Issa li Franza ma rratifikatx il-Kostituzzjoni Ewropea, għadu bil-ħsieb il-gvern li jressaq ir-ratifika għall-istess Kostituzzjoni fil-Parlament Malti? X'jaħseb li għandha tkun ir-reazzjoni tal-kunsill tal-ministri għal dan l-avveniment u fejn se tmur l-Unjoni Ewropea minn hawn?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Gvern Malti ser ikompli bil-pjanijiet tiegħu sabiex il-Kostituzzjoni Ewropea tiġi ratifikata mill-Parlament Malti. Filwaqt li jaqbel li l-proċess ta' ratifika għandu jkompli fil-pajjiżi membri, il-Gvern Malti jemmen ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha fl-istess ħin tanaliżża x'wassal għar-riżultat negattiv fi Franza u fl-Olanda, bil-għan li l-Unjoni tkun tista' tindirizza il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jindaga jekk rotta 59 tistax titbiddel u tgħaddi minn Triq il-Pijunieri San Pawl il-Baħar, hija u ġejja lura mill-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-preżent, il-vetturi fuq din ir-rotta jidħlu mill-Qawra u joħorġu minn Triq il-Pijunieri, San Pawl il-Baħar. Jekk din ir-rotta tinbidel u l-vetturi jidħlu u joħorġu minn Triq il-Pijunieri, in-numru ta’ passiġġieri huwa mistenni li jonqos.
Bħalissa hemm ukoll talba mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl biex il-karozzi tal-linja jaqdu lill-lokali b’ mod aħjar billi l-vetturi ta’ fuq din ir-rotta jidħlu mill-Qawra u wara li jaslu il-venda, jerġgħu joħorġu mill-Qawra biex b’hekk jinqdew ukoll ir-residenti tal-Housing Estate.
L-Awtorità dwar it-Trasport bħalissa qegħda taħdem fuq dan il-binarju biex tkun tista isservi aħjar lill-komunita'.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12508 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'inhi l-proċeduera biex ħaddiema li jaħdmu fis-snajja' għal rashom ikunu jistgħu jieħdu xi biċċa art jew garage tal-gvern f'zona industrijali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ħaddiema li jaħdmu fis-snajja għal-rashom jistgħu japplikaw għand il-Malta Enterprise Support Unit fejn tiġi evalwata l-applikazzjoni u tiġi ċertifikata jekk tkunx eliġibli. Min ikun eliġibli irid japplika fuq formula biex issir evalwazzjoni tal-proġetti mill-Malta Enterprise.
Il-kriterji li jituzaw huma:
1. Il-vijabilita' tal-proġett
2. Impatt fuq l-ambjent
3. Numru ta' nies li ser jiġu impjegati
4. Valur mizjud
5. Innovazzjonijiet
6. Rilevanza għas-setturi ta' prijorita identifikati mill-Malta Enterprise
Ir-rakkomandazzjonijiet jiġu evalwati mill-bord ji jista' jirrakomanda jew ma jaċċettax applikazzjoni. L-applikazzjonijiet aċċettati jiġu mibgħuta lill-Malta Industrial Parks Ltd. għall-identifikazzjoni u allokazzjoni ta' post.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12478 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jindaga jekk tistax tiġi rranġata l-bankina madwar iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jindaga għalfejn il-ħaddiema ta' Casma Limited qed jiddaħħlu shift work bil-lejl f'daqqa waħda? Hemm xi ċans li dawn il-ħaddiema jingħataw xi early retirement scheme biex jirtiraw kmieni?
Response (GATT, AUSTIN)
Il Casma Ltd mhux kumpanija operażżjonali u ma ħemm ebda ħsieb li tiddaħħal 'early retirement scheme'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi partijiet tal-liġi Maltija li huma entrenched b'vot ta' 2/3 barra dawk tal-Kostituzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-Kostituzzjoni [Art 56(8)], kull liġi ordinarja dwar atti illegali jew ta' korruzzjoni in konnessjoni ma' elezzjonijiet ġenerali, kif ukoll kull liġi dwar indħil barrani fil-kontest ta' elezzjonijiet, ma tistax tinbidel ħlief b'maġġoranza ta' żewġ terzi tad-deputati. Dawn huma liġijiet li għalkemm ma ssibhomx fil-Kostituzzjoni u huma liġijiet ordinarji, ma jistgħux jinbidlu ħlief b'maġġoranza ta' żewġ terzi tad-deputati.
Jista' il-Prim Ministru jindaga għaliex il-ħaddiema tad-dwana mhumiex qed jitħallsu extra tal-ħdud u l-festi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tad-Dwana qed jitħallsu extra tal-Ħdud kif kien isir qabel.
Għar-rigward tal-festi pubbliċi li jaqgħu s-Sibt nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm bżonn kjarifika bejn id-Dipartiment tad-Dwana u l-Management and Personnel Office, OPM.
Fil-fatt issa, b’ċirkulari Nru 20/2005 datata 12 ta’ Mejju, 2005 maħruġa mill-Management and Personnel Office, ġie deċiż li b’effett mill-1 ta’ Jannar, 2005, ħaddiema li jkunu xogħol is-Sibt jew il-Ħadd meta tkun festa Nazzjonali jew festa pubblika, għandhom jitħallsu extra ta’ dik il-ġurnata.
Bniedem li għandu għalqa maħduma u jaqagħlu l-ħajt tas-sejjieħ, għandu xi għajnuna finanzjarja biex dan jirranġaha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kien hemm għajnuna qabel is-sħubija ta' Malta ma’ l-Unjoni Ewropea fuq restawr ta' ħitan tas-sejjieħ. Mis-sena li għaddiet fetħet skema li tgħin applikanti li għandhom ħsara fil-ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ. Din l-iskema hija parti minn misura agro-ambjentali li tagħti għajnuna li tikkonsisti fi ħlas ta' 20 Ewro għal kull metru kwadru ta' ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ (jiġifieri l-parti ta’taħt il-ħamrija ‘l isfel), basta li l-applikant ikollu minimu ta' għaxar metri kwadri ta' ħsarat u josserva l-obbligi kkonċernati.
Billi kienu ħarġu xi tenders għal xi kmamar għall-xiri ta' caravans ta' l-Għadira u ma tefagħhom ħadd, hemm il-ħsieb li dawn jerġgħu joħorġu fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda offerti għal bejgħ ta' caravans jew kmamar fl-Għadira.
Permezz tal-Avviżi numri 56, 57 u 58 li dehru fuq il-Gazzetta tal-Gvern tal-24 ta' Marzu 2005, il-Caravan Sites C25, C26 u C27 fl-Għadira ġew offruti għall-kiri. L-offerti għalqu fl-14 ta' April 2005 u kien hemm offerti għal kull Caravan Site. L-offerti għadhom qegħdin jiġu aġġudikati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċeduera biex ħaddiema li jaħdmu fis-snajja' għal rashom ikunu jistgħu jieħdu xi biċċa art jew garage tal-gvern f'zona industrijali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmaat li l-allokazzjoni ta' art ġo żoni ndustrijali mhiex responsabilta' ta' dan il-Ministeru għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Investiment, Teknoloġija u Industrija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi asfaltata Triq Annibale Preca ġewwa Ħal-Lija, li hija fi stat ħażin ħafna u li mindu ġiet introdotta sistema tal-one way fl-inħawi saret traffikuża ħafna?
Hemm xi ħsieb li r-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Trasfigurazzjoni f'Ħal-Lija tiġi sostitwita b'sistema ta' traffic lights peress li din ir-roundabout aktar tikkrea konfużjoni fit-traffiku milli tgħin?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq Annibale Preca taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali Lija. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Dwar ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Trasfigurazzjoni f'Ħal Lija, din fil-fatt tinsab ġewwa Naxxar Road li hija triq arterja u taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Gvern Ċentrali. Għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant li għal din il-parti tal-mistoqsija jirreferi lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex veru li fl-iskejjel tal-gvern tfal bl-asthma mhumiex qed jitħallew jieħdu l-inhaler magħhom l-iskola? Hekk huwa veru, jista' jgħid jekk huwiex tajjeb li l-għalliema kollha jiġu mgħarrfa li attakk ta' l-asthma jikkostitwixxi emerġenza medika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn informazzjoni li nġabret mill-iskejjel jirriżulta li t-tfal u l-istudenti li jattendu l-iskejjel Primarji u Sekondarji f'Region 1 (Għawdex) jitħallew jieħdu magħhom l-inhaler fl-iskola.
Fil-każ ta' region 2 fl-iskejjel ta' Attard u San Ġwann 'B' hemm l-użanza li f'każ ta' bżonn imur il-ġenitur l-iskola filwaqt li f'San Ġwann 'A' f'każi estremi l-inhaler jinżammu fl-uffiċju tal-Kap ta' l-Iskola.
Fil-każ ta' Region 3 m'hemm ebda skola fejn l-istudenti ma jitħallewx jieħdu l-inhaler magħhom.
F'Region 4 fl-iskola ta' B'Buġia 'A', tfal jitħallew jieħdu l-inhalers jekk ikun hemm il-permess tal-ġenituri. Fi Fgura 'B', f'każ ta' bżonn imur il-ġenitur għal studenti żgħar filwaqt li studenti f'Year 6 u 7 jistgħu iħallu l-inhalers fl-uffiċju tal-Kap ta' l-Iskola.
Informat ukoll li fl-iskejjel 'A' u 'B', Senglea u Żabbar 'A' il-ġenituri jissejjaħ l-iskola f'każ ta' bżonn. Fl-iskola taż-Żejtun 'A', għalkemm din is-sena m'hemm ebda każ, hija l-użanza li l-ġenitur jintalab imur l-iskola f'każ ta' bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex veru li teżisti liġi ta' l-impjiegi li tgħid li min ikun ilu erba' snin jaħdem ma' individwu awtomatikament jiġi tal-post? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex dan ma jgħoddx għall-ħaddiema tal-gvern ukoll - casual jew part-time?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja hi regolata bl-Avviż Legali 429 ta' l-2002, "Regolamenti ta' l-2002 dwar Kuntratti tas-Servizz għal Terminu ta' Żmien Fiss". Dawn ir-regolamenti jistabilixxu li meta ħaddiem ikun jaħdem fuq kuntratt għal żmien fiss li jaqbeż perjodu ta' erba' snin, l-impjegat għandu jitqies minn min iħaddem bħala impjegat b'kuntratt ta' tul indefinit, ħlief meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex dan ma jsirx. L-applikazzjoni ta' dan ir-regolament hawn fuq imsemmi ma japplikax għas-settur pubbliku.
Jista' il-Ministru jindaga jekk hemmx ħafna klieb jiġru fil-park nazzjonali f'Ta' Qali għaliex hemm nies li qed jibżgħu minnhom u ma jistgħux jidħlu? Jista' jindaga wkoll fuq il-livell tad-dawl pubbliku fl-area?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-punti mressqin mill-Onor. Interpellant kienu nnotati.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta tinvestiga għaliex waqt li jkunu qed jinbidlu x-shifts tal-ground crew, ajruplani jitħallew bil-makni mqabbda jistennew biex ikun hemm xi ħadd jiddiriġihom biex jitilqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li n-nies li jgaħmlu l-"marshalling" ta' l-ajruplani huma responsabbli biżżejjed biex iwettqu xogħolhom bl-aktar serjeta' u responsabbilta'. Irrid inżid ukoll li hemm struzzjonijiet bil-miktub f'dan ir-rigward, fis-sens illi bdil ta' ħaddiema fuq shift differenti f'din is-sezzjoni għandu jsir ħdejn l-ajruplan stess.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta biex tindaga x'isir mill-flight stores wara li ajruplan jirritorna minn vjaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli membru li l-affarijiet ta' "drystores" li rrefera għalihom f'din il-mistoqsija jiġu ritornati lejn il-Corinthia Caterers jew l-Air Supplies skond l-oġġetti li jkunu.
Dawn l-oġġetti li huma juices, ilma, cafe, cream sachets, zokkor u te jintużaw fuq flights oħra jekk ikunu f'kundizzjoni tajba u siġillati.
Jista' il-Ministru jitlob lill-Air Malta tinvestiga l-ammont kbir ta' pilfering fil-bagalji li qed jiġi rrappurtat minn nies li jużaw l-Air Malta u ajruplani oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li kull meta l-Air Malta jkollha rapporti ta' serq mill-bagalji, dan dejjem jiġi nvestigat. Irrid ngħid ukoll li l-Air Malta qiegħda tħallas ammont sostanzjali ta' flus lill-Korp tal-Pulizija biex dawn jagħmlu għassa u skorta mal-bagalji.
Hemm ukoll numru ta' impjegati li huma sospiżi mix-xogħol minħabba allegazzjonijiet ta' serq mill-bagalji. Il-każ tagħhom huwa pendenti quddiem il-Qorti.