Legislature:
Category:
Reset
Active:

Laqgħa fil-Qatar – ħlas ta’ vjaġġ tal-individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħallas il-vjaġġ u akkomodazzjoni għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex attenda laqgħa mal-Ministru ġewwa l-Qatar fl-2013? Kemm swew il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-Enemalta ħallset għall-vjaġġ.

Panelli Solari fuq bjut ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ċifri ta’ kemm ġew installati panelli solari fuq bjut ta’ djar bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jagħti ċifri ta’ kemm ġew installati panelli solari fuq bjut ta’ djar bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Resource Authority ma żżommx rekords tan-numru ta’ pannelli nstallati iżda żżomm rekords tal-kapaċita’ tas-sistemi.

Panelli Solari fuq bjut ta’ negozji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ċifri ta’ kemm ġew installati panelli solari fuq bjut ta’ negozji bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jagħti ċifri ta’ kemm ġew installati panelli solari fuq bjut ta’ djar bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13495.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – Legal Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Legal Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu tinsab f’uffiċini mingħajr lanqas tieqa waħda? Kemm hemm uffiċjali jaħdmu f’dan l-ambjent?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel sular hemm kamra li m'għandiex twieqi għal barra u fil-preżent hemm żewġ persuni f'dan l-uffiċċju. Pero' din il-kamra għandha tlett bibien: wieħed jagħti għat-taraġ komuni, ieħor għall-uffiċċju biswit li għandu twieqi, u l-ieħor li jagħti għall-kuritur fejn hemm tieqa kbira li tagħti għal ġol-bitħa nterna. Fl-amministrazzjoni preċedenti, l-istess uffiċċju kien okkupat mit-Taqsima tal-EU u l-printing and collection tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.

Direttorat għall-Maltin li jgħixu barra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li d-Direttorat għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta jinsab jaħdem f’kamra b’tieqa magħluqa bil-mutur tal-arja kkondizzjonata u għalhekk mingħajr arja?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għandu tieqa żgħira li għalkemm hemm kompressur tal-arja kondizzjonata fiha, tista' tinfetaħ meta jkun hemm il-bżonn. Barra minnhekk bħalissa qed jiġi pproċessat proġett fejn eventwalment se tiġi nstallata sistema ġdida ta' VRF Airconditioning u b'hekk il-kompressur in kwistjoni se jitneħħa minn din it-tieqa. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-uffiċċju kienu jaħdmu uffiċċjali tal-Ministeru anki fi żmien amministrazzjoni preċedenti.

EXPO 2015 – parteċipazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hix se tipparteċipa fl-EXPO 2015 li se ssir f’Milan? Jekk iva, jista’ jgħid xi preparamenti saru s’issa għal dan il-għan u x’hemm il-ħsieb li jsir aktar?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta ser tieħu sehem fl-Expo ta’ Milan u ser ikollha l-padiljun fil-Cluster tal-BioMediterranean ma’ 10 pajjizi oħra mir-reġjun. Għall-ewwel darba l-organizzaturi tal-Expo ħarġu bl-idea ta’ Clusters Tematiċi li huma marbuta mat-tema ġenerali. F’dawn il-Clusters, l-organizzaturi tal-Expo bnew numru ta’ padiljuni li nkrew lill- pajjiżi, speċjalment dawn żgħar, biex dawn jiddisinjaw u jlestuhom skond il-kunċett li huma jkunu ippreparaw. Bħalissa l-bini tal-padiljuni fil- BioMediterranean Cluster huwa avvanzat u dawn ser jingħataw lill-parteċipanti fl-1 ta’ Frar 2015. Wara public call għad-disinn u outfitting , intagħżel kuntrattur li bħalissa għaddej bil-proċess ta’ preparamenti sabiex is- set ikun jista’ jibda jintrama fuq il-post meta l-padiljun jingħata lill-Malta. Qed isiru wkoll arranġamenti għall-produzzjoni ta’ feature films qosra biex jintwerew fil-padiljun. Ser jibda wkoll proċess ta’ sejħa għall- personnel li ser ikunu fuq il-padiljun matul is-sitt xhur tal-Expo. Bħalissa l-organizzaturi tal-Expo qed jippreparaw aktar informazzjoni dwar postijiet fl-Expo site li jistgħu jintużaw mill-partiċipanti għall-attivitajiet tagħhom matul iż-żmien ta’ Expo. Ladarba jkun hemm din l-informazzjoni, jibdew isiru ukoll preparamenti għal attivitajiet li Malta tkun tista torganizza. Apparti minn hekk, hemm ħsieb ukoll li jsiru attivitajiet oħra f’Milan li jkunu business related . Minbarra il-padiljun fil- BioMediterranean Cluster , Malta ser tkun ukoll rappreżentata fil-padiljun tal-Unjoni Ewropeja mal-pajjiżi membri l-oħra. Fi Frar ta’ din is-sena inħatar ukoll il-Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għall-Expo li huwa responsabbli mill-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Expo.
Leg 12 PQ #13067 Sitting 225 2015-01-12 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

EXPO 2015 – parteċipazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hix se tipparteċipa fl-EXPO 2015 li se ssir f’Milan? Jekk iva, jista’ jgħid xi preparamenti saru s’issa għal dan il-għan u x’hemm il-ħsieb li jsir aktar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Konsli Onorarji — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett ġabu Malta l-Konsli Onorarji mid-9 ta’ Marzu sal-31 ta’ Ottubru 2014 hekk kif mitlub minnu fil-laqgħa tal-Konsli Onorarji li saret fis-Sajf 2013? Jista’ jagħti elenku ta’ dawn il-proġetti u jgħid kemm ħolqu impjiegi f’Malta u Għawdex?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 7541, mill-istess interpellant, għadha tgħodt għall-Mistoqsija Parlamentari tal-lum.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – segretarji permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-Segretarji Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bejn Ottubru 2012 u Ottubru 2014?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien hemm 3 Segretarji Permanenti u Aġent Segretarju Permanenti bejn Ottubru 2012 u Ottubru 2014. Dawn kienu: Dr John Paul Grech Segretarju Permanenti Ms Vanessa Frazier Aġent Segretarju Permanenti Mr Joseph Cole Segretarju Permanenti Ms Fiona Formosa Segretarju Permanenti
Leg 12 PQ #12885 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Junior Eurovision Song Festival — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-Junior Eurovision Song Festival? Jista' jgħid fuq liema stazzjonijiet ixxandar dan il-programm?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Operational Programme 1 u Operational Programme 2

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta qed jantiċipa li se jiġu approvati l-Operational Programme 1 u l-Operational Programme 2?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li l-proċess finali hu mistenni li jiġi iffinaliżżat fiż-żmien qasir u li l-eżidu tiegħu ser jitħabbar susegwentament.

Uffiċjali/Diplomatiċi – uffiċini żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru tiegħu, fit-tliet binjiet fil-Belt Valletta u fil-Missjonijiet diplomatiċi kollha barra minn Malta, kemm hemm uffiċini li fihom hemm jaħdmu uffiċjali u/jew diplomatiċi, liema uffiċini huma ħafna iżgħar minn kif stabbilit bil-Liġi tal-Health and Safety u l-istess kmamar jew huma mingħajr twieqi jew għandhom twieqi ta’ daqs mhux adekwat jew anke mingħajr ventilazzjoni adekwata? Kemm minn dawn il-kmamar kienu jintużaw bħala stores u llum hemm uffiċjali diplomatiċi jaħdmu fihom?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ambaxxata f’Ġinevra u New York – kontijiet tal-bank ta’ ex uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ex uffiċjali, bħal Ambaxxaturi u familjari tagħhom li jkunu jakkumpanjawhom waqt il-posting, għandhomx id-dritt li jkollhom il-kont tal-bank bl-indirizz tal-Ambaxxata f’Ġinevra u New York?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ex-uffiċjali bħal Ambaxxaturi u familjari tagħhom li jkunu jakkumpanjawhom waqt il-posting, m'għandhomx id-dritt li jkollhom il-kont tal-bank bl-indirizz tal-Ambaxxata f'Ġinevra u New York , ħlief f'każijiet eċċezzjonali.

Rappreżentanza Maltija f’Ġinevra

Question

Jista’ l-Ministru: a. jippreżenta s-CV tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, impjegata bħala locally engaged staff fir-Rappreżentanza Maltija f’Ġinevra; b. jgħid kemm ħadet leave u sick leave mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010, mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011, mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013 u mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-9 ta’ Diċembru 2014; c. x’inhi l-paga preżenti tagħha u l-benefiċċji kollha li qed tieħu; u d. jpoġġi l-kopja tal-kuntratt tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba raġunijiet ta' Data Protection ma nħossx li għandi nagħti l-informazzjoni mitluba f'paragrafi (a) u (b). Il-paga u l-benefiċċji eżistenti tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw mill-Onorevoli Interpellant huma: Paga: CHF52,440 fis-sena Benefiċċji: allowance ta' CHF4,370 ta' darba fis-sena Ir-Rappreżentanza tħallas ukoll nofs l-assigurazzjoni medika ta' din il-persuna. Qed inpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – żidiet f’miżati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ servizzi tal-Gvern li se togħla l-miżata tagħhom? Jista’ jgħid b’kemm se jiżdiedu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tispeċifika għal liema perjodu u servizzi qiegħda tirreferi.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – Customer care – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Famlija u Solidarjetà Soċjali – Customer care – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Customer care – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Customer Care apparti ilmenti jirċievi wkoll suġġerimenti dwar kif pereżempju n-nies tista’ tgħin aktar lill-Korp tal-Pulzija u lill-Forzi dixxiplinati l-oħra. L-aktar ilmenti li l-Customer Care jirċievu hu dwar bżonn ta’ aktar sorveljanza fit-toroq, aktar assistenza mill-Pulizija fil-peak hours tat-traffiku, dewmien ta’ Visas, mistoqsijiet fuq il-proċess ta’ tiġdid tal-karti ta’ identita’, kif ukoll ilmenti ġenerali dwar problemi li jirriżultaw minħabba l-immigrazzjoni.
Leg 12 PQ #12792 Sitting 223 2014-12-16 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – Customer care – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi suġġetti li l-aktar li jistaqsu fuqhom fil-customer care tal-Ministeru kienu fuq Eżenzjoni First-Time Buyers; Tneħħija tas-Sistema tal-Perit tal-Gvern; Investment Registration Scheme; Inċentivi Għal Min Irid Jaħdem; u 15% Withholding Tax Fuq il-Kera. Dawn m’humiex ilmenti. L-ilment jirriżulta mit-ton tal-individwu u fuq dan, il-ministeru ma jżommx records.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – Customer care – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-customer care tal-Ministeru in-nies ma jiġux biss biex jagħmlu l-ilmenti iżda jiġu wkoll biex jiksbu informazzjoni. Kellna talbiet ta’ informazzjoni dwar ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, installazjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi, skemi fuq bjar, każijiet ta’ inġustizzji, u każijiet relatati mal-entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru.