Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Public Transport Services Ltd – company secretary

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kwalifiki u l-esperjenza rikjesti għall-post ta’ company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd li nħatar biex iservi bħala tali fl-2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li r-rikjesti mitluba għall-post ta’ Company Secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd., f’Novembru tas-sena 2014, kienu ibbażati fuq l-applikazzjonijiet tal-Companies Act 1995, konformita’ mar- regolazzjoni kif mitluba mill-Malta Financial Services Association u esperjenza fil-pożizzjoni.

Ħal Tarxien –Xogħlijiet fi Triq San Anard

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13674 u ċjoè dwar xogħlijiet li saru riċentament fi Triq San Anard, Ħal Tarxien, filwaqt li nappreza li x-xogħol sar minn entità privata, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li saru kienu ta’ trinek u cables minn entita’ tat-telekomunikazzjoni.

Ħal Tarxien – Manutenzjoni ta’ toroq

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13674 u ċjoè dwar l-asfaltar li hemm bżonn li jsir, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prijoritajiet tar-reġjun? Jista’ jgħid meta se jsiru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’kull reġjun, bħal fil-każ tar-reġjun tal-lvant (fejn Triq San Anard, Tarxien, tagħmel parti minnu) Transport Malta tkun evalwat il-kundizzjoni ta’ diversi toroq u ttihom priorita’ skont il-bżonn.

Asbestos fi proprjetà tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx baqa’ siti li huma proprjetà tal-Gvern jew li qegħdin taħt il-kontroll jew fil-pussess tal-Gvern, jew qed jintużaw mill-Gvern jew minn xi entità jew awtorità tal-Gvern li għad fihom l-asbestos? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma? Jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li dan jitneħħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Iż-Żejtun, Vjal il-25 ta’ Novembru – dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq il-25 ta’ Novembru, Iż-Żejtun (it-triq li toħroġ għal Ttal-Barrani) tingħata d-dawl peress li kontinwament tintuża aktar b’mod abbużiv bħala miżbla milli bħala triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li Triq 25 Ta’ Novembru, fiż-Żejtun hija mdawla b'mod tajjeb u qatt ma rriżultaw problemi ta’ skart jew abbużi f’din it-triq.
Leg 12 PQ #13867 Sitting 236 2015-02-04 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

SME Initiative

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tibda titħaddem l-iskema SME Initiative, ċjoè meta se jkunu jistgħu jibdew japplikaw għaliha l-SMEs? Jista' jgħid fiex se tkun tikkonsisti din l-iskema?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 12289.

Autobuses de Leon – Kuntratt

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13579 fejn tlabt li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat mal-Autobuses de Leon, jista’ l-Ministru jgħid f’liema seduta se jkun qed ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkarha li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkarha ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkarha fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkarha li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes , meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkarha ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkarha li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda qed isiru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha qed tkompli tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li ftit jiem ilu, fi programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l- Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill- Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li llum il-ġurnata tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. L-aħħar minn sensiela ta’ intoppi mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l- Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal- media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches , meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13694, magħmula minnha stess rigward l-użu tal-mini-buses fuq diversi rotot. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li għadhom jintużaw l-istess ammont ta’ mini-buses daqs kemm kienu qed jintużaw meta il-ftehim mal-UBS kien għadu fis-seħħ. Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.

Trasport Pubbliku – Day tickets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw day tickets tat-trasport pubbliku matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Jista’ jagħti average ta’ kemm-il darba kuljum kien qed jintuża d-day ticket?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn informazzjoni mgħoddija mill-operatur tat-trasport pubbliku, bejn Jannar u Diċembru 2014 ġew mibjugħa 10,175,554 day tickets. Infurmat ukoll li sar studju minn Transport Malta s-sena l-oħra sabiex tieħu indikazzjoni ta’ kemm passiġġieri qegħdin jagħmlu użu mill-biljetti illi jkunu xtraw. Peres li dan l-istudju sar biss fuq jumejn separati minn sena sħiħa, dan ma jagħtix indikazzjoni koretta ta’ kemm-il darba jintuża day ticket f’ġurnata. F’ Marzu li ġej ser titniehda kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid u ta’ kif ser tkun qed titħaddem is-sistema ta’ xiri ta’ biljetti.

Autobuses de Leon – karozzi second hand

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja second hand inkriet biex jintużaw għas-servizz mogħti mill-Autobuses de Leon? Jista’ jgħid x’Euro Level għandhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li sat-30 ta’Jannar 2015, l-operatur tat-trasport pubbliku l-ġdid irreġistra ħames karrozzi tal-linja għal żmien definit, liema vetturi inkrew mir-Renju Unit. Dawn il-karozzi tal-linja huma kollha Euro V u huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin, l-operatur il-ġdid se jirreġistra numru ta’ vetturi oħra illi ukoll ġew mikrija mir-Renju Unit għal żmien definit. It-total ta’ karozzi tal-linja mikrija li sejrin ikunu qed jiġu mpurtati huwa ta’ 32. Dawn il-karozzi ġew mikrija għall-perjodu temporanju. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-operatur huwa marbut illi jimporta 142 karozza ġdida oħra.

Autobuses de Leon – karozzi second hand

Question

B’referenza għall-karozzi tal-linja second hand li nkrew biex jintużaw għas-servizz mogħti mill-Autobuses de Leon, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn inkrewx tale quale jew inkella sarulhomx xi modifikazzjonijiet? Jekk saru xi modifikazzjonijiet, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi tal-linja li nkrew mill-operatur tat-trasport pubbliku ġew iċċertifikati mir-Renju Unit mill-Vehicle and Operator Services Agency (VOSA) ftit tal-ġranet qabel ma’ dawn il-vetturi ġew irreġistrati f’Malta l-ġimġħa li għaddiet. Minn dak in-nhar, ma saret l-ebda modifika fuq l-istess vetturi. Infurmat ukoll li ċertu apparat bħal CCTV cameras, magni tal-biljetti u tracking devices qed jiġu installati wara din iċ-ċertifikazzjoni sabiex il-karozzi tal-linja jkunu konformi mar-rekwiżiti mitluba mill-istess Awtorità fil-kuntratt illi ġie iffirmat fit 8 ta’ Jannar 2015.

Trasport pubbliku — Karozzi tal-Linja BMCs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja magħrufa bħala BMC’s (li kienu dawk il-karozzi tal-linja li s-sewwieqa kienu jitgħallmu fuqhom) humiex se jintużw fuq ir-rotta mill-Autobuses de Leon?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm karozzi tal-linja tat-tip BMC li kienu u għadhom liċenzjati sabiex ikunu jistgħu jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Għaldaqstant, bil-permess ta’ Transport Malta, l-Malta Public Transport jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

Malta Public Transport Services Ltd – company secretary

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13673, jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni għandu l-company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd li nħatar biex iservi bħala tali fl-2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-remunerazzjoni tal-Company Secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd. għandha tiġi diskussa fil-Board Meeting tal-kumpanija li se jinżamm fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Baħar iċ-Ċagħaq — Triq il-Kosta - proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-proġett fuq Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq? Kemm se jiswa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12744.

Strateġija għas-sigurtà fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq s’issa mill-istrateġija għas-sigurtà fit-toroq li tnediet f’konferenza stampa f’April 2014? Jista’ jgħid b’kemm naqsu l-inċidenti fatali, bi ġrieħi gravi u bi ġrieħi ħfief, minn meta tnediet l-istrateġija sal-aħħar tas-sena 2014 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-snin 2012 u 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta wettqet dawn il-miżuri mir-Road Safety Strategy hekk kif ġej: · Tħejjew l-Avviżi Legali li jipprojbixxu annimali fit-toroq arterjali u distributorji fil-ħinijiet kritiċi tat-traffiku b’xi eċċezzjonijiet; · Qed isiru Road Safety Audits fuq disinji ġodda ta’ toroq arterjali u distributorji skont id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja; · Fid-disinji tat-toroq ġodda qed jiġi nklużi designated cycle lanes fejn il-wesgħat tat-triq jippermettu · Ġew installati diversi Vehicle Activated Signs dwar limitu ta’ veloċita’ tas-sewqan u ta’ kisriet fit-toroq u roundabouts ; · Ġie approvata u nstallata speed camera fil- Bypass ta’ San Pawl il-Baħar; · Tlesta l-proġett tal-identifikazzjoni ta’ rotot fejn hemm bżonn li jitwaħħlu tabelli ‘Rkib taż-Żwiemel’, liema tabelli fiż-żona tal-Magħtab ser jibdew jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin bħala l-ewwel fażi tal-proġett; · Saru diversi proġetti sabiex titjieb is-saħħa u sigurta’ fit-toroq u żżid l-effiċjenza tat-sistema tat-traffiku: - Ġew implimentati żewġ lanes mir- roundabout ta’ Ħal Lija saċ-ċimiterju ta’ Ħal-Lija biex taffiet il-problema ta’ vetturi li jgħaddu fil-ħruġ tar- roundabout - Ġie eliminat ħruġ mir- roundabout ta’ Ħal- Qormi li kien qed jikkawża inċidenti tat-traffiku - Ġie irranġat quddiem id-Daħla tal-Mdina sabiex tjiebu l-faċilitajiet biex jaqsmu n-nies u kif iduru l-vetturi - Sar disinn ġdida u ġie mplimentat fl-inkroċju bejn Triq Labour u Vjal 21 ta’ Settembru fin-Naxxar - Ġiet ikkreata waiting lane fit-Triq ta’ Buqana fl-inkroċju lejn Ta’ Qali - Saret sistema ta’ one-ways f’partijiet minn Triq Mrabat, Triq Birkirkara u Telgħet San Ġiljan - Sar u ġie mplimentat disinn ġdid għall-inkroċju bejn Triq Difiża Ċivili k/m Triq Fortizza tal-Mosta, Mosta - Centreline fin-nofs tal- gyratory tar- roundabout ta’ Triq Mdina k/m Triq Manuel Dimech k/m Triq Ħal-Luqa, Qormi - Centreline fin-nofs tal- gyratory tar- roundabout ta’ Triq Ħal- Qormi k/m Triq Manuel Dimech k/m Triq San Bastjan, Qormi - Infetħet Triq il-Knisja minn k/m Triq Ross sa k/m Triq Spinola, San Ġiljan, sabiex taffiet il-problema ta-vetturi li jagħqdu fil-parti bejn Triq San Ġorg k/m Triq Ross fejn jinġemgħu ħafna pedonali - Ġiet ikkrejata waiting lane fi Triq Għajn Dwieli k/m Triq il-Baċir sabiex vettui li jduru lejn Triq il-Baċir jistgħu jistennew b’mod sikur - Ġew installati traffic lights fi Triq Żagħfran k/m Triq Mdina, Attard, li ser jinxtegħlu fil-ġranet li ġejjin - Ġew installati bollards sabiex ittawwlet is- central strip fil- bypass tal-Mellieħa parti mir- roundabout Ta’ Pennellu - Sar disinn ġdid għaż-żona ta’ Bieb is-Sultan, il-Birgu, li ser jiġi mplimentat fix-xhur li ġejjin - Ġie ddisinjat u mplimentat arranġament fi Triq Villabate k/m Triq San Ġużepp, Żabbar, sabiex tiġi ndirizzata l-problema tal-ħbit f’dan l-inkroċju - Sar disinn ġdid għall- bus stop fir- roundabout bejn Triq Valletta k/m Vjal Sir Pul Boffa, Raħal Ġdid, sabiex tiġi ndirizzata l-problema li xarabank tar-rotta tieqaf fir- roundabout biex tgħabbi u tħott in-nies, liema xogħlijiet ser isiru fix-xhur li ġejjin - Proġett ta’ Intelligent Traffic Management Systems liema tenders qed jiġu evalwati. L-istatistika mitluba hija kif ġej: SENA ĦFIEF GRAVI FATALI Year 2012 1290 300 9 Year 2013 1300 265 18 Year 2014 1494 292 11 Jien infurmat li r-Road Safety Strategy tnediet f’April 2014 bħala dokument għal konsultazzjoni. Wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn il-pubbliku kien mistieden jgħaddi l-kummenti u suġġerimenti, tali ġew analizzati minn Transport Malta u kien hemm suġġerimenti validi li ġew milqugħa. Wara dan il-perjodu, beda jsir ix-xogħol fuq il-miżuri proposti fid-dokument f’Ottubru 2014. Għaldaqstant, nistennew li r-riżultati ta’ dawn il-miżuri li qed jittieħdu jibdew jagħtu l-frott fix-xhur li ġejjin.

Tħaffir taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġara mit-tħaffir taż-żejt li kellu jsir 130 kilometru ’l barra mill-kosta ta’ Malta u li kellu jsir mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid għaliex ma seħħx dak li kien qal hu fis-7 ta’ Marzu 2014 u ċjoè li fil-postijiet fejn se jsiru l-bjar, hemm ċans kbir li hemm ammont ta’ żejt fi kwantitajiet kummerċjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li t-tħaffir tal-bir Ħaġar Qim beda f’Mejju tas-sena li għaddiet u spiċċa f’Lulju. Kif diġa għidt f’okkażjonijiet oħra l-bir ġie abbandunat wara li laħaq il-fond kuntrattwali minħabba li ma kienx hemm indikazzjoni ta’ idrokarburi. Tajjeb niċċara dak li kont għidt jien fis-7 ta’ Marżu waqt il-konferenza organizzata minn ‘The Economist - Business Roundtable with the Government of Malta’. Jien kont għidt: “We have no doubt that the sedimentary basins offshore Malta possess good, drillable structures analogous with existing producing fields in the Central Mediterranean, and in these geological structures there is very probably petroleum in commercial quantities. The presence of these petroleum bearing structures can only be proven by drilling exploration wells’. Dan il-kumment ma kienx marbut speċifikament mal-bir Ħaġar Qim iżda kien kumment ġeneriku li juri li ġaladarba Malta hija imdawwra bi bjar li jipproduċu ż-żejt jew il-gass, u ġaladarba l-istess ġeoloġija testendi fl-ibħra Maltin hemm ċans kbir li anke fl-ibħra tagħna tinstab materja prima fi kwantitajiet kummerċjali. Fl-isfond tal-bir Ħaġar Qim jiena biss infurmajt lill konferenza li dalwaqt ser jitħaffer il-bir u irringrazzjajt lill kumpaniji għall-impenn tagħhom. Id-diskors tiegħi jinstab fuq is-sit elettroniku ta’ The Economist u qiegħed ukoll inpoġġi kopja tad-diskors fuq il-mejda tal-kamra. Barra minn hekk tajjeb li nirrepeti dak li jien kont għidt f’din il-Kamra nhar l’ 1 ta’ Diċembru 2014 rigward il-bir Ħaġar Qim, fejn jien kont għidt li “Minkejja li r-riżultat ta’ dan il-bir ma kienx wieħed pożittiv, il-Gvern ser ikompli bl-isforzi tiegħu biex jinkoraġġixxi kumpaniji taż-żejt jesploraw f’Malta. Biex inti ttella’ il-materja prima hemm bżonn li tħaffer iktar bjar u aħna qed nagħmlu minn kollox biex ikun hawn tħaffir ta’ iktar bjar, biex fl-aħħar il-materja prima titla”. Qiegħed inpoġġi kopja tad-diskors tiegħi fuq il-mejda tal-kamra.

Ftehim mal-Italja – tiftix għaż-żejt konġunt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew jekk hux se jsir ftehim dwar tiftix għaż-żejt konġunt mal-Italja? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan id-dokument?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom għaddejjin.

Parking Policies

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fuq it-Times Online nhar l-Erbgħa 21 ta' Jannar 2014, jista' l-Ministru jgħid x'konkluzzjonijiet wasal għalihom il-Gvern bħala reviżjonijiet li għandhom isiru fil-Parking Policy? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha li jelenkaw il-proposti tal-Gvern? Jista' jagħti data indikattiva ta' meta jaħseb li se tibda l-implementazzjoni ta' din il-Parking Policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 12914, l-ewwel abbozz tal-parking policy il-ġdida hekk kif imfassal minn Transport Malta ġie konkluż. F’dan l-istadju, anki minħabba l-impatt li jista’ jkollu l-operat il-ġdid tat-trasport pubbliku, ġie deċiż li jitwaqqaf Interministerial Committee sabiex tiġi diskussa fid-dettal u b’mod lokalizzat kull proposta li ġiet mressqa minn Transport Malta. Wara li dan il-proċess jiġu konkluż, id-dokument se jiġi emendat skont ir-reviżjonijiet li jistgħu joħorġu mill-imsemmi Interministerial Committee, u sussegwentament tiġi finalizzata l-proposta tal-Gvern dwar il-Parking Policy.

Trasport pubbliku — rotot bil-minibuses

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent, jiġifieri sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rotta ta' trasport pubbliku hemm li qegħdin isiru bil-minibuses? Jista' jgħid liema huma dawn ir-rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat illi b’kollox hemm disa’ rotot li qegħdin jiġu operati permezz ta’ minibuses. Dawn huma is-segwenti: Numru tar-rotta Lokalitajiet 101 Manikata, Mellieħa, Ċirkewwa 102 Manikata, Mellieħa, Ċirkewwa 106 Mater Dei, B`Kara, Balzan, Attard, Ta' Qali, B'Kara 109 Baħrija, Rabat, Attard, Żebbuġ, Siġġiewi 122 Valletta, Floriana, Ħamrun, G'Mangia, Mater Dei 123 Valletta, Floriana, Ħamrun, Fleur De Lys, B`Kara, Swatar, Mater Dei 130 Valletta, Floriana, Valletta Waterfront 136 Valletta, Mater Dei, San Ġwann, Għargħur, Naxxar, Lija, B'Kara 401 Wardija, Burmarrad, Buġibba, Qawra

Korporazzjoni Enemalta –elettriku ġġenerat minn sistemi fotovoltajċi — kumpens

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ċ-ċifra globali ta’ flus li l-Korporazzjoni Enemalta għandha tħallas illum lill-familji u lil stabbilimenti kummerċjali bħala kumpens għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajċi li bdew joperaw f’diversi postijiet? Jista’ jgħid meta fil-fatt se jitħallsu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13678 (tlettax-il elf, sitt mija, tmienja u sebgħin).

Konsum tad-dawl u l-ilma – lukandi u ristoranti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ħallsu l-lukandi u ristoranti f’Malta u Għawdex f’kirjiet u konsum tad-dawl u l-ilma lill-Korporazzjoni Enemalta/Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-ARMS Ltd għas-snin bejn l-2013 u l-2014, xahar b’xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjon mitluba għandha valur kummerċjali.