Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Magħtab – Proġett ta’ Solar Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab li kien ġie mħabbar f’Jannar 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja b’ħidma sabiex tkompli tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli għaliha, sabiex tkattar is-sostenibilità tal-Kumpanija u tkompli miexja ‘l quddiem fis-snin li ġejjin. Fl-istess waqt, permezz tas-sehem tagħha u tal-kumpaniji sussidjarji tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, il-Kumpanija qed taħdem mas-settur privat sabiex tgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu għas-snin li ġejjin. Il-proġett ta’ instalazzjonijiet ta’ pannelli tax-xemx fis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Magħtab ser ikun l-akbar proġett ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika mix-xemx f’Malta. L-ippjanar ta’ dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat. Il-kumpanija qed taħdem mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex twettaq il-proċeduri u l-istudji meħtieġa li jwasslu għall-għoti tal-permessi tal-iżvilupp li hemm bżonn sabiex jibdew ix-xogħolijiet fuq il-post. L-Enemalta plc ser tkompli taħdem fuq dan il-proġett u fuq diversi proġetti oħra u sabiex isaħħaħ il-qagħda sostenibbli tagħha u tibqa’ toffri servizzi aħjar lill-klijenti tagħha f’Malta u Għawdex.

ERA – proġett ta’ solar farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ komunikat sar mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab, minn Jannar 2017 sal-lum? Jista’ jgħid jekk l-ERA ngħatatx l-informazzjoni mitluba dwar il-feasibility study ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll jekk l-ERA ngħatatx ġustifikazzjoni għala minflok ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab kif ippjanat preċedentament, minflok se jsir dan il-proġett ta’ solar farm? Jekk kemm-il darba l-ERA ingħatat tali ġustifikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’ġustifikazzjoni ngħatat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċessi ta’ applikazzjoni għal żvilupp ta’ dan it-tip, l-applikant, f’dan il-każ, Enemalta plc, jikkomunika mal-Awtorità tal-Ippjanar, li matul il-proċess tinvolvi entitajiet u awtoritajiet oħra, skont kif meħtieġ. F’dan ir-rigward, l-Enemalta għaddejja bit-tħejjija tar-rekwiżiti mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex dan il-proġett, l-akbar solar farm li qatt sar f’Malta, ikun jista’ jibda jitwettaq kemm jista’ jkun malajr. Mistoqsijiet dwar ir-riabilitazzjoni tas-sit ta’ dik li kienet il-miżbla tal-Magħtab għandhom isiru lill-entità konċernata responsabbli minn din il-ħidma.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – applikazzjonijiet biex negozji jiġu rreġistrati bħala negozju tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet biex negozju jiġi rreġistrat bħala 'negozju tal-familja' minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565), u kemm minnhom ġew ipproċessati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa madwar ħamsa u għoxrin negozju urew interess li jirreġistraw bħala negozju tal-familja. Ġew finalizzati tnax–il applikazzjoni. L-uffiċċju Regolatur m’għandu ebda applikazzjoni pendenti min naħa tiegħu u kull applikazzjoni pendenti tiddependi mill-familja li tissotometti d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.
Leg 13 PQ #2468 Sitting 55 2017-11-21 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Fondi Ewropej — Proġetti maħsuba li se jsiru f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, xi proġetti hemm maħsuba li se jsiru f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal pajjiżna għall-perijodu 2014-2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2465.
Leg 13 PQ #2469 Sitting 55 2017-11-21 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ammont ta’ flus allokati mill-Ministeru għall-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, jekk hemmx il-ħsieb illi l-Ministeru tagħha jalloka ammont ta’ flus biex jintużaw għall-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex? U jekk iva, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma dawn il-proġetti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jwettaq diversi progetti relatati mal-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex. Minnbarra l- manutenzjoni kontinwa taċ-Ċittadella, ser jibda r-restawr tal-Fanal tal-Ġurdan u tal-Akwedotti. Għaddejjin wkoll l-istudji neċessarji sabiex jiġi kkonsolidat l-għar ta’ Kalipso. Barra minn hekk permezz ta’ Fondi Ewropej, l-Ministeru ser jirrestawra l-Mitħna fix-Xewkija u ser jiżviluppa l-Mużew ta’ Għawdex fir-Rabat. Ninforma wkoll li permezz tal-istrategija EkoGħawdex ġiet mnedija inizjattiva ta’ restawr ta’ postijiet storiċi fil-lokalitajiet Għawdxin. L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li l-Kunsilli Lokali Għawdxin jidentifikaw postijiet storiċi fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jiġu restawrati. Hemm inizjattivi oħra li qed ikunu ippjanati biex nivvalorizzaw aħjar il-wirt kulturali tagħna. Dawn imorru ‘l hemm mir-restawr tal-wirt tanġibbli. Għaddejjin pjanijiet dwar attivitajiet kulturali li jolqtu oqsma diversi tal-wirt storiku tagħna, bil-għan li jkun hemm kuxjenza u apprezzament pubbliku ikbar ta’ dak li jiddistingwina kulturalment u li rridu nsaħħu u nipproteġu.

Ammont ta’ flus allokati mill-Ministeru għall-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk hemmx il-ħsieb illi l-Ministeru tiegħu jalloka ammont ta’ flus biex jintużaw għall-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex? U jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn il-proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta kull sena tuża parti mil-flus allokati lilha fil-Budget sabiex jintużaw għall-ħarsien ta’ wirt storiku t’Għawdex għal siti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha. Dawn is-siti huma il-Ġgantija, il-Mitħna Ta’ Kola, il-Mużew tal-Arkejoloġija, il-Mużew tan-Natura, il-Ħabs l-Antik u l-Gran Castello Historic House (kien jissejjaħ Mużew tal- Folklore). Per eżempju fis-sena 2016, l-Aġenzija nefqet il-fuq min €850,000 għall-ħarsien ta’ dawn is-siti. Barra min hekk l-Aġenzija qiegħda taħdem b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex fuq il-proġett tal-Gozo Museum fejn hemm allokati fondi ERDF ta’ circa €5 miljuni.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – Regolatur maħtur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu r-Regolatur maħtur skont l-artiklu 17 tal-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-regolatur maħtur skond l-artiklu 17 ta’ l-Att Dwar in-Negozji tal-Familja hija Dr. Nadine Lia.

Att dwar in-Negozji tal-Familja– Regolatur maħtur — remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-remunerazzjoni tar-Regolatur maħtur skont l-artiklu 17 tal-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolatur ma tirċeviex remunerazzjoni għal-kariga tagħha.

Att dwar in-Negozji tal-Familja– staff u uffiċjali li jaħdmu mar-Regolatur maħtur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu staff u uffiċjali jaħdmu miegħu r-Regolatur maħtur skont l-artiklu 17 tal-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)? U jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-salarju u r-remunerazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-istaff u l-uffiċjali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolatur għandu assenjat miegħu zewġ accountants. Dawn ma jirċevux salarji għal dan ir-rwol stante li ntuzaw rizorsi interni mill-Mimcol fejn jinstab l-uffiċċju.

Ġbir ta’ organic waste

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-volum ta’ organic waste illi nġabar minn Malta u minn Għawdex separatament, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016, u mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Ottubru 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Dicembru 2016, ingabbru 1794 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta’ Malta, u ingabbru 365 Tunnellati minn Ghawdex. Dan l-iskart organiku beda jingabar mir-regjun t’Ghawdex mit-28 ta’ Settembru 2016. Mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 t' Ottubru 2017 ingabbru 1356 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta' Malta u ingabbru 1246 Tunnellati minn Ghawdex.

Fondi Ewropej — Proġetti li ser isiru f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u tagħti lista ta’ proġetti illi hemm proġettati illi ser jsiru bil-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ proġetti approvati f’Malta u Għawdex għall-perjodu 2014-2020. Sejħiet oħrajn ser jinħarġu fil-futur skont il-parametri stabiliti fid-diversi Programmi Operattivi tal-Fondi Ewropej 2014-2020. Din l-informazzjoni tinsab fuq is-sit elottroniku www.eufunds.gov.mt li jiġi aġġornat minn żmien għal żmien.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għal proġetti f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għal proġetti f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern ikkommetta li jonfoq 10% tal-Fondi Ewropej għal Għawdex kif kien sar għall-perjodu 2007-2013.

Fondi Ewropej — Proġetti maħsuba li se jsiru f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, xi proġetti hemm maħsuba illi se jsiru f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal pajjiżna għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2463.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiddependi mill-Programm u mis-sejħa għall-Proġetti, l-Kunsilli Lokali jistgħu jikkompetu għall-fondi skont il-qasam u l-prijorità tas-sejħa.
Leg 13 PQ #2467 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Fondi Ewropej — Ammont allokat għal proġetti f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għall-proġetti f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2464.

Gaġeġ tat-tonn — inspections

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru inspections fuq il-gaġeġ tat-tonn matul din is-sena minn Jannar 2016 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Meta saru u fuq liema gaġeġ saru? Kemm suppost jinżamm tonn minn kull operatur u kemm instab li għandu tonn kull operatur? X'passi ħadu l-awtoritajiet fir-rigward ta' dawk li nstab li għandhom tonn aktar minn dak awtorizzat ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox saru 57 spezzjoni mid-Direttorat ta’ l-Akkwakultura, waqt il-caging tat-Tonn, li fil-maġġoranza tagħhom saru bejn Ġunju u Settembru 2016. Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq il-gaġeġ kollha tal-farms tat-Tonn. Ninsab infurmat li kull operatur jista’ jżomm massimu ta’ piż ta’ tonn skont kif irreġistrat mal-ICCAT. Għandu jiġi nnotat ukoll li kull qabda ta’ kull sajjied partikolari, minn pajjiż partikolari trid tiġi caged b’mod individwali u għalhekk f’gaġeġ separati. F’każ li l-ispetturi tas-sajd ma jaqblux fl-ammont ta’ tonn minn qabda partikolari, ġo gaġġa partikolari, isir kuntatt mall-pajjiż ikkonċernat biex jew jiġu emendati d-dokumenti tal-qabda jew inkella jiġi rilaxxat id-differenza tal-ħut skont il-każ. Fil-fatt din is-sena saru 7 rilaxxi ta’ ħut ta’ dan it-tip minħabba diskrepanza bejn l-ammonti.

Awtorità — Regolatur tal-barrieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-awtorità uffiċjali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-barrieri u ċjoè liema hi dik l-awtorità li tiddikjara barriera bħala exhausted?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-Awtorità responsabbli hija l-Malta Resources Authority flimkien mal-Environment and Resources Authority u dan sakemm tal-ewwel tkun amalgamata fi ħdan tal-aħħar.
Leg 12 PQ #25147 Sitting 384 2016-05-03 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità — Regolatur tal-barrieri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema hi l-awtorità uffiċjali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-barrieri u ċjoè liema hi dik l-awtorità li tiddikjara barriera bħala exhausted?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25145 (ħamsa u għoxrin elf, mija, ħamsa u erbgħin).
Leg 12 PQ #25148 Sitting 384 2016-05-03 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Planning Authority – video dwar il-qasma tal-MEPA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża totali tal-video illi l-Planning Authority ħarġet biex tirreklama l-qasma tal-MEPA, liema video jinsab ukoll fuq il-website www.pa.org.mt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-ispiża totali tammonta għal € 4500, VAT mhux inkluża.