Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bejgħ ta' holiday tours

Question

Jista' il-Ministru jindika jekk skond il-liġi l-bejgħ ta' holiday tours għandux jiġi riklamat f'ammont ta' flus li jeskludi l-ammont ta' taxxi inklużi jew jekk dan l-ammont jistax jeskludi l-ammont ta' taxxi dovuti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bejgħ ta' holiday tour jista jiġi rreklamat kemm bl-ammont bit-taxxa ta' l-ajruport jew tal-port marittimu inkluża, kif ukoll mingħajr it-taxxa nkluża, taħt kundizzjoni pero li għandu dejjem jitniżżel ċar f'kull każ, jekk il-prezz jinkludiex din it-taxxa, jew jekk mal-prezz tridx tiġi miżjuda din it-taxxa.

Birkirkara — Triq Tar-Rabat

Question

Jista' il-Ministru jindika jekk tistax issir xi zebra crossing jew xi forma ta' lights biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu fi Triq tar-Rabat, Birkirkara, ħdejn id-Devon Biscuits?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-uffċjali tat-Traffic Management Unit u n-Network Infrastructure Directorate qegħdin jistudjaw l-proposta.

Bejjiegħa tal-monti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13461 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kif dawk li għandhom posta fuq il-monti, jistgħu jassiguraw irwieħhom li ħaddieħor ma jarmalhomx fuq il-post tagħhom, għaliex din qed tiġri ta' spiss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tal-Belt, regolarment jagħmlu spezzjoni fuq il-Monti, sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm bejjiegħa li jkunu qed joperaw mhux skond il-permess maħruġ lilhom. Madankollu wieħed dejjem jista' jagħmel rapport lill-Pulizija.

Fixed air conditioning stations

Question

Skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea, suppost li jsiru fixed air conditioning stations, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jeżistux f'Malta jew le? Jekk le, għandu ħsieb il-gvern li jwaqqafhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru hu mitlub jispjega aktar din il-Mistoqsija.

Refund ta' taxxa

Question

Meta persuna jkollha tieħu xi ammonti mingħand il-gvern f'rifużjoni ta' taxxi u għandha tagħti ammont anqas bħala ħlas ta' VAT, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk tistax tiġi offset id-differenza flok li l-persuna trid toqgħod toħroġ il-kapital kollu tagħha biex imbagħad eventwalment tirċievi ammont akbar li jkun dovut lilha f'taxxa mingħand il-gvern? Ma jaħsibx li dan jista' ikun determinanti għal min qed imexxi business?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-arranġament li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma hux wieħed sostnut b’bażi legali. Tant hu hekk li, xi drabi, wieħed li għandu jieħu rifużjoni, jirċievi r-rifużjoni allavolja jista’ għandu jagħti lil xi dipartiment tal-Gvern ieħor. Aspett minnhom jirrigwardja rifużjoni taħt il-liġi tad-Dħul fuq l-Income, u l-ieħor hu ħlas ta’ taxxa taħt il-liġi tal-VAT. Mela, teknikament, apparti l-fatt li wieħed jista’ jkun infiq għal dipartiment tal-Gvern, u l-ieħor dħul għal dipartiment differenti, u t-tnejn iridu jiġu rreġistrati separatament fid-dipartiment rispettivi, ma jkunx possibbli l-offsetting minħabba li ż-żewġ liġijiet huma suġġetti għal provisions differenti. Madanakollu, b’arranġament amministrattiv u fuq suġġeriment jew bi ftehim ta’ l-individwu, jista’ jsir skambju ta’ ċekkijiet fejn, waqt li l-individwu jirċievi rifużjoni minn Dipartiment, fl-istess ħin, joħroġ ċekk lill-Dipartiment ieħor għat-taxxa li għandu jħallas.

Bejjiegħa tal-monti

Question

Jista' il-Ministru jindika kif dawk li għandhom posta fuq il-monti, jistgħu jassiguraw irwieħhom li ħaddieħor ma jarmalhomx fuq il-post tagħhom, għaliex din qed tiġri ta' spiss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sptar San Luqa — Pacemakers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi nuqqas ta' pacemakers bi tliet leads fl-isptar? Meta jaħseb li dawn ikunu preżenti f'Malta, għaliex hawn min qed jistennihom? Kemm jiswew kull waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għal dawn it-tip ta' pacemakers inħareġ. Hemm żewġ pazjenti qed jistennew tripple chamber intracardiac defibrillator. Dawn mistennija jaslu fil-ġranet li ġejjin u jqumu US Dollars 22736.04 il-waħda.

CCF — Bakery

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti indikazzjoni jekk l-iskema tal-bakery fil-ħabs kenitx suċċess u kemm għamlu użu minnha l-ħabsin? Hemm xi ħjiel jekk l-iskema hijiex se titkompla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Bakery tal-ħabs minn dejjem kienet tipproduċi l-ħobż għall-bżonnijiet tal-priġunieri. Minn April ta' din is-sena beda ukoll jiġi prodott ħobż għall-isptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-gvern. Ix-xogħol qed isir mill-istess għaxar priġunieri li kienu jagħmlu dan ix-xogħol qabel. Billi għadu kmieni wisq biex wieħed jikkalkula kemm din l-inizjattiva ser tkun suċċess, wieħed irid ikun prudenti u jistenna li almenu isiru kalkolazzjonijiet ta' mill-anqas tlett xhur xogħol. Huwa maħsub li dan ix-xogħol ikompli jikber għal ġid tal-priġunieri.
Leg 10 PQ #13379 Sitting 286 2005-07-04 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

EU

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li hawn nies Maltin nominati mill-gvern jaħdmu f'xogħol konness ma' l-Unjoni Ewropea barra minn Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Gvern Malti jinnomina direttament persuni f'dawn il-karigi fl-Istituzzjonijiet Ewropej: - Membru tal-Kummissjoni - Imħallef fil-Qroti tal-Ġustizzja - Imħallef fil-Qorti tal-Prim' Istanza - Membru fil-Qorti ta' l-Awdituri Hemm ukoll nominazzjonijeit ohra li mhumiex fuq bazi full-time: - 5 Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - 5 Membri tal-Kumitat tar-Reġjuni - 5 Membri Alternate tal-Kumitat tar-Reġjuni - Membru tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew Ma dawn trid tinkludi l-uffiċċjali tal-Gvern Malti li jieħdu sehem fil-laqgħat tal-mijiet ta' Kumitati u Working Groups tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Kummissjoni Ewropea. Wħud minn dawn huma uffiċċjali fir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea.

Animal welfare council

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' din is-sena l-animal welfare council u x'miżuri importanti seta ħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Animal Welfare Council kellu seba' laqgħat f'dawn l-aħħar sitt (6) xhur, li kienu maqsumin kif ġej: Mill-bidu tas-sena 2005 il-Kunsill kellu diskussjonijiet u ħadem fuq is-suggetti imniżżla hawn taħt fost oħrajn: a) It-tħejjija u d-diskussjonijiet ta' dokument dwar Stray Animal Control, li jinkludi żewġ dokumenti li jirrigwardaw qtates u klieb meqjusa bħala stray; b) Saret investigazzjoni dwar it-trasferiment tal-qtates li kienu jinsabu fil-ġonna tal-Palazz ta' San Anton. c) Il-Kunsill approva l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel; d) Tħejja dokument li jipprovdi lista ta' mammiferi u rettili li jistgħu jaqgħu taħt kategorija pożittiva jew taħt kategorija negattiva; e) Twaqqfet sub-committee dwar l-isperimentazzjoni fuq l-annimali u sub-committee oħra dwar il-klieb li għandhom jitqiesu perikolużi. Għandu jingħad ukoll li l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar it-trobbija tal-flieles tas-simna li kien approvat fis-sena 2004 mill-istess Kunsill daħal fis-seħħ bħala liġi taħt l-AL 119/2005.

Birkirkara — Trasport ċirkolari

Question

Jista' il-Ministru jindaga dwar jekk jistax isir xi forma ta' trasport ċirkolari ma' Birkirkara u l-irħula ta' madwar biex in-nies ikollhom aċċess għaċ-ċentru tas-saħħa u l-kunsill lokali? Dan jista' isir mill-Venda tas-71 f'Birkirkara.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li preżentament mhux qed jiġi ikkunsidrat li tiġi introdotta rotta ċirkulari f’Birkirkara u l-irħula ta’ madwar. Dan minħabba li fost affarijiet oħra, kumpanija bl-isem ta’ Halcrow li ġiet kommisjonata sabiex tagħmel rapport rigward il-riforma li hemm maħsub li ssir fil-futur fit-Trasport Pubbliku. Għalhekk rotot ġodda ta’ ċertu portata mhux qed jiġu kkunsidrati f’dan il-mument.

Sptar San Luqa — Pacemakers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi nuqqas ta' pacemakers bi tliet leads fl-isptar? Meta jaħseb li dawn ikunu preżenti f'Malta, għaliex hawn min qed jistennihom? Kemm jiswew kull waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għada qed tinġabar Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

ETC — Skemi speċjali għall-ħabsin

Question

Jista' il-Ministru jindika jekk hemmx skemi speċjali ta' l -ETC li jgħinu lill-ħabsin li jkunu għadhom kemm ħarġu mill-ħabs biex isibu x-xogħol? Jekk hemm, jista' jsemmihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Tajjeb li l-Onor. Membru jkun infurmat li bħal ma jsir mal-kumplament ta' Gruppi Żvantaġġjati l’ex-ħabsin jingħataw indukrar personalizzat minn ħdan is-Sezzjoni tas-Supported Employment ta' l-ETC. Fil-każ ta' l ex-ħabsin dan isir permezz ta' żewġ skemi li jgħinu lil dawn il-persuni jintegraw b'iżjed faċilita' fid-dinja tax-xogħol. Waħda hija l-'Bridging the Gap Scheme'. Din toffri opportunita' ta' 'Work Exposure', fejn il-persuna tingħata LM35 fil-ġimgħa għall-massimu ta' 52 ġimgħa. L-Employer li jkun qed joffri din l-opportunita' ma jidħol fl-ebda obbligi l-anqas tal-ħlas tal-bolla ta' l-N.I. L-oħra hija l-'Employment & Training Placement Scheme', fejn l-Employer jingħata sussidju ta' nofs il-paga minima nazzjonali għall-massimu ta' 52 ġimgħa. Tajjeb li l-Onor. Membru jkun infurmat ukoll li b'ko-ordinazzjoni ma' l-Awtoritajiet tal-C.C.F., l-ETC tisponsorja diversi korsijiet edukattivi għall-ħabsin interessati. Dawn il-korsijiet ivarjaw minn tagħlim tal-Malti u Ingliż sa' snajja bażiċi. Barra minn hekk dawk il-ħabsin li jkunu qorbu tmiem is-sentenza tagħhom u jkunu eligibbli għall-'Prison Leave' qed ikunu eliġibbli li jitpoġġew fuq il-'Bridging the Gap Scheme',

Ħal-Lija

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12478 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jindaga jekk tistax tiġi rranġata l-bankina madwar iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-bankina msemmija mill-Onorevoli Interpellant taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali. Ser isiru spezzjonijiet meħtieġa biex din il-bankina tkun tista' tiddaħħal f'lista ta' xogħlijiet simili ta' manutenzjoni. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritatjiet li jirriżultaw.

Nies mentalment inkapaċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi inċentiv finanzjarju, jew ta' sigurta' soċjali, li tħeġġeġ l-employers li jagħżlu li jimpjegaw nies mentalment inkapaċi jew/u morda? Jekk mhux il-każ, huwiex tal-ħsieb li dan għandu jsir biex jgħinhom jiġu integrati fis-soċjeta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat illi l-ETC sabiex tgħin persuni żvantaġġjati (inkluż persuni b'mard mentali) li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol jintegraw ruħhom hemm skemi varji ta'sussidju finanzjaju sabiex tħajjar 'Employers' jingaġġaw magħhom persuni tali. Hemm il-'Bridging the Gap Scheme' li toffri opportunita ta' 'work exposure' lill persuna li tkun qed tirreġistra għax-xogħol. Permezz ta' din l-iskema l-persuna tirċievi 'allowance' ta' LM35 fil-ġimgha għal-massimu ta' 52 ġimgħa. Għal-kull fini l-persuna involuta tibqa titqies li għadha qed tirreġistra għax-xoghol. Taħt din li skema l-Employer' li jkun qed joffri din il-'work exposure' ikun meħlus minn kull obbligu finanzjaju inkluż il-ħlas tal-bolla tas-Sigurta Soċjali. Hemm ukoll l-'Employment Training Placement Scheme'. Taħt din li skema l-'Employer' li jkun qed iħaddem migħu persuni b'diżabilita, jingħata sussidju ta' nofs il-paga minima nazzjonali għall-massimu ta' 52 ġimgħa. Bħalissa qed tittħaddem ukoll is-'Supported Employment Scheme', li hija waħda mill-proġetti li ġew aċċettati mill-Unjoni Ewropeja taħt il-E.S.F. Din hija skema li toffri 'support' (inkluz finanzjarju) fit-tul kemm lill-'Employer', kif ukoll lill persuna b'diżabilita li tkun qed tirreġistra għax-xogħol u li tkun qed tirċievi pensjoni minħabba l- istat ta' saħħa tagħha.

Paceville — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn tfal taħt is-16-il sena anke 12-il sena qed jitħallew jidħlu fid-discos u l-ħwienet tax-xorb u jingħataw xorb u sigaretti bl-addoċċ, speċjalment f'Paceville?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet ġewwa postijiet ta' divertiment u ħwienet tax-xorb, partikolarment ġewwa Paceville, sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbużi. Fil-fatt matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, tressqu quddiem il-Qorti 8 persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment, wara li kienu instabu 17-il persuna taħt l-eta' ta' sittax-il sena, f'postijiet ta' divertiment ġewwa Paceville.

Birkirkara — Trasport ċirkolari

Question

Jista' il-Ministru jindaga dwar jekk jistax isir xi forma ta' trasport ċirkolari ma' Birkirkara u l-irħula ta' madwar biex in-nies ikollhom aċċess għaċ-ċentru tas-saħħa u l-kunsill lokali? Dan jista' isir mill-Venda tas-71 f'Birkirkara.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

Anzjani — Servizz ta' handyman

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk servizz ta' ftuħ ta' drenaġġ f'dar privata jaqax taħt is-servizz ta' handyman għall-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftuħ ta' drenaġġ ma jaqax taħt is-servizz tal-Handyman Section tad-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita'.

Birkirkara — Purċissjoni ta' Corpus

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn il-pulizija ma kenux preżenti għall-purċissjoni ta' Corpus nhar il-Ħamis 26 ta' Mejju f'Santa Tereża, Birkirkara anke wara li kienu avżati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma ġiet avżata mid-diriġenti tas-Santwarju ta' Santa Tereża f'Birkirkara li kellha ssir il-purċissjoni ta' Corpus nhar il-Ħamis 26 ta' Mejju 2005. Fil-fatt sar magħruf illi oriġinarjament kien hemm il-ħsieb li din il-purċissjoni kellha ssir mis-Santwarju ta' Santa Tereża nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju 2005, iżda minħabba li din kienet ser taħbat ma' attivita' oħra tal-Kungress Ewkaristiku, kien ġie deċiż li din titħassar u ssir purċissjoni waħda ma' dik tal-Knisja ta' San Ġużepp. Infurmat ukoll illi l-Pulizija kienet diġa' ġiet avżata nhar id-19 ta' April 2005 mill-Knisja ta' San Ġużepp illi l-purċissjoni ta' Corpus minn dik il-knisja kellha ssir nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2005. Pero' wara ġew avżati l-ġurnata tal-purċissjoni kienet ġiet avvanzata għall-Ħamis 26 ta' Mejju 2005 u li kien sar tibdil fir-rotta. Il-bdil fid-data ġie nnotat, pero' bi żvista, mhux it-tibdil minn fejn kellha titlaq il-purċissjoni, peress li dan l-avviż kien ingħata mill-knisja ta' San Gużepp. Fil-fatt kien hemm kuntistabbli ordnat fejn il-knisja ta' San Ġużepp, illi ġie msejjaħ fuq xogħol ieħor. Dan il-malintiż ġie spjegat lid-diriġenti tal-knejjes involuti.

Pulizija — Tal-Balal - Diskoteka

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn il-pulizija mhijiex qiegħda tieħu passi kontra diskoteka f'Tal-Balal li qiegħda ddoqq mużika tgħajjat sas-sigħat bikrin ta' filgħodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-azzjoni meħtieġa. Fil-fatt infurmat ukoll illi fis-sigħat bikrin ta' sbieħ nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju 2005, il-Pulizija tad-Distrett ta' B'Kara kellha rapport li dan l-istabbiliment kien għadu miftuħ u jdoqq mużika b'volum għoli. Il-Pulizija pproċediet fuq il-post u wara li l-ilment kien ikkonfermat, ordnat li l-mużika tieqaf u ser jittieħdu proċeduri kriminali skond il-liġi.