaf matul ix-xahar ta' Awissu.

Ħal Lija — Tindif ta' culvert

Question

Jista' jitnaddaf il-culvert ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal Lija għaliex huwa mblokkat bil-ħaxix ħażin u debris ieħor?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa għandu programm ta' tindif tal-culverts fit-toroq arterjali. Il-culvert ta' Ħal Lija huwa ppjanat li jitnaddaf f'Awissu.

SVPR — Pensjoni li tittieħed lill-anzjani residenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-massimu tal-pensjoni li tittieħed lil dawk li qegħdin residenti fl-SVPR? Jista' ikun li pensjoni ta' Lm126 fix-xahar tittieħed kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Avviż Legali Nru. 259 tal-2004, ippublikat fl-4 ta' Mejju 2004, jispeċifika l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani li jirċievu servizz residenzjali finanzjati mill-Gvern. L-ammont ta' kontribuzzjoni massima jiddependi minn diversi fatturi, nkluż id-data meta wieħed beda jibbenefika minn dan is-servizz kif ukoll il-mezzi li jkollu dak li jkun. Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddili aktar dettalji dwar każ speċifiku, anki b'mod kunfidenzjali, inkun nista nivverifika liema parti ta' l-Avviż imsemmi japplika.

Birkirkara — Triq Santa Liena - bozza

Question

Jista' il-Ministru jara tistax tiġi kkonsidrata bozza tat-triq fuq il-banka tal-lottu fi Triq Santa Liena, Birkirkara minħabba li hemm id-dlam bil-lejl f'din l-area?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-responsabbilta' għal dan it-tidwil huwa tal-Kunsill Lokali. L-Enemalta diġa' tat l-approvazzjoni tagħha lill-Kunsill Lokali biex tkun tista' teħel il-bozza fil-post imsemmi.

Persuni li għandhom service station — Tyres qodma tal-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li għandha tintuża għal dawk li għandhom service station u jkollhom numru ta' tyres qodma tal-karozzi biex jintremew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tyres jiġu aċċettati fl-Impjant Għat-Trattament ta' l-Iskart ta' Sant' Antnin f' Marsascala. Min ikollu kwantitajiet ta' tyres huwa mitlub li javża lil WasteServ Malta Ltd billi iċempel fuq il-freephone 80072200 qabel ma jiddisponi minn dawn it-tyres fl-Impjant.

Birkirkara — Triq is-Salib Imqaddes - ġibjun

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra il-biċċa triq maqlugħa fi Triq is-Salib Imqaddes f'Birkirkara fejn hemm ġibjun u jara jistax jirranġaha għaliex qegħda kerha kif inhi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi din il-parti ta' triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet li jkollu quddiemu d-direttorat.

Persuni bi problema ta' droga — Kondotta

Question

Jista' wieħed jibda jaħseb li jikkonsidra li bniedem li rnexxielu jegħleb il-problema tad-droga wara ħafna snin b'kondotta tajba, tkun tista' titħassarlu ir-reat tad-droga minn fuq il-kondotta għaliex dan itellifhom milli jsibu impjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Ordinanza dwar iċ-ċertifikati tal-Kondotta (Kap. 77) tipprovdi dwar il-proċedura sabiex ma tiġix irreġistrata kundanna f'xi każijiet, inkluż tad-droga.

Awtorita' tad-djar — Każ dwar post battal

Question

Tista' il-Ministru tindaga għaliex post tal-housingisfel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa battal qed jitħalla miftuħ bil-konsegwenza li hemm ħafna ħmieġ, ġrieden u annimali oħra ġo fih? Il-post diġa ġie rappurtat lis-sanita'.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-post indikat qiegħed biex titneħħa l-ordni ta' rekwiżizzjoni minn fuqu peress li hu kamra waħda f'kerrejja u mhux tajjeb biex jinkera.

UE — GMO's

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għal pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti fuq il-GMO's fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni u kif wasal għaliha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kien imħabbar fil-media, Malta ivvutat kontra tip ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat [NK603 Maize] biex dan jitpoġġa fuq is-suq bħala ikel, kemm għan-nies kif ukoll għall-annimali. Din l-applikazzjoni intbgħatet lill-Pajjiżi Msieħba kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, biex dawn ikunu jistgħu jgħatu il-opinjoni tagħhom. Il-Ministeru wasal għal din il-pożizzjoni ta’ Malta, wara li din l-applikazzjoni ġiet studjata fid-dettal mill-Biosafety Coordinating Committee (Kumitat Koordinattiv tal-Biosigurta’). Dan huwa Kumitat fi ħdan l-Awtorita ta’ l-Ambjent u ta’ l-Ippjanar ta’ Malta, (MEPA), li huwa fformat minn numru ta’ rappreżentanti ta’ entitajiet kemm governattivi, bħal ngħidu aħna d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura, kif ukoll minn Awtoritajiet Statali oħra, bħal ngħidu aħna, Occupational Health and Safety Authority, kif ukoll minn konsulenta speċjalizzata f’ dan il-qasam tal-GMOs, li ukoll hija mgħejjuna minn kumitat xjentiku. Il-Kumitat Koordinattiv tal-Biosigurta’ ta l-parir tiegħu lill-MEPA, li wasslet dan il-parir lill-Ministru biex dan ikun jista’ jieħu din il-pożizzjoni. Din il-pożizzjoni ttieħdet minħabba li fl-applikazzjoni, sabiex dan il-prodott jitpoġġa fis-suq, ma kienx hemm pjanijiet ta’ monitoraġġi adekwati wara li dan jinħareġ fis-suq. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni ma kelliex arranġamenti adekwati dwar tikketti li permezz tagħhom dan il-prodott seta’ jiġi misjub wara li jitpoġġa fuq is-suq. Il-Ministeru qabel ma dan il-parir għaliex jemmen li dan il-prodott seta’ kien ta’ ħsara, kemm għall-poplu Malti, kif ukoll għal dak ta’ l-Unjoni Ewropea, u għalhekk ingħaqad ma’ dawk il-pajjiżi l-oħra imsieħba fil-Komunita, bħal ngħidu aħna, l-Italja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Ungerija, fost oħran, li ħadu l-istess pożizzjoni.

Permessi tan-negozju

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5934 u cioe' jista' jgħid jekk persuna jkollu permess ta' ħanut fuq ismu u dan jgħaddi boarded out b'invalidita', jistax iżomm il-permess tal-ħanut fuq ismu u jaħdem it-tifel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi billi r-regolamenti fil-liġi tal-Kummerċ ma jiddistingwux bejn l-istat ta' saħħa ta' l-applikant jew liċenzjat, din il-materja ta' saħħa ma titteħidx in kunsiderazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzja tal-kummerċ. Mill-banda l-oħra dan huwa bla preġudizzju għal xi kundizzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi tas-servizzi soċjali, għal min qed jirċievi xi benefiċċju soċjali dwar invalidita. Li wieħed ikollu liċenzja fuq ismu, mhux impedut li jimpjega sew lil ibnu sew persuna oħra biex tmexxi n-negozju. Jekk mill-banda l-oħra liċenzjat irid jittrasferixxi l-liċenzja fuq terza persuna (f'dan il-każ ibnu) il-persuna liċenzjata tkun meħtieġa tapplika fit-taqsima tal-kummerċ fuq il-formola apposta.

Sptar Mater Dei — provvista ta' ħobż

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5563 u cioe' jista' jgħid meta jiftaħ l-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq it-tender tal-provvista tal-ħobż se tkun miftuħa għall-kulħadd?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li f'dan l-istadju għadu kmieni li tingħata informazzjoni ta' kif ser issir il-provvista tal-ħobż, minħabba li hemm alternattivi varji dwar kif il-proċess ta' l-ikel se jkun.

Problema tad-droga abbużiva

Question

Taħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir pjan nazzjonali ta' azzjoni fuq il-problema tad-droga abbużiva, li jkun pjan pro-attiv mhux reattiv? Minħabba d-diversita' ta' l-istrutturi fil-qasam tal-kura tad-droga, taħseb li wasal iż-żmien li ssir xi forma ta' struttura ċentrali li tkun tikkoordina l-istrutturi l-oħra fil-ħidma tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent, il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż mid-Droga, Alkohol u Dipendenzi Oħra, fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali, hi nvoluta fi proġett ta' twinning ma' l-Unjoni Ewropea bl-iskop li titwaqqaf sistema li tiġbor informazzjoni fuq l-użu tad-droga f'Malta. L-imsemmija Kummissjoni ġiet fdata bil-ko-ordinazjzoni, fuq livell nazzjonali, għall-ġbir u l-verifika ta' l-informazzjoni. Din l-informazzjoni mistennija li sservi bħala bażi biex fuqha jkun jista' jsir rapport nazzjonali, sa l-aħħar ta' Ottubru 2004, dwar l-użu tad-droga f'Malta u jipprovdi materjal biex sussegwentement jitfasslu Drug Policy u pjan ta' azzjoni fuq data miġbura skond standards Ewropej.

Timber carriers tar-Russja

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5564 u 5836 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment rigward timber carriers tar-Russja fil-Malta Shipbuilding, jista' il-Ministru jgħid xi sforzi qiegħed jagħmel il-gvern biex dawn il-flejjes jinġabru?

Response (DALLI, JOHN)

Id-djun pendenti li Malta għandha tieħu mingħand il-Gvern tal-Federazzjoni Russa bħala "State continuer" ta' l-Unjoni Sovjetika, huma riżultat ta' skambi kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi taħt il-provvedimenti ta' numru ta' Protokoll kummerċjali. Għal diversi snin, il-Gvern Malti għamel ħafna sforzi biex jirkupra il-pagament ta' dawn id-djun skond il-ftehim gia' eżistenti u nista' ngħid illi fil-qafas bilaterali ta' negozjati strutturati, il-kuntatti ministerjali għadhom għaddejjin sabiex tinstab soluzzjoni aħħarija. Il-Gvern Malti qed jagħmel ħiltu kollha biex din is-soluzzjoni tinstab malajr ħalli l-intraprendituri Maltin jerġgħu jiggwadanjaw il-kunfidenza kummerċjali fis-suq Russu u jkunu jistgħu jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp ekonomiku ta' dan il-pajjiż.

Birkirkara — Triq ġdida fi Triq il-Qattus

Question

Billi n-naħa ta' fuq ta' Triq il-Qattus (parti ġdida) f'Birkirkara għadha kompletament maqlugħa u mħarbta, jista' il-Ministru jara li t-triq issir għax qegħda toħloq inkonvenjent għar-residenti u għan-nies li ġejjin minn naħa tal-bypass ta' l-isptar il-ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li għad hemm diversi toroq li ma jistax isir xogħol biex jiġu asfaltati minħabba li għad hemm ħafna żvilupp għaddej fil-lokalita'. Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport ġiet mitluba tikkonsidra l-possibilita' li din it-triq tiġi nkluża fil-programm tax-xogħol.